Vuċijiet minn Gaża bbumbardjata

Nhar is-Sibt 27 ta’ Settembru 2025, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta, qrajt verżjoni bil-Malti ta’ tliet kitbiet ta’ Palestinjani minn Gaża. Il-kitbiet ħadthom mill-ktieb editjat minn Aldo Nicosia, Ho ancora le mani per scrivere. Testimonianze dal genocidio a Gaza (Edizioni Q, 2025).

Il-kitbiet li qrajt jien kienu “Meta tgħalllimt naħsel il-ħwejjeġ” u “Il-pads neċessarji, mhux lussu” ta’ Nur Sueirki, u “It-tifkira ta’ priġunerija mhix differenti wisq mit-tifkira ta’ gwerra” ta’ ‘Ala’ Nami al-Ghoul (poeta), li lkoll inkitbu fl-ewwel xhur tal-attakk fuq Gaża mill-Iżrael, f’Diċembru 2023.

L-istedina biex nieħu sehem waslet mingħand Inizjamed, li kkoordinat dan il-qari, u li fih qraw ukoll Jean Paul Borg u Stephen Cachia. Kollha qrajna verżjonijiet bil-Malti ta’ kitbiet ta’ Palestinjani. Din il-lejla ċċelebrat l-għarfien uffiċjali minn Malta tal-istat tal-Palestina. Id-Direttur Artistiku ta’ din il-lejla kien Daniel Cauchi u fiha daqq ukoll il-grupp Akshara.

Dan l-avveniment ta’ solidarjetà u ta’ kuxjenza dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina, wara r-rikonoxximent uffiċjali ta’ Malta tal-Istat Palestinjan, ġie organizzat mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali flimkien mal-Arts Council Malta u Heritage Malta.


Leave a comment