Minkejja li ma tantx nitkellmu fuqu, l-esej bil-Malti jeżisti. Kultant jitfaċċa bla mistenni qisu tifel tal-iskola li jidħol fi klassi ġdida f’nofs ta’ sena, u mbagħad jerġa’ jgħib qabel ma jilħqu jidrawh l-istudenti l-oħrajn, speċjalment in-novella, ir-rakkont awtobijografiku, u l-artiklu. Meta jgħosfor sħabu jistaqsu min kien u fejn mar imma malajr jinsewh.
Nafu mix-xogħol ta’ Jessica Micallef li l-esej jissemma b’ismu, ngħidu aħna, f’Leħen il-Malti tas-snin tletin tas-seklu l-ieħor meta Ġużè Chetcuti xandar artiklu fuq “L-Essay fil-Letteratura Maltija” (1938) biex jinkoraġġixxi d-dħul ta’ dan il-ġeneru l-ġdid. Jissemma wkoll fis-snin ħamsin f’Il-Malti meta tnieda konkors tal-kitba tal-esejs biex jiċċelebraw l-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II (Born u Chetcuti 46). Ġeneru “Ingliż” biex jiċċelebra l-Ingliżi.
Imma anki f’dawk iż-żminijiet bikrin, kien hemm kittieba gwappi bħal Ġużè Aquilina u Ġużè Cassar Pullicino (kienet l-epoka tal-Ġużejiet) li ħarġu ġabriet ta’ esejs, bħalma għamel Cassar Pullicino bil-ktieb Kelma Waħda Biss, u Kitbiet Oħra fl-1965. Mhuwiex wieħed mill-kotba magħrufin ta’ dan ir-riċerkatur kbir li ħareġ tant xogħlijiet importanti fuq l-istorja letterarja, il-folklor, u l-kultura popolari Maltija b’mod ġenerali. Fil-“Kelmtejn Qabel” tal-ewwel edizzjoni stampata fil-Veritas Press, u li dehret ukoll fl-edizzjoni tal-1973 li qrajt jien (maħruġa mill-Klabb Kotba Maltin u stampata fil-Union Press, wara l-edizzjoni tal-1971 stampata fil-Lux Press – anki l-kotba għandhom l-istejjer tagħhom), l-awtur jgħid li kiteb dawn “in-novelli, l-isketches u l-essays” f’dawk li jsejħilhom “l-intervalli ta’ xogħol ta’ tiftix u studji fuq ħwejjeġ iżjed serji” (Cassar Pullicino 3). Donnu ma jagħtix wisq dinjità lil dawn il-kitbiet, imma jgħid ukoll li ntlaqgħu tajjeb ħafna u għalhekk kellu joħroġ edizzjoni oħra. Fil-verità dawn il-kitbiet jikkumplimentaw sew ix-xogħol etnografiku li jimplika li kien iqisu bħala iktar serju. Jien narahom iktar bħala kontinwazzjoni milli bħala qtugħ.
Karattri mnaqqxin
Ta’ osservatur dejjem attent, intelliġenti u onest, Cassar Pullicino nnifsu jagħraf li bla ma ried, fil-kitbiet kollha li hemm fil-ktieb, anki fin-novelli u l-isketches, jitfaċċa “l-folklorista” li kien hemm ġo fih (3). “Il-karattri mnaqqxin” f’dawn il-kitbiet “huma kollha bnedmin li ltqajt magħhom, nies tad-demm u l-laħam li sirt naf maż-żmien u li għożżejt bħala ħbieb imqar meta kienu nies ta’ karattru dgħajjef jew mgħawweġ.” L-awtur jagħżel li jikteb fuq “rġiel u nisa umli, bla ebda pretensjonijiet żejda, imma qalbhom xorta waħda tħabbat bil-ġibdiet, bit-tqanqil u bix-xenqat li huma biċċa mill-ħmira tal-ħajja.” Kif jirrikonoxxi l-awtur innifsu, fil-kitbiet “tinħass bħal tnehida jew nota nostalġika għal dak li kien u spiċċa” (3), reazzjoni għall-isturdament li ġabet magħha modernità li nħasset mgħaġġla wisq. Il-konklużjonijiet ta’ ħafna mill-kitbiet jistrieħu proprju fuq din in-nostalġija li jħossu mhux biss il-karattri li jikteb fuqhom imma anki l-awtur. F’dan is-sens, il-paragrafi tal-aħħar, aktarx pjuttost qosra, donnhom mgħaħħlin, huma iktar “tmiem” milli “konklużjonjiet”: m’hemmx argumenti b’saħħithom fl-aħħar, m’hemmx riflessjonijiet jew rivelazzjonijiet importanti.
Il-kwistjoni li tinteressani l-aktar hawnhekk hija d-distinzjoni bejn it-tliet ġeneri ta’ kitbiet li jsemmi l-awtur biex jiddeskrivi l-kontenut tal-ktieb għax ma jgħidilniex liema kitbiet jidħlu fil-ġeneri differenti. Meta taqrahom, it-tmienja u għoxrin li huma, iktar tara x-xebh bejniethom milli d-differenzi. Fl-istess ħin, mingħajr ma jiddikjara xejn, jidher li l-awtur ġabarhom wara xulxin b’ċertu ħsieb, mhux, ngħidu aħna, skont meta nkitbu. Donnu poġġa l-ewwel in-novelli, sensiela ta’ ritratti (jew sketches) ta’ karattri, tant li wħud minnhom tahom titli eponimi: “Salvu l-Baħħar,” “Lola,” “Nonny,” “Bianca,” “Irene,” “Il-Lixandrina,” “Gerita,” u Anġla tal-Ħelu.”
