It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test

Perspettivi Oħra tal-Letteratura Maltija

Iż-żewġ ħarġiet ta’ Fora Melitensia (2004, 2005) issa jinsabu fuq l-OAR tal-Librerija tal-Università ta’ Malta. Dan ifisser li l-istudji kollha ġew iddiġitalizzati u jistgħu jinqraw online minn dawk kollha li għandhom kont elettroniku mal-Università.

It-tieni ħarġa, li kont l-editur tagħha jien, tinsab kollha hawnhekk.

fora-melitensia-2

Daħla: Trankwillità Qarrieqa

F’din il-pubblikazzjoni ġbarna t-taħditiet li saru waqt is-seminar pubbliku dwar “It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test. Perspettivi Oħra tal-Letteratura Maltija” organizzat mid-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela ta’ l-Università ta’ Malta fit-Teatru taċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta, nhar is-Sibt, 29 ta’ Novembru, 2003.

L-għan ewlieni tas-seminar kien li permezz ta’ taħditiet minn studjużi differenti u d-diskussjonijiet ma’ l-udjenza preżenti li saru wara kull intervent nistħarrġu testi magħrufin tal-letteratura Maltija f’dawl ġdid. Il-format tas-seminar kien jirrifletti l-fehma magħrufa fid-dinja akkademika internazzjonali li l-letteratura tinkiteb ukoll minn min jaqraha, li t-test isir letteratura meta skond kif jinqara.

Il-mistoqsija li jeħtieġ li nistaqsu mhijiex dwar jekk il-qari tagħna tal-letteratura huwiex qed isir “akkademiku” wisq imma dwar jekk aħniex ninqdew b’kunċetti tal-letteratura li jirrikonoxxu n-natura miftuħa tax-xogħol letterarju. Irridu naraw jekk l-idea tagħna tal-letteratura tippermettix li l-qarrejja jinħakmu mix-xogħol letterarju u fl-istess ħin jaħkmuh huma wkoll bl-esperjenzi u bl-ideoloġiji differenti tagħhom. Kull darba li nassumu li omm, missirijietna, Alla, Ġaħan, l-identità, il-politika, l-istorja u l-bqija huma ingredjenti innoċenti u trankwilli mislufin mid-dizzjunarju tad-definizzjonijiet u mhux mill-borma mħawda tal-ħajja marbuta ma’ post, żmien u ideoloġiji partikulari, inkunu qed noħonqu x-xogħol letterarju u s-sehem li għandna bħala qarrejja fil-kitba tiegħu. 

Il-mistiedna speċjali għal dan is-seminar dwar il-letteratura li organizzajna kienet il-poetessa mill-Irlanda ta’ Fuq, Sinéad Morrissey, li tlabnieha titkellem dwar għaliex ngħallmu l-letteratura. Sinéad Morrissey żaret Malta fuq inizjattiva ta’ The British Council u l-organizzazzjoni kulturali Inizjamed bi sħab maċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Fuq l-istess tema, “Why Teach Literature?” għamlet intervent ukoll Dr. Mary Darmanin.

Il-Wirt ta’ Edward Said

Waqt li konna qegħdin nħejju għal dan is-seminar dwar “It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test” tħabbret il-mewt ta’ Edward Said fil-25 ta’ Settembru, 2003. Il-mewt ta’ Said kienet telfa kbir għal dawk kollha li jemmnu li l-ħsieb u r-riċerka huma indispensabbli għal min jemmen fil-ħtieġa tat-tibdil mhux biss fil-mod kif titmexxa d-dinja imma l-aktar fil-mod kif nifhmuha.

Said kien jemmen li meta naqraw test, irridu niftħuh biex naraw kemm dak li fih u kemm dak li tħalla barra minn min kitbu. Kull biċċa xogħol kulturali hija viżjoni ta’ mument u rridu nqiegħdu dik il-viżjoni fejn il-ħafna reviżjonijiet li saru wara u li pprovoka x-xogħol stess biex naraw il-kuntrast ta’ bejniethom. Barra minn hekk, irridu norbtu l-istrutturi tax-xogħol letterarju ma’ l-ideat, il-kunċetti u l-esperjenzi li ħa minnhom.

To value literature at all,” jikteb Said, “is fundamentally to value it as an individual work tangled up in circumstances taken for granted by everyone, such things as residence, nationality, a familiar locale, language, friends and so on.” Il-problema tagħna hija kif se nġibu dawn iċ-ċirkustanzi u x-xogħol letterarju bi dritt xulxin, kif se nifirduhom mit-test u fl-istess ħin ninkorporawhom fih, kif se naqraw ix-xogħol u fl-istess ħin naqraw ukoll il-qagħda li għandha x’taqsam mad-dinja li tinsab “lilhinn” minnu.

Edward Said ħa sehem attiv fil-ħajja pubblika għax qatt ma fired ir-riċerka mir-realtajiet kbar u żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. L-impenn sħiħ, ir-rigorożità intellettwali u l-elokwenza ta’ Edward Said huma ta’ eżempju għal dawk fostna li ma jridux jifhmu r-relazzjonijiet tal-bnedmin ma’ xulxin u ma’ l-ambjent bħala sensiela ta’ kunflitti inevitabbli imma bħala lok fejn tiltaqa’ u tixxettel id-diversità u fejn tista’ tisseddaq ġustizzja msejsa fuq l-ugwaljanza minkejja li l-bnedmin huma lkoll differenti.

Nawgura li l-inizjattiva li ħadna bħala dipartiment biex organizzajna s-seminar dwar “It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test” u ppubblikajna din il-ġabra ta’ studji marbuta miegħu huma xhieda ta’ l-impenn tagħna li qatt ma nifirdu r-riċerka tagħna mir-realtajiet kbar u żgħar tal-ħajja ta’ kuljum.

Adrian Grima, editur


Werrej

  • Daħla: Trankwillità Qarrieqa: – Adrian Grima
  • Why Teach Literature? – Sinéad Morrissey
  • Literature and the Imaginations of Others – Mary Darmanin 
  • Fili: ir-Romantiċiżmu modern tal-Moderni – Immanuel Mifsud
  • Ġaħan fid-Dramm ta’ Ebejer u n-Narrattiva Folkloristika – Ġorġ Mifsud-Chircop
  • Mistoħbija fuq l-Għatba. L-Element Fantastiku f’Lubien ta’ Trevor Żahra – Mario Cassar
  • Ir-Rewwixta tal-Qassisin jew ir-Rivoluzzjoni tal-Bellus tad-Drammaturgu Malti – Marco Galea
  • Tarżan u l-Udjenza Tiegħu f'”Il-Ġnien” ta’ Henry Holland – Adrian Grima

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s