Ritratti tat-tnedija ta’ Kenneth Scicluna

Nhar it-Tlieta 6 ta’ Jannar 2026 fi Spazju Kreattiv ħadt sehem f’diskussjoni waqt it-tnedija tal-ktieb U Niftakar: Ħamsa u Għoxrin Sena ta’ Inizjamed (2026) flimkien ma’ Leanne Ellul, direttriċi artistika tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, u Keith Borg, editur tal-ktieb. Editjar: Keith Borg. Id-diskussjoni tmexxiet minn Gabriel Schembri.
Fil-ktieb, b’disinn ta’ Naomi Gatt, hemm għadd kbir ta’ kitbiet li jirrappreżentaw perspettivi, esperjenzi u vuċijiet differenti:
- IL-KELMA ĊĊELEBRATA, Keith Borg – Editur
- MARIA GRECH GANADO, HEMM MERKURJU, U HEMM MERKURJU, Anna Zammit
- INIZJAMED AT 25: PROSIT/LLONGYFARCHIADAU!, Alexandra Büchler – Director of Literature Across Frontiers
- IL-KORDINAZZJONI TAL-FESTIVAL, Jean Paul Borg
- JAKE BUTTIGIEG
- IL-PERIFERIJI BĦALA (LIMIT)AZZJONI, Elena Cardona
- KLARA VASSALLO
- ID-DIMENSJONI EWROPEA U MEDITERRANJA F’ĦIDMET INIZJAMED, Karsten Xuereb
- EFFIE AZZOPARDI
- RITWALI U RITRATTI, Claudia Gauci
- KATEL DELIA
- DAWN L-ISTEJJER TA’ MIN HUMA?, Justine Somerville
- VIRGINIA MONTEFORTE
- L-ANTOLOĠIJA ARKIVISTA U RAKKONTATRIĊI, Kit Azzopardi
- MATTHEW SCHEMBRI
- IKKUNSIDRA S-SILENZJU, Clare Azzopardi
- INIZJAMED MINN GĦAJNEJN NADIA … JEW APOLOĠIJA TAL-ĦOLM, Nadia Mifsud
- ĦALLIHA TIDĦOL HEKK FIL-GERŻUMA, Leanne Ellul
- IL-QAWWA TAL-KELMA ĦIELSA, Adrian Grima
25 sena mfawra bi kliem, kitbiet, traduzzjonijiet, festivals, kollaborazzjonijiet, lingwi, mużika, imma fuq kollox relazzjonijiet. Awturi minn Malta u minn kull rokna tad-dinja poġġew flimkien u ddiskutew xogħolhom, daħqu u bkew, imma fuq kollox kitbu. Persuni li kienu jew għadhom involuti f’din l-għaqda volontarja jagħtuna togħma tal-esperjenzi varji fi ħdan Inizjamed. Japprofondixxu l-Istorja fl-istadji differenti tagħha: il-memorja, is-silenzju, l-antoloġizzar, l-attiviżmu, u fuq kollox il-qawwa tal-kelma. Dan kollu jissaħħaħ b’esperjenzi qosra ta’ nies li daqu ’l Inizjamed minn angoli differenti.
Dan il-proġett huwa parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv, organizzat minn Inizjamed u appoġjat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb permezz tal-Fond Malti tal-Ktieb.
IL-QAWWA TAL-KELMA ĦIELSA
Din hija silta mill-esej tiegħi
Jeżisti dejjem u kullimkien il-periklu li l-awturi, minħabba n-natura aktarx prekarja tax-xogħol li jwettqu u d-dħul finanzjarju tagħhom, jispiċċaw ikkundizzjonati minn dawk li
jagħtuhom ix-xogħol. Għax il-kelma tistqarr u tikxef, u qajla hemm lok biex l-awturi jesprimu ruħhom b’mod ħieles mingħajr ma jidħlu f’kunflitt ma’ dawk li jkollhom il-poter politiku, soċjali, u ekonomiku fil-pajjiż. Il-kelma kapaċi taqta’ fil-laħam il-ħaj, anki meta tinqeda bl-allegorija u l-metafora, bħalma għamel Orwell innifsu, jew sempliċement meta tirrapporta l-fatti u tinterpretahom b’mod letterarju. Kif turi l-istorja ta’ numru ta’
awturi li ħadu sehem fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura mmexxi minn Inizjamed, hemm limitu kemm tista’ tuża l-kelma biex tgħid mingħajr ma tgħid, jew tikxef billi timplika, u b’hekk ma tidħolx f’kunflitt dirett mal-istituzzjonijiet tal-poter bħall-ġurnalisti u l-istoriċi. Orwell jgħid li l-qerda tal-libertà intellettwali tħarbat qabelxejn lill-ġurnalisti, u mbagħad lill-kittieba soċjoloġiċi, l-istoriċi, ir-rumanziera, il-kritiċi, u fl-aħħar lill-poeti, f’dik l-ordni. Din il-ġerarkija li jistabbilixxi Orwell hija interessanti, fost l-oħrajn għaliex fiha jirrifletti fuq in-natura tal-proża u l-poeżija li t-tnejn huma elementi fundamentali tal-festival internazzjonali ta’ Inizjamed. Imma naħseb li dan l-aspett jitlob diskussjoni oħra.
Waqt li t-tensjoni li tinħoloq bejn l-awturi letterarji u dawk li jiffinanzjaw il-kitba tagħhom ma naħsibx li tista’ tqisha bħala kwistjoni ċentrali f’Malta għax prattikament kollha kemm huma jaqilgħu l-għejxien tagħhom minn attività oħra, l-organizzazzjoni
ta’ festival tal-letteratura bilfors tqanqal tensjonijiet simili bejn l-istituzzjoni, aktarx pubblika, li tiffinanzjah, u l-kelma tal-awturi li hija d-drapp li minnu nħitu festival letterarju. Proprju minħabba n-natura essenzjalment kontroversjali tal-letteratura, dejjem f’tensjoni mal-lingwa stabbilita u man-narrattivi dominanti, l-indipendenza tal-organizzazzjoni li tmexxi festival letterarju hija kruċjali. Għax meta stat jorganizza festival tal-kelma, it-tentazzjoni li jikkontrolla dak li jista’ joqros jew jisfida xi saba’ jew id tal-ġisem kumpless tal-istat, inevitabbilment tkun kbira.