Imbagħad jibdew dawk li aktarx kien qed jarahom bħala esejs: “F’Raħal,” “Mill-Ħajja Maltija,” “F’Karozzin,” “It-Triq Tagħna,” “Ġejt Noqgħod il-Belt,” “Għawdex – Tifkiriet,” “Meta Mort Għawdex bid-Dawra,” u “Fuq Kemmuna”: għalkemm fihom ritratti ta’ bnedmin u postijiet, bħalma hemm fil-kitbiet l-oħrajn, u aneddoti li huma parti minn storja “ikbar,” m’hemmx daqshekk l-element ta’ ġrajja li seħħet, kif jissuġġerixxu minnufih it-titli ta’ kitbiet bħal “Lejlet it-Tieġ,” “Bluha ta’ Mument,” u “Flimkien mill-Ġdid.” Mhux faċli tifred bejn in-novelli, sketches u esejs, fost l-oħrajn, għax ħafna drabi juża narrazzjoni omodijeġetika, vuċi fl-ewwel persuna li tirrakkonta. Ngħidu aħna l-kitba “Tgħanniqa Vojta” (1961), il-“jien” li qed ikellimna huwa l-awtur, jew narratur maħluq minnu biex jirrakkontalna l-ġrajja tal-ħabib tiegħu Harry? Mix-xeħta personali ta’ ħafna mill-kitbiet f’dan il-ktieb, nissuspetta li hu l-awtur “innifsu,” dak li sar jaf lil Harry “l-Ingilterra wara l-Gwerra” u saru ħbieb tal-qalb (49). Imma dan ir-rakkont jinsab fl-ewwel terz tal-ktieb, u għalhekk jista’ jkun li jrid jingħadd man-novelli, jew mal-isketches, li wkoll aktarx huma stejjer ta’ nies veri. L-istrateġiji u t-tekniki letterarji jużahom dejjem, bħal meta jikxef ġrajja jew kuntest bil-mod il-mod, jew juża l-imperfett, jew jinqeda bid-diskors dirett: il-letterarjetà ma jidhirx li tista’ tgħinna biex nagħżlu bejn ġeneru u ieħor.
Fl-aħħar tal-ktieb jirrakkonta l-vjaġġi tiegħu l-Ewropa. Għandhom xeħta iktar personali mill-oħrajn, mhux biss għax huma djarjistiċi imma anki għax iħoss inqas il-ħtieġa li jiddokumenta l-Malta u Għawdex ta’ madwaru: f’“Meta Sifirt l-Ewwel Darba” jirrakkonta l-vjaġġ tiegħu f’St. Moritz, l-Iżvizzera, u l-ewwel esperjenza tiegħu fuq ajruplan. Il-kitbiet l-oħrajn huma ambjentati fl-Ingilterra, fejn kien mar jistudja għal sena u nofs, bejn Diċembru tal-1949 u Awwissu tal-1951, bl-għajnuna tal-British Council: “Żewġ Ħarġiet f’Yorkshire,” “Meta Wasalt fil-Lake District,” u “Kemm Domt l-Ingilterra – Siltiet minn Djarju.” Din l-aħħar kitba hija letteralment ġabra ta’ kitbiet minn djarju, bid-dati b’kollox. Jibda n-nota tal-5 ta’ Frar 1950, ngħidu aħna, bil-kliem: “Kelmtejn bil-ġirja għax mgħaġġel,” bl-immedjatezza li tistenna minn kitba ta’ din ix-xorta. Imma dawn is-“Siltiet mid-Djarju li kelli nikteb” dwar iż-żmien tiegħu l-Ingilterra huma miżgħuda b’riferimenti għal Malta, il-Maltin u l-kultura Maltija. Hemm il-vjaġġatur li qed jiskopri mkejjen ġodda fl-Ingilterra imma hemm ukoll l-istudjuż li qed jistenna bil-ħerqa kopja tal-ktieb Studji Kritiċi Letterarji ta’ Ġużè Aquilina (1950) ġejja bil-posta minn Malta (127-28) u mbagħad jaqrah “f’nifs” meta jasal (131) u jagħmel faċċata u nofs jitkellem fuq Malta u l-kitbiet u l-istudji li jixegħlulu moħħu u jimlewlu qalbu.
