Katavri mill-Kolonji

L-Akkademja tal-Malti, bi sħab mal-Klabb Kotba Maltin, għadha kemm ippubblikat ħarġa akkademika speċjali tar-rivista Il-Malti, XCVII 2024, li tiffoka fuq il-ktieb ta’ Mario Azzopardi, Epistoli mid-Deżert (Horizons 2015). L-istudji f’din il-ħarġa ġew ippreżentati waqt seminar ta’ ġurnata dwar “Tiftix u Taqtigħat – L-ispiritwalità ta’ Mario Azzopardi” organizzat mid-Dipartiment tal-Malti, l-Istitut Karmelitan, u l-Akkademja tal-Malti, li sar fl- 24 ta’ Frar 2024, fl-Aula Prima, fil-bini tal-Università fil-Belt.

Il-kelliema individwali, George Farrugia, Charlo Camilleri, Keith Borg, Adrian Grima, Immanuel Mifsud, Pat Gatt, Charles Briffa, u Glen Attard, intalbu jiffukaw fuq taqsima partikulari ta’ dan il-ktieb. L-editur ta’ din il-pubblikazzjoni ġdida huwa George Farrugia.

L-istudju tiegħi f’din il-ħarġa speċjali jismu “’Bl-inġenji grotteski tax-xjaten'”‘: Katavri mill-Kolonji” u jiffoka fuq it-taqsima tal-ktieb ta’ Azzopardi li fiha l-Poeżiji mill-Awstralja.

Il-Malti XCVII 2024

It-tpinġija fuq il-qoxra, xogħol Mario Azzopardi stess, turi t-tempji ta’ Ħaġar Qim. “Bħal fil-poeżija tiegħu, hawnhekk ukoll naraw għaqda profonda bejn l-ispiritwali u l-istoriku, bejn l-artist u l-wirt antik ta’ pajjiżu. It-tempji, simbolu ta’ misteru u qima antika,
isiru metafora viżiva għal tfittxija interjuri, spiritwalità mhux istituzzjonali, u sens ta’ għeruq li jinfdu l-ħin. Din l-immaġni tistieden lill-qarrej jidħol fil-meditazzjoni poetika li joffru l-istudji f’dan il-ktieb.”


Leave a comment