Ir-Rakkont Ġenjali ta’ Juann Mamo f’St Martin’s College

Dil-ġimgħa kelli l-opportunità niltaqa’ mal-istudenti tal-ħdax-il sena ta’ St Martin’s College tas-Swatar. Iddiskutejna s-silta mill-ewwel kapitlu tar-rumanz ta’ Juann Mamo Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka li diġà kienu analizzaw mal-għalliema tagħhom u apprezzajt ħafna l-mistoqsijiet u l-kummenti tagħhom fuq din is-silta.

Filmat ta’ Malta fil-bidu tas-snin tletin fl-isfond

Il-lingwaġġi tar-rumanz u d-dinja li jiddeskrivi huma mbegħdin ħafna mir-realtà tal-lum, imma naħseb li bl-għajnuna tal-għalliema l-istudenti apprezzaw il-kitba awdaċi ta’ Mamo u l-fatt li jirrakkonta r-realtà importanti tal-emigrazzjoni tal-Maltin li ftit li xejn nitkellmu fuqha.

il-letteratura għandha l-ħila teħodna fejn ma nistgħux immorru fiżikament: fl-imħuħ tal-karattri, f’artijiet imbiegħda, fi żminijiet oħra, f’lingwaġġi stambi. Din hija parti mill-maġija tal-letteratura u tal-arti b’mod ġenerali. Mhux vera li l-qarrejja jippreferu jaqraw dwar dak li diġà jafu. Is-suċċess ta’ wħud mill-aqwa xogħlijiet letterarji u artistiċi, bħall-films, juri mod ieħor. Juann Mamo, meta taqrah u tgħallmu bil-qalb, juri mod ieħor ukoll.

Mument ta’ ispirazzjoni

Grazzi tal-istedina lis-Sur Nikola Farrugia, kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-kulleġġ, u grazzi lill-għalliema kollha tal-Malti tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom. M’għandix dubju li l-ħila, il-kreattività u l-passjoni tagħhom għat-tagħlim jgħinu ħafna lill-istudenti biex japprezzaw il-lingwa nazzjonali u l-letteratura tagħna.


Leave a comment