Fil-kitbiet “esejistiċi” fit-tieni parti tal-ktieb, biex nuża t-terminu li laqqagħni l-iżjed miegħu l-kollega u ħabib Mario Aquilina, sikwit hemm kwotazzjonijiet mix-xogħlijiet magħrufin ta’ awturi Maltin u barranin, jew mill-kultura orali popolari. Din hija karatteristika magħrufa tal-esej. Għax waqt li l-esej, jew l-esej “personali,” jistrieħ sew fuq il-vuċi identifikabbli li qed tirrakkonta, jiġifieri tal-awtriċi jew l-awtur, jistrieħ ukoll fuq ir-riċerka, fuq l-għarfien. Michel de Montaigne (1533-1592), li bosta jqisuh bħala l-ewwel imgħallem tal-ġeneru tal-esej letterarju kif qed nitkellmu fuqu, jimla l-esejs tiegħu bi kwotazzjoni wara l-oħra, ġieli f’nofs sentenza, mill-awturi klassiċi Rumani. Minn banda jinsisti mal-qarrejja li fl-aħħar mill-aħħar qed jikteb fuqu nnifsu: “And therefore, Reader, I myself am the subject of my book: it is not reasonable that you should employ your leisure on a topic so frivolous and so vain” (Drawn from Life xxii). F’dan is-sens, ifakkarna fil-kumment ta’ Cassar Pullicino dwar l-esejs tiegħu bħala tbegħid għal ftit minn xogħol ta’ kitba u riċerka iktar serju. Montaigne jinsisti li l-istampa li jagħti tiegħu nnifsu fl-esejs tirrifletti r-realtà mikxufa: “Here I want to be seen in my simple, natural, everyday fashion, without striving or artifice: for it is my own self that I am painting. Here, drawn from life, you will read of my defects and my native form so far as respect for social convention allows. . .” Mill-banda l-oħra, jurina li meta jitkellem fuq temi kbar bħat-tul tal-ħajja, il-poter, jew l-għira, mhux qed jistrieħ biss fuq dak li jaqgħalu f’rasu, imma anki fuq l-awtorità tal-awturi u l-għorrief il-kbar tal-qedem.
L-għarfien ta’ Cassar Pullicino tal-kultura orali popolari u tal-letteratura Maltija u internazzjonali jidher sew matul il-ktieb tiegħu, imma speċjalment meta jkun qed jitkellem fuq esperjenzi ftit iktar personali. Il-vuċi narrattiva ma nistgħux ngħidu li qed “tintervjeni,” bħalma jiġri fin-narrattiva letterarja, għax hanwhekk sikwit għandha kontroll sħiħ fuq dak li qed jiġi rrakkontat u qajla titlaq il-kontroll tar-rakkont minn idejha, għajr biex tagħtina siltiet qosra ta’ diskors dirett minn xi karattri. Dejjem qed jirrakkontalna Ġużè Cassar Pullicino, jew aħjar il-leħen vuċi narrattiv li joħloq fl-ewwel persuna, jiġifieri f’ismu bħala l-awtur.
Ħdejn ħafna xogħlijiet fit-tradizzjoni internazzjonali tal-esej, dawn il-kitbiet f’Kelma Waħda Biss huma pjuttost qosra. Nikkalkula ma fihomx iktar minn elf jew elf u ħames mitt kelma. Jeżistu esejs ta’ kull daqs fit-tradizzjoni internazzjonali, imma aktarx uħud mill-iktar magħrufin huma itwal minn dawn il-kitbiet ta’ Cassar Pullicino. Dan l-aħħar reġa’ ġie f’idejja ktieb bil-kitbiet ta’ George Orwell li kont għoddni nsejt li kelli. L-ewwel kitba hija l-esej magħruf tiegħu “Shooting an Elephant,” ippubblikat fl-1936, erba’ snin biss qabel uħud mill-kitbiet f’Kelma Waħda Biss. L-esej (stupend) ta’ Orwell fih iktar minn 3200 kelma, iktar mid-doppju tal-esejs ta’ Cassar Pullicino. Minħabba t-tradizzjoni b’saħħitha tal-esej li fiha kien qed jikteb u jinkiteb, Orwell aktarx kien iqis l-esej bħala xogħol “serju” daqs kitbiet oħrajn minn tiegħu, u t-tul tah il-wisa’ li jirrifletti fuq il-ġrajja personali li jirrakkonta u janalizza. Mill-ewwel tħoss li qed jinvesti l-enerġija mentali u emozzjonali kollha tiegħu. Fl-istess ħin il-kitba tinqeda bl-istrateġiji letterarji li tistenna minn esej fi tradizzjoni meqjusa, qabelxejn, bħala “letterarja.” Fl-esejs ta’ Cassar Pullicino nħossiktar is-sens ta’ awtur li jrid juża Malti idjomatiku u korrett, ta’ etnografu li fil-lingwa għandu l-għodda ewlenija biex jiddokumenta l-kultura orali Maltija.
