Adrian Grima, Ħożż fl-Ilma. Il-kotba, il-qari u l-baħar (Malta: Edizzjoni Skarta, 2008)
Niżżel dan il-ktieb: Ħożż fl-Ilma – Parti 1 – 3.3.09 | Ħożż fl-Ilma – Parti 2 – 3.3.09
Silta mill-bidu ta’ dan il-ktieb:
Il-Maltin huma l-inqas li jaqraw fil-ħin liberu tagħhom fl-Unjoni Ewropea, u l-mediterranji, b’mod ġenerali, jaqraw inqas min-nordiċi. F’konferenza dwar il-qari li organizza l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’Marzu tal-2008 wara li ħareġ dan ir-riżultat negattiv, kien hemm kelliema b’esperjenza f’bosta oqsma, bħall-pubblikazzjoni u l-edukazzjoni, li qalu li dan in-nuqqas ta’ qari għandu x’jaqsam mal-istil tal-ħajja tagħna, mal-klima, mal-importanza li nagħtu lis-soċjalizzazzjoni, lill-baħar u lis-sema blu. Kien hemm ukoll min esprima dubju li n-numri xejn sbieħ dwar il-qari f’Malta jistgħu jkunu żbaljati (dawn l-Ewropej x’jafu dwar il-qari f’Malta?) u li fil-fatt il-Maltin minn 15-il sena ’l fuq jaqraw iżjed milli tissuġġerixxi l-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea li qegħditna fil-qiegħ nett.
Il-fenomenu tal-qari huwa kumpless għax huwa marbut ma’ bosta oqsma, bħall-edukazzjoni u l-influwenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni, bħad-divertiment u l-kultura, u għalhekk jitlob analiżi lajka li għandha tibda mill-klassifika li għandna quddiemna, u mill-fatt, sagrosant, li pajjiżna, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jinvestu l-enerġija u r-riżorsi tagħhom fit-tixrid tal-qari u tal-kotba, mhu jagħmel xejn biex ikattar il-qari u l-kultura tal-qari fost il-kbar.
F’dawn l-aħħar sjuf, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, bir-riżorsi limitati li ngħatawlu, mexxa inizjattiva medjatika żgħira biex il-Maltin jieħdu ktieb magħhom ħdejn il-baħar. M’għandix dubju li din l-inizjattiva ħalliet l-effett pożittiv tagħha, imma biex tkun tassew effettiva nafu li inizjattiva bħal din trid tkun parti minn strateġija nazzjonali komprensiva li jkollha l-appoġġ sħiħ tal-klassi politika li s’issa, fil-biċċa l-kbira tagħha, kienet għal kollox indifferenti lejn din il-problema, u tinvolvi oqsma differenti tal-ħajja Maltija, fosthom, fuq quddiem nett, il-mezzi tax-xandir u dawk li jħobbu l-kotba u l-letteratura. Ma saret ebda kampanja qawwija ta’ din ix-xorta u r-raġuni jkollha tkun li l-politiċi u l-amministraturi ta’ pajjiżna ma jqisux il-kura ta’ dan il-marda kronika bħala prijorità.
Forsi – u din hija interpretazzjoni iktar imqarba jew malizzjuża – bħan-nies tal-poter fir-raħal metaforiku ta’ Ħaż-Żgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer, f’ċerti kurituri tal-poter f’oqsma differenti tas-soċjetà Maltija, mill-politika sal-Knisja, mill-mezzi tax-xandir sal-kultura, hemm min ma jridx li l-kotba jċaqilqu l-ilmijiet qiegħda. Din aktarx hija interpretazzjoni ideoloġika anakronistika, waħda li ma rridux nikkunsidraw… Jibqa’ l-fatt li meta t-tfal jaraw stazzjon nazzjonali tat-televiżjoni sajjem għal kollox minn riferimenti għall-kontenut maħsub tal-kotba fil-programmi għall-kbar; meta jisimgħu lill-“idoli” tagħhom fid-divertiment, fl-isports, fil-kultura, u fil-politika jitnebbħu minn kollox ħlief mill-kotba, dan iħarbat ix-xogħol tajjeb li qed isir f’ħafna skejjel primarji biex it-tfal ifittxu dejjem iżjed l-esperjenza tal-qari u s-seħer l-kotba. Jibqa’ l-fatt ukoll li b’dan il-mod kollox jibqa’ l-istess.
Bosta pajjiżi Mediterranji u Ewropej qed jaħdmu biex jippromwovu l-qari u l-letteratura tagħhom u dawn l-inizjattivi jagħtu ħjiel ta’ dak li nistgħu nagħmlu aħna wkoll. Hawnhekk nixtieq nipproponi għadd ta’ inizjattivi li, iktar minn investiment konsiderevoli ta’ flus, jitolbu att ta’ fidi fil-kotba u fil-kontribut li kapaċi jagħti l-qari lill-kwalità tal-ħajja u l-futur tal-individwi u ta’ komunità sħiħa.