Il-Qari tal-Letteratura

Il-ktieb Il-Qari tal-Letteratura: Bejn Esperjenza u Kritika (Allied Publications 2009, ed. Terence Portelli), bi studji dwar l-analiżi tal-letteratura miktubin minn Terence Portelli (teorija), Mario Cassar (lingwa), Marco Galea (drama), Adrian Grima (poeżija), u Immanuel Mifsud (narrattiva), għall-istudenti fil-livell postsekondarju u terzjarju, rebaħ premju fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Il-pittur Franċiż Edgar Degas (1834-1917), wieħed mill-esponenti ewlenin tal-Impressjoniżmu li, kontra l-artisti l-oħra tal-grupp tiegħu li ħadmu ħafna fuq id-dawl naturali u l-atmosfera fil-pitturi pajsaġġistiċi tagħhom, kellu interess speċjali li jpinġi l-bnedmin, kien iħobb jikteb il-poeżiji. Darba lmenta mal-poeta influwenti Franċiż Stéphane Mallarmé (1842-1898), wieħed mill-fundaturi tal-moviment Simbolista, li ħass li ma setax jasal fejn irid fil-poeżija minkejja li kien “mimli ideat.” Mallarmé wieġbu fil-pront: “Il-poeżija qajla tista’ toħloqha bl-ideat, sieħbi Degas. Il-poeżija toħloqha bil-kliem.” Għal dawk li jridu janalizzaw poeżija, dan huwa punt fundamentali. Fil-qofol tagħha, analiżi ta’ poeżija hija analiżi tal-element kostituttiv ewlieni tal-poeżija: il-kliem (Jakobson, 1987: 216).

F’dan is-sens nistgħu naraw il-poeżija bħala użu partikulari tal-kliem, tas-sintassi u l-punteġġatura, tar-ripetizzjoni, tal-ħsejjes tal-kliem, u l-bqija. Għaldaqstant, filwaqt li l-kontenut tematiku ta’ rakkont storiku tal-Assedju l-Kbir u l-poeżija “Il-Għanja tar-Rebħa” ta’ Dun Karm huwa simili, il-lingwa differenti li tintuża toħloq effetti u esperjenza differenti f’min jaqra jew jisma’ dawn ix-xogħlijiet. L-istorja tal-Assedju l-Kbir hija essenzjalment waħda (minkejja li nies differenti, ngħidu aħna l-Maltin, it-Torok u l-Kavallieri, għexuha u rrakkontawha skont l-esperjenzi u l-perspettivi differenti tagħhom) iżda l-poeżija nazzjonalistika ta’ Dun Karm tirrakkontaha b’lingwa poetika li hija differenti ħafna minn dik ta’ rakkont storiku fattwali, ngħidu aħna dak ta’ Ernle Bradford f’The Great Siege.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s