Fl-istess żmien li fih Cassar Pullicino kien qed jikteb l-esejs tiegħu li jidhru f’Kelma Waħda Biss, żewġ awturi magħrufin u rispettati, Wistin Born u Ġużè Chetcuti, taw dik li tista’ titqies bħala d-definizzjoni tagħhom ta’ esej tajjeb. Kitbuha fir-“Rapport tal-eżaminaturi fuq il-konkors ta’ essays dwar Malta u l-inkoronazzjoni tal-maestà tagħha r-Reġina Eliżabetta II” fl-1953 imniedi mill-Kumpannija tar-Rediffusion bil-għajnuna u l-kooperazzjoni tal-“Għaqda tal-Kittieba tal-Malti,” rapport li sirt naf bih bil-ħila ta’ Jessica Micallef. L-eżaminaturi jgħidu li fl-evalwazzjoni tal-31 kitba li daħlu għall-konkors, u li ntrebaħ minn Ġużè Orlando Smith, imxew fuq numru ta’ kriterji: “Ideat u immaġinazzjoni; oriġinalità u rabta artistika fit-trattament tas-suġġett; stil u sengħa tal-kelma.” Born u Chetcuti, promotur bikri tal-esej, jiktbu li
Kitba tajba tingħaraf mill-kwalità tal-ideat li l-kittieb jagħraf jagħti lix-xogħlijiet tiegħu, bħalma wkoll mill-immaġinazzjoni li biha jittrasforma l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu u jagħtihom libsa li ssebbaħhom u, għalhekk, jingħoġbu aktar. lżda mal-ideat u l-immaġinazzjoni, l-awtur irid jagħraf jagħti trattament oriġinali lis-suġġett, trattament li fih tinħass qawwija l-personalità u l-individwalità tiegħu ta’ kittieb. (47)
Iż-żewġ membri tal-ġurija jimplikaw li għalihom, “il-kwalitajiet letterarji li jifformaw l-essay” huma l-kwalità tal-“espressjoni letterarja,” jiġifieri “l-istil” u “s-sengħa tal-kelma;” l-użu korrett u sabiħ tal-“kelma u l-idjoma Maltija;” il-ħtieġa li l-esej iwassal “is-sentimenti tagħhom” dwar is-suġġett; il-ħila li l-esejisti jinqdew bl-immaġinazzjoni huma u jiddiskutu “suġġett hekk profond u interessanti;” l-espressjoni tal-“bażi kulturali sħiħa” tal-kittieba “li tagħti lewn, qawwa u ħajja lill-kitba;” “is-sensibiltà meħtieġa li ġġagħalhom jinterpretaw b’sens fin il-ġrajjiet” li jkunu qed jiktbu fuqhom; u għarfien tajjeb tas-suġġett jew il-ġrajjiet diskussi (46-47). Fl-aħħar paragrafu tar-rapport, il-membri tal-ġurija jinsistu li ħafna mill-kittieba li daħlu għall-konkors mhumiex “imrawma biżżejjed fis-sengħa tal-kitba u fil-qari ta’ awturi Maltin u barranin” (47). Biex jiktbu tajjeb, l-esejisti Maltin jeħtieġ li jkollhom (dan huwa l-verb li jużaw) “studji profondi tal-letteraturi barranin.” Jista’ jkun li kienet l-influwenza tal-esejs barranin li kellha bżonn il-letteratura bil-Malti biex tagħraf is-siwi ta’ dan il-ġeneru u tibda tesperimenta bih.
Il-Bżonn tal-Esej
L-esejs li bdew jidhru fil-ġurnal virtwali Aphroconfuso f’Mejju tal-2023 naħseb li qed joffru viżibilità u aċċessbilità li l-esej bil-Malti għadu qatt ma kellu. Ma jidhirlix li qatt kellna rivista li tippubblika l-esejs regolarment, bid-dikjarar. U ma jidhirlix li qatt kellna id li rabtet lilha nfisha mal-kitba tal-esej bħalma qed tagħmel dik ta’ Omar N’Shea. Hemm awturi oħrajn f’dan il-ġurnal immexxi minn Loranne Vella u Joe Gatt, imma N’Shea donnu diġà ħoloq tradizzjoni bil-ħames kitbiet tiegħu mnebbħin mis-sit arkeoloġiku “mitluf” ta’ Bur Mgħeż u mix-xena Queer li jirrakkonta f’żewġ esejs oħrajn. Element ieħor li jagħti viżibilità lill-esejs ta’ N’Shea huwa l-fatt li hemm recordings tiegħu jaqra ħafna minnhom fuq is-sit stess ta’ Aphroconfuso u fuq Spotify u mezzi oħra. Jekk ma taqbadx il-passjoni li għandu għal dak kollu li jikteb mill-kitba nfisha, taqbadha żgur mill-vuċi, li għandha l-estetika partikulari tagħha.
Fit-tieni poddata fis-sensiela ta’ “Noti Editorjali” fuq Aphroconfuso, N’Shea jitkellem ma’ Loranne Vella u Joe Gatt fuq il-kitba ta’ Bur Mgħeż, fuq kif xprunawh biex minn sensiela ta’ noti tekniċi miktubin bl-Ingliż tipiku tad-dinja akkademika kontemporanja joħloq esej, jew sensiela ta’ esejs. Il-ħames esejs ta’ Bur Mgħeż li ħarġu s’issa huma xhieda tal-format “il-ġdid” bil-Malti li naħseb li introduċa Aphroconfuso: Kitba personali, li ma tagħmel ebda sforz biex taħbi l-personalità tal-vuċi li qed tikteb, anzi tagħtiha prominenza; kitba riċerkata, anki dwar suġġetti pjuttost tekniċi, bħal fil-każ tal-arkeoloġija, jew l-istorja ta’ sit arkeoloġiku; kitba narrattiva, li tirrakkonta storja minkejja li mhijiex rumanz jew novella, imma tinqeda b’aneddoti, stejjer, inċidenti, li jagħtuna s-sens qawwi ta’ ġrajja li qed isseħħ quddiemna; kitba li tmiss mal-attwalità, anki meta titkellem fuq sit arkeoloġiku li nkixef fl-1911 u m’għadux jidher, bħal fil-każ ta’ Bur Mgħeż; kitba letterarja, li tinqeda bl-istrateġija, bil-lingwaġġi u bl-għodod retoriċi tal-letteratura; kitba li trid tesplora, tfittex, tikxef, tinħasad, iddur lura, kitba li mhix ċerta fejn se tasal, li teħodna magħha, titgħarwen quddiemna, forsi anki tiskandalizzana, għax il-vuċi tagħha fraġli u dgħajfa, bħal dik ta’ kull bniedem u bniedma; kitba riflessiva, li trid tgħarbel, tiddubita, tifhem, tirrifletti fuq il-kwistjonijiet il-kbar li jitturmentawna, li tfittex ir-risposti anki bnadi oħra, fost il-filosfi l-kbar, fost in-nies komuni li ngħixu magħhom, u tirrikonoxxi li aktarx ebda waħda minnhom, minn dawk ir-risposti, mhi l-unika risposta tajba, jew mhi tajba waħedha, li saħansitra ebda waħda minnhom ma tista’ tkun tajba.
