Translating Europe Workshop
Il-konferenza “Togħma u Traduzzjoni” ta’ nhar is-Sibt, 6 ta’ Diċembru 2025, ħadet spunt mir-reġistrazzjoni tal-ġbejna tan-nagħaġ fl-2025 bħala DOP (jew Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta) biex tiddiskuti r-relazzjoni bejn it-traduzzjoni u l-ikel u x-xorb minn diversi angoli. Il-kelliema ħarsu lejn modi professjonali u aġġornati ta’ kif niktbu testi bil-Malti marbutin mal-ikel u x-xorb, fosthom riċetti u menus, u kif nittraduċuhom għall-Malti u mill-Malti għal-lingwi oħrajn, ngħidu aħna fil-qasam tat-turiżmu. Il-konferenza saret fl-Aula Magna tal-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta, bejn id-09:00 u 12:30, bħala parti mit-Translating Europe Workshops tal-Unjoni Ewropea tal-2025.










Kelliema mill-Qasam tal-Malti
Fid-diskors tiegħu, is-Sur John Paul Grima, riċerkatur u lettur każwali fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università, għamel diskors bl-isem ta’ “Lejn ġabra ta’ riżorsi terminoloġiċi bil-Malti: l-ikel u t-tisjir”, imsejjes fuq teżi tal-Masters fil-Lingwistika Maltija dwar It-Terminoloġija Maltija: Lejn Ġabra ta’ Riżorsi Terminoloġiċi bil-Malti (2024) li tmexxiet mill-Prof. Michael Spagnol. John Paul Grima ppreżenta mappa tar-riżorsi terminoloġiċi bil-Malti li nħadmu mis-seklu dsatax ’il quddiem, imma saru b’għanijiet u metodi differenti. Din il-mappa toffri punt ta’ riferiment għal dawk kollha li fuq il-post tax-xogħol, fl-istudju jew fir-riċerka tagħhom ikunu qed ifittxu t-terminoloġija bil-Malti. Din il-mappa tinkludi stampi, recordings awdjo, u filmati.
Il-konferenza tmexxiet mis-sur David Schembri, kordinatur tal-lingwa u l-kultura fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. L-ewwel intervent kien ta’ Prof. Clare Vassallo, mid-Dipartiment għall-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar, li tkellmet fuq l-identità tal-ikel bħala traduzzjoni kulturali u staqsiet kemm nistgħu nqisu l-ikel bħala esperjenza “komuni” u bħala “esperjenza universali”. Imbagħad is-Sa Angela Debono, mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni fil-Kummissjoni Ewropea, tkellmet fuq il-protezzjoni tal-kwalità tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb fl-UE. It-tielet kelliem, Dr Noel Buttigieg mid-Dipartiment tal-Immaniġġjar tat-Turiżmu fl-Università ta’ Malta, tkellem fuq l-ikel bħala lingwa ta’ bosta tifsiriet, waqt li r-raba’ intervent kien dak ta’ John Paul Grima.
Fit-tieni parti tal-konferenza, David Schembri intervista lis-Sa Karmen Tedesco dwar is-sehem tagħha fil-promozzjoni bil-Malti tat-tisjir u tal-ikel Malti u bnin fuq ix-xandir pubbliku mill-aħħar tas-snin tmenin tas-seklu għoxrin ’il quddiem u l-pubblikazzjoni ta’ kotba tar-riċetti. Imbagħad is-sur Schembri intervista lis-Sur Daniel Borg, raħħal li jipproduċi l-ġbejniet bil-ħalib tan-nagħaġ u lil Dr Anthony Gruppetta, it-tnejn mix-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż. Din it-taħdita kienet partikolarment attwali fid-dawl tal-ħidma tax-Xirka biex fil-bidu tal-2025 il-ġbejna tan-nagħaġ saret l-ewwel ikel Malti bit-tikketta prestiġjuża tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta.
Il-konferenza ngħalqet mill-Prof. Adrian Grima, Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta li tkellem fuq il-funzjoni tal-ikel u tal-ikliet fir-rumanz ta’ Concetta Brincat tal-1919, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk (Klabb Kotba Maltin), l-ewwel rumanz bil-Malti miktub minn mara li nafu bih u li ġie ppubblikat għall-ewwel darba f’Ottubru tal-2025. Filwaqt li dan huwa rakkont ambjent l-aktar f’Pariġi ta’ żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, jirrakkonta ċerti aspetti tal-kultura tan-nies komuni f’Malta tal-bidu tas-seklu għoxrin. Il-Prof. Grima ffoka fuq żewġ xeni li fihom in-Nanna Marì tmur tiekol għand Katarin u Mastru Lippin jitlob lil Pietru, ir-raġel ta’ Katarin, biex jipprepara l-ikel għalihom it-tnejn. L-imgħallem jgħid lill-impjegat il-ġdid tiegħu li fil-kċina tar-remissa fejn kienu qegħdin għandu jsib “kollox, żejt, basal, dqiq, borma, taġen, kollox.” Fiż-żewġ xeni, id-diskors ta’ bejn il-karattri jibda bil-kliem u jkompli bl-ikel, li permezz tiegħu r-relazzjoni “ssir ġisem”, espressjoni u matmura tal-kompliċità umana.
Pubblikazzjonijiet
Waqt il-konferenza tqassmu għadd ta’ pubblikazzjonijiet, fosthom l-aħħar ħarġa tar-rivista l-aċċent dwar it-traduzzjoni u l-ilsien Malti maħruġa mid-Dipartiment tal-Ilsien Malti fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Tqassmu wkoll għadd ta’ pubblikazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università, fosthom il-Korsarju ktejjeb bilingwi ta’ informazzjoni dwar il-korsijiet li joffri d-Dipartiment; żewġ ħarġiet riċenti tar-rivista akkademika tal-ewwel grad Riċerkaturi; l-ewwel ħarġa tar-rivista ta’ riċerka postgradwatorja Qabelxejn; u żewġ kotba bl-atti ta’ konferenzi dwar il-lingwa u l-politika, Il-Poter tal-Kelma: Politika u Letteratura f’Oliver Friggieri u In-Niggieża tan-Narrattiva: Il-Proża Politika, maħruġin bi sħab mad-Dipartiment għall-Istudji Politiċi u l-Governanza.
Il-konferenza “Togħma u Traduzzjoni” kienet parti mill-programm ta’ Translating Europe Workshops imtellgħa mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea madwar l-UE, bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment għall-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta.


