Dgħajjes Qodma u Maħmuġin

Niżżel dan il-ktejjeb: Dgħajjes Qodma u Maħmuġin

Għadu kemm ħareġ il-ktejjeb “Dgħajjes Qodma u Maħmuġin” – Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin, bl-istudju li kiteb Adrian Grima fl-okkażjoni tad-diskors li għamel biex jitfakkar Jum Dun Karm nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, 2004, f’Sala Robert Samut, il-Furjana. Il-ktejjeb ġie ppubblikat mill-Kumitat Festi Nazzjonali.

Dan l-istudju huwa mnebbaħ mill-poeżija ta’ Dun Karm, “Lid-Dielja,” imxandra għall-ewwel darba fl-1913, u mill-poeżija bit-Taljan “Viticoltura,” li l-poeta xandar fl-1911.

Permezz ta’ kitbiet tal-botaniku, il-Prof. Gianni Borg, Adrian Grima jħares lejn dawn il-poeżiji fl-isfond ta’ l-istorja tad-dwieli u l-produzzjoni ta’ l-inbid fil-Gżejjer Maltin fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin. Fl-istess ħin se jintrepreta l-poeżija “Lid-Dielja” bħala xogħol politiku li jiġbor fih uħud mill-elementi ewlenin ta’ l-ideoloġija kulturali ta’ Dun Karm.

Dr. Grima jsostni li l-qarrejja tal-lum għandhom iqisu l-viżjoni tal-barranin li hemm f’dawn il-poeżiji, mibnija fuq il-biża’ u s-suspett, fil-kuntest taż-żmien li fih inkitbu, u b’dan il-mod joħolqu relazzjoni dinamika mat-testi li tagħtihom ħajja dejjem ġdida.

“Għal Dun Karm, u aktarx għal ħafna minna anki llum, hemm distinzjoni netta bejn dawn il-“Maltin” u l-“barranin,” imma fil-fatt l-affarijiet, kif niskopru meta jkollna każ partikulari quddiemna, huma bil-wisq iktar kumplikati minn hekk. Il-verità hi li kulħadd għandu l-idea tiegħu ta’ x’inhi l-identità Maltija, ta’ x’inhuma dawk l-affarijiet li jagħmluk Malti jew Maltija; u kulħadd għandu l-ideat tiegħu dwar x’inhuma dawk il-kwalitajiet li jagħmluk Malti jew Maltija “tassew.”

Għalik forsi, li tkun Malti/ja jfisser li tkun tgħix f’Malta, jew li twelidt f’Malta, imma nafu li hemm nies li jqisu ruħhom Maltin, u aħna nqisuhom hekk wkoll, minkejja li ma jgħixux jew ma twildux Malta. Għal ħafna minna li tkun Malti jew Maltija jfisser li titkellem bil-Malti, jew li tħaddan ir-reliġjon Kattolika, jew li jkollok ġilda “samra qamħija” (v. 8), imma hemm Maltin li m’għandhomx waħda jew aktar minn dawn il-karatteristiċi. Barra minn hekk, hemm nies li huma ċittadini Maltin li ma jqisux ruħhom, jew ma nqisuhomx, bħala Maltin, u hemm ħafna li jħossu li ma jappartjenu għal ebda ġens partikulari, jew li huma membri sħaħ ta’ aktar minn ġens wieħed.”

Biex tikseb kopja ikteb lil Dr. Adrian Grima fl-indirizz adrian.grima@um.edu.mt

Novembru, 2004


Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin

Il-Kumitat Festi Nazzjonali stieden lil Dr Adrian Grima biex jagħmel diskors dwar Dun Karm f’Lejla ta’ Tifkira li se ssir nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, 2004, f’Sala Robert Samut, il-Furjana. Il-lejla tibda fis-6.30pm. Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden biex jattendi.

Id-diskors ta’ Dr. Grima, “Dgħajjes Qodma u Maħmuġin” – Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin, huwa mnebbaħ mill-poeżija ta’ Dun Karm, “Lid-Dielja,” imxandra għall-ewwel darba fl-1913, u mill-poeżija bit-Taljan “Viticoltura” li l-poeta xandar fl-1911.

Permezz ta’ kitbiet tal-botaniku, il-Prof. Gianni Borg, Adrian Grima jħares lejn dawn il-poeżiji fl-isfond ta’ l-istorja tad-dwieli u l-produzzjoni ta’ l-inbid fil-Gżejjer Maltin fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin. Fl-istess ħin se jintrepreta l-poeżija “Lid-Dielja” bħala xogħol politiku li jiġbor fih uħud mill-elementi ewlenin ta’ l-ideoloġija kulturali ta’ Dun Karm.