Fil-kumment introduttiv tiegħu fuq għażla ta’ esejs ta’ Montaigne (2016), li kienu spiċċaw fl-Indiċi tal-Kotba Pprojbiti mill-Vatikan bejn l-1674 u l-1858 (xx), l-awtur Tim Parks jgħid li l-kitba tal-awtur Franċiż “tiddiżorjentana.” Għax waqt li mill-ewwel tiġbidna lejh u tibni relazzjoni magħna għax inħossu l-vuċi intima tal-awtur, xi ħaġa li aktarx norbtuha mal-modernità, fl-istess ħin m’għandniex idea fejn sejra dik il-vuċi, u għalfejn (viii). U jfixkluna wkoll il-mijiet ta’ kwotazzjonijiet li jagħtina mill-kitbiet ta’ Ruma tal-qedem, strateġija li tbegħedna mill-modernità. Naħseb li l-istorjografija metikoluża ta’ N’Shea fl-esejs ta’ Bur Mgħeż, u l-fatt li jħallatha, mingħajr ma jippreparana jew jispjegalna għalfejn, mal-esperjenza għalkollox personali tal-marda u l-mewta t’ommu, tiddiżorjentana wkoll, u ġġegħelna nistaqsu għaliex, ngħidu aħna, ir-“rakkont” li kellna nisimgħu spiċċa analiżi akkademika ta’ dokumenti uffiċjali u sorsi primarji u sekondarji oħra.
Il-vuċi tal-esejista hija b’saħħitha, tingħaraf, aktarx memorabbli, imma ma tfittixx li timponi twemmin jew morali, anki jekk twemmin u morali għandha żgur. Ngħidu aħna, il-vuċi ta’ Omar N’Shea hija profondament antiimperjalista u antikolonjalista, imma ma tippruvax tostor, jew tgħawweġ, jew tiċħad l-ġid li għamlu l-uffiċjali tal-potenza kolonjali, jew ix-xjenzati tagħhom. Il-kitba tal-esejs ta’ Bur Mgħeż jidher li kienet xprunata mill-ħeġġa editorjali ta’ Vella u Gatt, u dan huwa xhieda, għal darb’oħra, li l-aqwa kitba tista’ tkun ir-riżultat ta’ okkażjoni, ta’ mument li fih jiltaqgħu l-istilel kollha meħtieġa. Imma dawn l-esejs huma wkoll, jew qabelxejn, espressjoni ta’ bżonn, il-bżonn ta’ ġabra ta’ noti li jfittxu spjegazzjoni, li jingħaqdu flimkien f’konfoffa, li jsiru rakkont. U s-suġġett tar-rakkont huwa Bur Mgħeż daqskemm hu l-vjaġġ personali ta’ Omar N’Shea, u l-kolonjaliżmu Ingliż, u l-indifferenza tagħna lejn il-patrimonju arkeoloġiku tagħna, u s-senswalità tal-ġebla tal-franka, u x-xogħol fil-barrieri, u tant affarijiet oħra. Hemm “storja” waħda li fiha għaddejjin ħafna stejjer maġenb xulxin, fuq xulxin, wara xulxin, ġo xulxin. Din mhix l-istorja, f’xi sitt paragrafi, tat-triq tagħna: għax waqt li t-tul mhux bilfors jgħidilna iżjed affarijiet mill-qosor, żgur li għandu l-potenzjal li jgħidilna iżjed. Għalhekk, l-għażliet konxji jew inkonxji ta’ Ġużè Cassar Pullicino u Omar N’Shea għandhom konsegwenzi kbar għal dak li kapaċi jagħmlu l-esejs tagħhom.
Meta staqsejtu fuq meta nibet l-interess tiegħu fl-esejs, Omar qalli li beda ferm qabel ma beda jikteb fuq Aphroconfuso. Imma qalli wkoll li dan huwa suġġett li qed jikteb fuqu u li jixtieq jesplorah sew. Kieku ma inzertajtux waqt attività li fiha suppost konna qed insegwu xi ħaġa oħra; kieku ma ntfajtx bilqiegħda maġenbu bl-esejs tiegħu għadhom friski f’moħħi; u kieku ma staqsejtux, b’mod dirett, dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-esej, naħseb li xorta waħda kont nasal għall-konklużjoni, aktarx bħal qarrejja oħrajn, li dan huwa ġeneru li jafu sew. Għax jinħass. Il-kitbiet tiegħu huma twal wisq, mibnijin tajjeb wisq, maħsubin wisq, biex ikunu kumbinazzjoni, esejs “letterarji,” kif isejħulhom Vella u Gatt, jew “personali,” kif aktarx kieku jsejħilhom Mario Aquilina. Il-mudell jinħass. Bil-varjazzjonijiet tiegħu, naturalment, imma jinħass.
