In-Niggieża tan-Narrattiva: Il-Proża Politika

F’dan il-ktieb dwar In-Niggieża tan-Narrattiva: Il-Proża Politika (L-Università ta’ Malta, 2025) ġbarna l-atti tat-tielet konferenza annwali ta’ Lingua-Politik li saret fis-27 ta’ April 2024 fl-Aula Prima tal-Valletta Campus. Lingua-Politik hija sensiela ta’ konferenzi dwar il-politika u l-lingwa mtellgħa bl-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Istudji Politiċi u l-Governanza u d-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Fl-intervent tiegħi dwar “Il-Poter Sovversiv tal-Immaġinazzjoni,” ktibt dwar il-vuċi individwali tal-pluralità, ispirat l-aktar mill-ktieb Croire. Sur les pouvoirs de la littérature (Actes Sud, 2023) ta’ Justine Augier. Ktibt ukoll dwar l-isfida tal-immaġinarju, u hawnhekk ħadt mill-interventi tal-kollegi kollha li għamlu intervent fil-konferenza. Imbagħad iddiskutejt id-definizzjoni tal-immaġinazzjoni, fost l-oħrajn bħala l-att tal-moħħ li jsawwar quddiem għajnejh, u dwar il-ħila tagħha li teħodna, b’mod għalkollox sovversiv, lil hinn mill-immedjat.

Din hija l-introduzzjoni tal-esej tiegħi:

Fil-kuntest ta’ konferenza li tistqarr li l-letteratura għandha funzjoni politika, nixtieq inħares ftit lejn il-forza sovversiva tal-immaġinazzjoni, fakultà li jgħidulna li hi mbiegħda sew mill-politika. Għax minbarra li hija l-istrateġija li biha nanalizzaw u nirreaġixxu għaċ-ċirkostanzi tal-lum, il-politika tistrieħ fuq il-ħila tagħna li nantiċipaw il-futur biex naraw fenomeni u soluzzjonijiet li ma jidhrux fil-wiċċ. L-immaġinazzjoni mhix in-nuqqas ta’ ħila li naraw il-preżent, imma l-ħila li naraw dak li għadu ma jidhirx jew dak li ħaddieħor m’għandux il-ħila jara jew ma jridniex naraw. F’das-sens, f’dinja mimlija allat li jridu jimponu s-saltna tagħhom fuq dawk ta’ taħthom, l-immaġinazzjoni għandha alla għaliha.

Wieħed mix-xogħlijiet letterarji li nirreferi għalih f’dan l-esej huwa r-rumanz tal-awtur Alġerin Samir Kacimi miktub bl-Għarbi (2009) u tradott għall-Franċiż bħala Un jour idéal pour mourir (2020), l-aktar minħabba r-rabtiet tiegħu mal-ideat ta’ Nabokov dwar il-letteratura u l-poter. Ir-rumanz ta’ Kacimi jirrakkonta l-istorja mistħajla tal-ġurnalista ta’ erbgħin sena Halim Bensadek huwa u jinqata’ mit-terrazzin fil-ħmistax-il sular li minnu jiddeċiedi li jaqbeż minħabba diżappunt fl-imħabba. Dan ir-rumanz kont ktibt fuqu f’kumment qasir dwar “Il-Plott Ġenjali ta’ Samir Kacimi.”

Fl-aħħar paragrafu tal-esej ngħid li

fl-aqwa tagħha, propju minħabba l-ħila tagħha li tara lil hinn mill-immedjat, jew li tara fl-immedjat dak li hu aktar profond, aktar mifrux, aktar sistematiku ġieli, il-kanzunetta, l-arti, il-letteratura taqta’ fil-laħam il-ħaj, kapaċi timmaġina. Għalhekk warrbilha, oqgħod attent minnha. Għax tagħtik l-impressjoni li hi tiżjina, tiżwiqa, żegħila, u qabel ma tinduna xi tkun qed tagħmillek, tkun qed iċċarratlek l-intern, tiġri bik u tieħdok fid-dinja skomda li mingħalik kienet qed tipproteġik minnha imma fil-fatt kienet qed tgħarrqek fiha, nofs triq bejn il-ħmistax-il sular u l-bankina.

Il-ktieb ġie ddisinjat mill-Uffiċċju tal-Kummerċjalizzazzjoni, il-Komunikazzjoni u l-Alumni, b’ritratti ta’ James Moffett, qari tal-provi ta’ Keith Attard, u stampat minn Gutenberg Press.

Dawn huma l-kitbiet li jidhru f’dan it-tielet ktieb:

Daħla
Mario Thomas Vassallo

Il-Proża Politika Maltija: Aptit għal Aktar Analiżi
Mario Thomas Vassallo

Il-Ħidma tal-Università biex Issaħħaħ ir-Riċerka u Tberraħ l-Għarfien
Simon Fabri

Ritratti Mżellġa u Vuċijiet Imbiegħda: L-Istorja, il-Memorja u l-Verità f’Castillo
Justine Somerville

Il-Politika tal-Ġeneru f’Marta Marta
Kurt Borg

Magħqudin b’Ċittadinanza Waħda? Iċ-Ċittadinanza Queer fin-Narrattiva Maltija
Romario Sciberras

L-Inkejja ta’ Cioran u n-Niggieża tal-Mikrofinzjoni
Luke J. Buhagiar

Kemm Se Ttina dik it-Tina?
Immanuel Mifsud

Il-Politika tar-Reżistenza f’Harry Potter and the Order of the Phoenix
Marie-Louise Mangion

Messaġġ ta’ Għeluq: Id-Duwaliżmu bejn l-Oqsma tal-Arti u l-Politika
Emanuel Said

Kelma tal-Aħħar: Il-Poter Sovversiv tal-Immaġinazzjoni
Adrian Grima


Leave a comment