Dr. Grima jsostni li l-qarrejja tal-lum għandhom iqisu l-viżjoni tal-barranin li hemm f’dawn il-poeżiji, mibnija fuq il-biża’ u s-suspett, fil-kuntest taż-żmien li fih inkitbu, u b’dan il-mod joħolqu relazzjoni dinamika mat-testi li tagħtihom ħajja dejjem ġdida.

“Għal Dun Karm, u aktarx għal ħafna minna anki llum, hemm distinzjoni netta bejn dawn il-“Maltin” u l-“barranin,” imma fil-fatt l-affarijiet, kif niskopru meta jkollna każ partikulari quddiemna, huma bil-wisq iktar kumplikati minn hekk. Il-verità hi li kulħadd għandu l-idea tiegħu ta’ x’inhi l-identità Maltija, ta’ x’inhuma dawk l-affarijiet li jagħmluk Malti jew Maltija; u kulħadd għandu l-ideat tiegħu dwar x’inhuma dawk il-kwalitajiet li jagħmluk Malti jew Maltija “tassew.”

Għalik forsi, li tkun Malti/ja jfisser li tkun tgħix f’Malta, jew li twelidt f’Malta, imma nafu li hemm nies li jqisu ruħhom Maltin, u aħna nqisuhom hekk wkoll, minkejja li ma jgħixux jew ma twildux Malta. Għal ħafna minna li tkun Malti jew Maltija jfisser li titkellem bil-Malti, jew li tħaddan ir-reliġjon Kattolika, jew li jkollok ġilda “samra qamħija” (v. 8), imma hemm Maltin li m’għandhomx waħda jew aktar minn dawn il-karatteristiċi. Barra minn hekk, hemm nies li huma ċittadini Maltin li ma jqisux ruħhom, jew ma nqisuhomx, bħala Maltin, u hemm ħafna li jħossu li ma jappartjenu għal ebda ġens partikulari, jew li huma membri sħaħ ta’ aktar minn ġens wieħed.”

Fil-lejla se jieħdu sehem ukoll, fost l-oħrajn, il-kantawtur Mario Debono, u l-kantanta Merga.


Stqarrija għall-Istampa

Il-Kumitat Festi Nazzjonali jfakkar lill-poeta nazzjonali Dun Karm

Matul ix-xahar ta’ Ottubru, il-Kumitat Festi Nazzjonali qed jieħu ħsieb li jfakkar it-twelid u l-mewt tal-poeta nazzjonali tagħna Dun Karm.

Fost l-attivitajiet li qed jiġu organizzati nhar il-Ġimgħa, id-29 ta’ Ottubru, fis-6.30 ta’ filgħaxija se tittella’ lejla ta’ tifkira fis-Sala Robert Samut.  Din il-lejla se tkun taħt il-patroċinju tal-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici. Tul is-serata li se tkun imżewqa b’qari ta’ poeżiji, bijografija dwar il-poeta u mużika, se jsiru diskorsi ta’ l-okkażjoni mill-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici u d-diskors prinċipali minn Dr Adrian Grima.

Dr Adrian Grima (1968) jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Kiseb id-Dottorat b’teżi dwar ħames metafori li sawru l-immaġinarju nazzjonali fil-letteratura Maltija, fost l-oħrajn fil-poeżija ta’ Dun Karm. Fit-teżi tiegħu tal-Masters jiddiskuti l-Metafora tal-Vjaġġ fil-Poeżija ta’ Dun Karm u Oliver Friggieri.

Tkellem dwar il-letteratura, il-kultura u l-Mediterran f’konferenzi f’Malta, Reggio Calabria, Palermo, Ruma, Ċipru, Delfi, Pariġi, u Puerto Rico, u fl-universitajiet ta’ Yale u Colorado at Boulder fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Xandar artikli kulturali u ta’ riċerka f’Malta, l-Italja u Franza.

Fl-1999 ippubblika It-Trumbettier, ktieb ta’ poeziji bil-Malti, bi tpinġijiet u traduzzjonijiet għall-Ingliż. Dal-ktieb rebaħ it-tieni premju fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżija ppubblikati fl-Ewropa fl-1999. Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f’antoloġiji fl-Italja, Franza, Ċipru, l-Iżrael, l-Olanda, u l-Ġermanja, u qara x-xogħlijiet tiegħu f’Malta, Ċipru, Delfi, Katanja, Ruma u The Hague.

Dr. Adrian Grima huwa l-koordinatur ta’ l-inizjattiva kulturali Mediterranja Inizjamed u l-korrispondent Malti tal-website dwar il-kultura fil-Mediterran, Babelmed.

Il-Kumitat Festi Nazzjonali jħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din is-serata. Id-dħul huwa bla ħlas.

Anton Miceli

Segretarju, Kumitat Festi Nazzjonali



Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s