Dejjem Hemm Storja x’Tirrakkonta














F’din l-istorja tal-esej bil-Malti, Aquilina naħseb li għandu sehem importanti. Għalija żgur. Fl-10 ta’ Ottubru 2017, seba’ snin ilu, Mario bagħatli email. Qalli li kien qed jaħdem fuq konferenza internazzjonali f’Malta li kellha ssir għall-ħabta ta’ April 2019 u s-suggett kien “The Essay: Present Histories and Present Futures.” Qalli li kien qed jaħdem fuq is-sejħa pubblika, imma sadattant xtaq ikun jaf jekk suġġett bħal dan setax jinteressa lil “min jistudja l-Malti.” U kompla jispjega: “Fi kliem ieħor, dik li nsejħu ‘essay’ (ġeneralment ‘personal or familiar essay’ li tmur lura għal Montaigne, Hazlitt, Lamb, Woolf, Orwell etc) għandha relevanza għal-letteratura u kitba Maltija? Għandna ‘essayists’ ta’ importanza fil-fehma tiegħek?” Jien xtaqt ħafna li nibdew dan id-diskors fuq l-esej bil-Malti, imma la jien u lanqas ħadd minn dawk li kellimt ma kellu l-ħin jaħdem fuq dan is-suġġett. U l-opportunità ntilfet. Lil Mario semmejtlu esejisti bħal Ġużè Aquilina u l-ġabriet tiegħu Madwar il-Ħajja, imma l-mistoqsija tiegħu baqgħet issus warajja, sakemm fil-bidu tal-2021 Jessica Micallef għażlet li tikteb il-proposta tad-dottorat fuq dan is-suġġett u bdiet ir-riċerka bis-serjetà. Għalkemm id-diskussjoni dwar l-esej bil-Malti waqt il-konferenza internazzjonali kbira li organizza Mario ma saritx, fija u f’nies oħrajn qanqal interess, bl-għarfien u l-entużjażmu tiegħu, f’dan il-ġeneru. Imbagħad, għax Mario m’għandux kwiet, u dak li jkun jixtieq jagħmel, iħobb jagħmlu ma’ ħaddieħor, fid-19 ta’ Mejju 2022 bagħatli email bit-titlu, “EU Project Idea on the Essay.” Trid tkun Mario Aquilina biex toħlom li l-Unjoni Ewropea se tagħtik il-flus biex tagħmel proġett internazzjonali fuq l-esej.
F’nofs Settembru, ftit tal-jiem ilu, morna Ghent għall-ewwel laqgħa wiċċ imb wiċċ ta’ dan il-proġett sabiħ li ħolom bih, fasslu, iddiskutih ma’ ħafna nies, u kitbu Mario. Essays Beyond Borders. Għadu sal-lum sorpriż kif proġett ta’ tliet snin fuq l-esej, “fuq l-esej!,” irnexxielu jikseb fondi Ewropej. Qed naħdmu flimkien ma’ kollegi mill-universitajiet ta’ Ghent, Groningen, u Pisa, u mal-għaqda tal-awturi Sloveni, kollha b’interess u għarfien kbir tal-esej fil-letteratura tagħhom, u fil-letteratura fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. Għalija kien kors intensiv ħafna fuq l-esej u l-kollegi għenuni biex nibda nara b’mod ftit iktar ċar il-konfini sfumati tal-esej letterarju skont firxa sħiħa ta’ tradizzjonijiet u possibilitajiet. Għall-intervent tiegħi kelli l-ħsieb li nkompli nibni fuq preżentazzjoni li għamilt dwar “Imagining the Essay in Maltese” fil-laqgħa virtwali li kellna f’April, b’attenzjoni speċjali fuq Kelma Waħda Biss bħala test ewlieni ta’ riferiment, u fuq Aphroconfuso u l-esejs ta’ Omar N’Shea bħala ħjiel tal-mergħat ġodda li kien qed jimmaġina, u jibda jsawwar, l-esej il-ġdid. Kelli d-diskors ta’ tliet kwarti ftit jew wisq miktub. Kont naf mill-programm li l-ewwel ġurnata tal-laqgħa-konferenza kienet se tibda fid-disgħa ta’ filgħodu u tispiċċa fl-għaxra ta’ billejl, imma deherli li kelli biżżejjed ħin biex, lura fil-B&B, nikteb il-konklużjoni tad-diskors skont dak li nkunu ddiskutejna fl-ewwel jum ta’ ħidma.

