
Għażiż Ġorġ,
Naf li ma ridtx titlaq daqshekk malajr imma nifhem li kultant il-ġisem jagħmel l-affarijiet kontra r-rieda tagħna. Jaħdem kontrina, veru? Il-ġisem jimliena u l-ġisem ibattalna. Qed nisimgħek tgħidli, bil-ħrara l-kbira tiegħek, “Ippruvajt, Ad. Emminni ppruvajt. Imma xi trid tagħmel, hux?” U titbissem dik in-naqra.
Għax anki meta kont titkellem fuq affarijiet serjissimi, kien jirnexxilek titbissem. Imqar ftit. Dejjem titbissem. Qatt ma ħadtha li kont tkun qed tgħid l-affarijiet biċ-ċajt għax tkun qed titbissem. It-tbissima kienet parti mill-fiżjoloġija tiegħek. Mhux tal-karattru biss.
Kienet espressjoni tal-intensità emottiva li biha kont tagħmel kollox, u fl-istess ħin ta’ dik in-naqra distanza li minnha kont tosserva l-affarijiet, dik in-naqra distanza li minnha stajt tqiegħed kollox fil-perspettiva tiegħu, fil-kuntest iktar wiesa’. Sinċerament, ma nafx kif kont tagħmilha, imma kien hemm ħafna affarijiet speċjali fik li ma nafx kif kont tagħmilhom. “Pereżempju, Ad?” Pereżempju, kif kont tlaħħaq ma’ kollox u ma’ kulħadd. Kif kont tlaħħaq ma’ dawk l-emozzjonijiet kollha. Kif kont tkun dejjem hemm, dejjem preżenti. Titbissem.
Naħseb li t-tbissima, ix-xelta kollha ta’ tbissim li kellek, kienet l-aqwa espressjoni tal-mod pożittiv kif kont tħares lejn il-ħajja. Lejn in-nies. Lejja. Lejn kull persuna li kont taf. Kienet espressjoni tal-fiduċja tiegħek fit-taħbita bla heda – sakemm tehda – tal-ħajja. Il-fiduċja tiegħek fil-forza sovversiva tat-tajjeb. Tal-ġenwin. Tal-arti fina lkoll, fl-affarijiet iż-żgħar.
“Veru, Ad.” U titbissimli.
Imma jien u naqbel miegħek, ma jirnexxilix nitbissem, imqar ftit. Ma jirnexxilix. Għax inti tlaqt malajr wisq u jien ili ħmistax nipprova nifhem/naċċetta/nirrassenja ruħi. Filli hawn u filli m’intix. Filli nħoss lil xi ħadd itaqtapli fuq spallti u jgħidli, “Haw’, Ad,” u filli xejn. Il-funeral tax-xej’.
Isma’, Ġorġ. Bejnietna. Taf li introduċejtni ma’ Shirley xi tliet darbiet? “Ad, tafha lil Shirley?” Niftakar u nitbissem, għax int kellek fiduċja bla qies fil-ħbiberija. Fl-imħabba. Fil-ħajja.
Fl-aħħar qisha ttradietek il-ħajja. Jew forsi ma ttradietek xejn. Forsi, bil-mod tagħha, baqgħet tiċċelebrak sal-aħħar. “Veru, Ad.”
Għal mument jirnexxili nifhem li nistgħu niċċelebraw il-ħajja tiegħek minħabba dak kollu li tajtna u dak kollu li ħallejt warajk. Imma wara dak il-waqt ta’ apprezzament, ma jirnexxilix nibqa’ nitbissem.
Nammetti li meta niftakrek tqiegħed it-tablet quddiemna Ljubljana, titbissem dik it-tbissima l-kbira, u tagħfas xi ħaġa fuq l-arloġġ mhux arloġġ, anki jien kapaċi nitbissem ftit. Imma mill-bqija, Ġorġ, għalija dan mhux mument tat-tbissim.
Għax ili nafek wisq. Għandek amment meta ltqajna? Taf li l-memorja tiegħi qisha l-kubrit ta’ sulfarina. (Aktarx għalhekk introduċejtni ma’ Shirley tliet darbiet.) Meta ltqajna, għid? “Ma niftakarx, Ad.” Mela ejja ngħidu li sirt nafek minn kullimkien u ili nafek minn dejjem.

Issa taf x’se nagħmel. Ġorġ? (Ġa qed titbissem.) Se nfittex fl-arkivju biex insib ritratt tiegħi miegħek. Mhux fuq l-ajruplan bil-maskra tal-COVID ma’ Nathan, għax anki ritratt tal-maskra jagħmilli d-dwejjaq. Ritratt jien u int.
Jogħġbok dan? Ħadthulna int! Għafast dak l-arloġġ tal-għeġubijiet, u qbadtna flimkien.

U hemm l-ieħor ukoll, ma’ Klara u Leanne. Dak ħadtu int ukoll, Ġorġ. “Naf, Ad.” U titbissem.