Imma iktar ma bdejt nisma’, iktar bdejt nirrealizza li kien hemm ħafna iktar potenzjal fil-materjal Malti li kont qed nanalizza. U t-titlu sar, “Hiding in the Open: The Short Story of the Essay in Maltese.” L-ewwel parti tat-titlu hija serq sfaċċat mit-tiitlu tal-esej ta’ N’Shea “Bil-Moħbi fil-Beraħ.” L-esej titkellem fuq il-persuni gay li kienu jħufu fil-ġnien tal-Gżira, pajjiżi, dik li għalija fi tfuliti kienet il-yacht marina, bejn is-snin tmenin u l-mument meta l-awtoritajiet iddeċidew li jifqgħu l-ġnien bid-dwal. L-esej jibda bl-atmosfera surreali fil-Ġnien meta fost il-komunità fil-bidu ta’ Frar tal-1998 ġriet l-aħbar li kien inqatel l-istilista tax-xagħar Alfie Rizzo. N’Shea jinqeda b’din il-lejla mhux tas-soltu biex bil-mod il-mod jispjega dak li kien jiġri s-soltu meta, wara li l-ġenituri bit-tfal jerħulha lejn id-dar u jaqa’ d-dlam, jibdew jinġemgħu fi spazji differenti tal-ġnien, fid-dawl jew fid-dlam tas-siġar, jew madwar il-ġnien, ftit ’il bogħod jew fil-karozzi, l-irġiel li riedu jiltaqgħu ma’ sħabhom, jew jgħabbu, jew jinħabbu. Ma’ nżul ix-xemx il-Ġnien, b’xi mod, kien isir tagħhom, spazju protett, post fejn setgħu jġibu ruħhom kif jixtiequ, mingħajr ma jħossu l-ħtieġa, jew id-dover, jew l-obbligu li jġibu ruħhom kif iridhom ħaddieħor. Għalhekk “fil-beraħ,” imma “bil-moħbi.” U f’dak is-soltu dejjem kien hemm il-periklu ta’ ronda mhux tas-soltu, jew spiji li setgħu jkissrulek żwieġ, jew karriera. Imma l-esej ta’ N’Shea mhuwiex sempliċiment dokument storiku, interpretazzjoni personali ta’ spazju pubbliku jew ta’ komunità eteroġenja; mhuwiex tentattiv biex tinkiteb l-istorja mhux magħrufa ta’ komunità li kellha taħbi, ħafna drabi, l-umanità tagħha. L-esej jirrifletti fuq ħafna affarijiet u jqanqal mistoqsijiet kbar. Il-qtil innifsu ma jiddiskutihx: jgħid biss li l-ewwel reazzjoni fil-komunità gay kienet li kien att omofobiku. Imma jieqaf hemm, għax dik il-lejla tagħtih l-opportunità li jibda jirrakkonta in medias res, kif ta’ spiss jagħmlu l-esejs, dak li kien jibqa’ moħbi.
F’waħda mis-sessjonijiet li kellna fl-ewwel ġurnata tal-laqgħa-konferenza, flimkien ma’ għadd ta’ awturi u akkademiċi mistednin mill-Belġju ddiskutejna fost l-oħrajn dak li ħafna jarawh bħala l-obbligu tal-esej li jirrakkonta l-verità, jew forsi aħjar li jfittex il-verità. F’dak il-kuntest issemmiet it-tensjoni bejn it-tiftix tal-verità u l-espożizzjoni tal-fatti. Kien hemm min sostna, bir-raġun, li l-elenku tal-fatti mhux bilfors iressaqna lejn il-verità, jew almenu lejn verità. Imma ntqal ukoll li diffiċli tfittex il-verità mingħajr ma tinqeda bil-fatti. L-insistenza fuq il-funzjoni tal-esej bħala ġeneru li jittrażmetti l-fatti u jesplora l-verità rajtha sinifikattiva: ikolli ngħid li qatt ma kontx xħett dan il-piż fuq spallejh. L-esejs ta’ N’Shea, speċjalment dawk fuq Bur Mgħeż, hekk jagħmlu: ifittxu bla ħniena, bla nifs, il-fatti. Imbagħad dawk il-fatti jinterpretawhom fil-kuntest jew kuntesti li fihom seħħu, ngħidu aħna fil-kuntest ta’ poplu bla skola, jew kultura primarjament orali, jew fil-kuntest tal-kolonjaliżmu u l-imperjaliżmu Ingliż, u tal-politika partiġjana lokali. Hemm tidħol l-interpretazzjoni, it-tiftixa ta’ verità, imqar jekk tkun konxjament parzjali biex tpatti għan-nuqqas ta’ imparzjalità li kien hemm qabilha.
Preżent li joħloq Passat
Jekk l-inviżibilità tal-esej fit-tradizzjoni letterarja Maltija hija, qabelxejn, kwistjoni ta’ storja letterarja, jiġifieri tal-fatt li għażilna, konxjament jew inkonxjament, li ma narawx l-esej bħala ġeneru letterarju, jew bħala ġeneru fih innifsu, jista’ jkun li l-viżibilità tal-esej fil-preżent (u fil-futur) tista’ “toħloq” il-passat tiegħu. Fis-sens li l-għarfien tal-ġeneru jista’ jġegħelna nqisu mill-ġdid ċerti kitbiet, anki dawk li ma sejħux lilhom infushom esejs, bħala esejs jew bħala kitbiet ta’ xeħta esejistika.
F’dan il-kuntest, waħda mill-kwistjonijiet (antiki) li trid tħabbat wiċċha magħha r-rivalutazzjoni tal-istorja tal-esej bil-Malti hija dik tal-konfini bejn ġeneri differenti ta’ kitba. Filwaqt li jidentifika tliet ġeneri ta’ kitba fil-ktieb tiegħu Kelma Waħda Biss, Cassar Pullicino stess jammetti, impliċitament, li kien diffiċli għalih jistabbilixxi b’mod ċar liema huma n-novelli, l-esejs u l-isketches. Id-djarju nafu liema hu għax isejjaħlu b’ismu, imma l-oħrajn ma jsejħilhomx b’isimhom. Dan mhux każ uniku. Kif ridt nissuġġerixxi bit-tieni parti tat-titlu tal-preżentazzjoni tiegħi fl-Università ta’ Ghent, ‘A Short Story of the Essay in Maltese,” l-istorja tal-esej bil-Malti hija wkoll l-istorja ta’ ġeneru li tħabbeb sew mal-ġeneru tan-novella, jew mar-rakkont awtobijografiku qasir. F’dan is-sens, naraw minn kmieni l-laqta personali tal-esej bil-Malti. Fl-esejs ta’ Omar N’Shea, din il-vuċi personali tikseb identità b’saħħitha, vuċi sikwit lirika imma wkoll kontrokurrent u polemikuża; vuċi fattwali u oġġettiva, kważi b’mod ossessiv, u fl-istess ħin għalkollox suġġettiva. Dikjaratament suġġettiva. F’dawn it-tensjonijiet ta’ kontenut u forma, l-esej personali jew letterarju bil-Malti, għidlu li trid, għandu ħafna x’jirrakkonta.
Referenzi
Born, Wistin u Ġużè Chetcuti. “Rapport ta’ l-eżaminaturi fuq il-konkors ta’ essays dwar Malta u l-inkoronazzjoni tal-maestà tagħha r-Reġina Eliżabetta II.” Il-Malti, 1953, nru 2, 46-47.
Cassar Pullicino, Ġużè. Kelma Waħda Biss. Klabb Kotba Maltin, 1973.
Chetcuti, Ġużè. “L-Essay fil-Letteratura Maltija.” Leħen il-Malti, 85, 1938, 1-3.
Montaigne, Michel de. Drawn From Life: The Selected Essays of Michel de Montaigne. Edited by Tim Parks. Notting Hill Editions, 2016.
N’Shea, Omar. “Bil-Moħbi fil-Beraħ.” Aphroconfuso. Awwissu 2023.
—. “Bur Mgħeż #1. Ftit qabel dfint ’l ommi, mort infittex qabar.” Settembru 2023.
Orwell, George. “Shooting an Elephant.” New Writing, 2, Autumn 1936. The Orwell Foundation.
Parks, Tim. “Introduction,” fi Drawn From Life: The Selected Essays of Michel de Montaigne. Edited by Tim Parks. Notting Hill Editions, 2016.
27 ta’ Settembru 2024
The Strange Story of the Essay in Malta
It is probably only in recent years that the personal essay has gained some visibility and traction as a literary genre. This is not to say that it did not exist before. The first attempts to graft the skin of the (English-language) “essay” onto the body of Maltese literature goes back to at least the 1930s when promoters of literature in Maltese tried to encourage its use through creative writing competitions. These attempts at jump-starting interest in the genre were followed by the sporadic publication of essays and collections of essays by well-known and lesser known figures, including Ġużè Aquilina’s series of books with the general title “Madwar il-Ħajja,” about life. Adrian Grima looks at the challenges of defining the nature of the essay in Maltese and possibly identifying its history by focussing on a collection of “short stories, sketches and essays” by Ġużè Cassar Pullicino, Kelma Waħda Biss, written between 1940 and 1966. He then focusses on the new wave of essay writing, more in line with the tradition that goes all the way back to Montaigne, that appeared in the online literary journal in Maltese Aphroconfuso from May 2023 onwards. One of the more prolific essayists there is Omar N’Shea and Grima explores where N’Shea meets Cassar Pullicino, and where we changes course. In a way, it is as if the new wave of essay writing in Maltese begs for the construction of a past.
Transnational Meeting at the University of Ghent

The inaugural Essays Beyond Borders (EBB) transnational meeting took place in Ghent, Belgium, from September 12th to 14th, 2024. Hosted by Ghent University, the event brought together project participants to explore the contemporary state of the essay, with a special emphasis on its role within a planetary context.
A highlight of the event was the roundtable discussion on the evening of September 13th, where Stefan Hertmans, Persis Bekkering, Jürgen Pieters, and Mario Aquilina examined the enduring relevance of the essay. The conversation touched on the process of essay writing and its relationship to other literary forms, such as the novel and poetry.
The meeting also featured forward-looking reflections on the future of the essay. Andrej Blatnik (Ljubljana) and Roberta Ferrari (Pisa) shared insights on the essay’s adaptation to the digital age and its capacity to address global issues like climate change, respectively. Paolo Bugliani discussed the representation of animals in essays, while Adrian Grima highlighted the growth of the genre in Maltese literature. Jürgen Pieters and Luna Dieleman examined the illness essay, and contributions from Thijs Lijster and Mario Aquilina sought to develop a theoretical framework for the planetary essay.





