L-Ispettaklu mill-Balluta sal-Qaliet 

F’Lulju 2024 ktibt artiklu għal Lapsi 2024, l-annwal tal-Knisja l-Antika ta’ San Ġiljan Ospitalier, dwar poeżija ta’ Dun Karm tal-1939 li tirrakkonta s-sjuf tiegħu fid-dar tal-villeġġatura li kellu l-Qaliet ta’ San Ġiljan, jiġifieri f’26 Triq Spinola, it-triq tal-lukanda Cavalieri bejn l-1933 u l-1936. L-artiklu jismu “L-Ispettaklu mill-Balluta sal-Qaliet” u jinsab fil-verżjoni stampata u diġitali tal-ktieb Lapsi 2024.

L-istedina biex niktbu ġiet mingħand Javier Degiorgio u Niki Papagiorcopulo, li minbarra li hu s-Segretarju tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi ta’ San Ġiljan u l-editur tal-annwal, jieħu ħsieb il-knisja l-antika magħrufa bħala, Ta’ Lapsi. Għal kull festa, l-għaqda tippubblika l-annwal tagħha li jkun magħmul minn għadd ta’ artikli serji miktubin minn diversi akkademiċi, fosthom saċerdoti u persuni oħra li jkunu għamlu xi studju partikolari, ngħidu aħna fuq l-istorja ta’ San Ġiljan bħala lokalità kif ukoll bħala parroċċa. Ikun hemm ukoll kitbiet fuq ir-restawr f’Ta’ Lapsi, fuq il-mużika u esperjenzi oħra ta’ individwi li missew mal-lokalità ta’ San Ġiljan. Javier Degiorgio jagħmel il-qari tal-provi tal-annwal. Fis-sit elettroniku tal-GħDKL hemm kopji elettroniċi passati tal-annwal.

Meta kitibli fi Frar tal-2023, Niki Papagiorcopulo qalli li hija “x-xewqa tagħna li minħabba r-rata mgħaġġla ta’ tibdil fit-tessut soċjali tal-lokalità tagħna niddokumentaw kemm nistgħu mill-memorji tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.” Għalhekk il-proposta għoġbitni ħafna.

Minħabba l-interess personali u professjonali fix-xogħol u l-ħajja ta’ Dun Karm, u għalhekk anki fiż-żmien li qatta’ l-Qaliet u x’kiteb fuqu, jien għandi rabta kbira ma’ San Ġiljan. Missieri trabba hemm, Main Street, u l-familja ta’ ħuh iż-żgħir hemm għadha tgħix. Missieri kien iħobb jitkellem fuq San Ġiljan speċjalment il-baħar, id-dgħajjes u s-sajjieda għax kien iħobb iqatta’ l-ħin magħhom. Jiddispjaċini għall-mewt li qatt ma rrekordjajtu jitkellem fuq hekk. Imma għall-magħmul m’hemmx kunsill. Kuġinti Noella Grima Azzopardi żżewġet fil-Knisja ta’ Lapsi.

Id-dar fi Triq Spinola fejn kien jgħix Dun Karm u li llum minflokha hemm blokka flettijiet
Il-lapida li kienet mad-dar li llum minflokha hemm blokka flettijiet

Il-poeżija “Otia Aestiva,” speċjalment it-tieni parti tagħha li fiha Dun Karm jitkellem fuq is-sjuf San Ġiljan, ktibt fuqha fit-teżi tal-Masters għax użajt metafora tiegħu hemmhekk biex fuqha nibni kapitlu sħiħ. Aċċettajt l-istedina ta’ Niki u Javier bil-ħsieb li nieħu siltiet mill-kapitlu tat-tieni tal-Masters tal-1996 u naddattahom għall-annwal. Imma iktar ma bdejt naqra dwar Dun Karm, San Ġiljan u “Otia Aestiva II” iktar tbegħidt minn dan il-pjan u rajt il-potenzjal li nixħet l-attenzjoni tiegħi fuq aspett tal-personalità umana u poetika ta’ Dun Karm li qajla kont tajt kasu, il-bniedem li dejjem fittex li jkun man-nies, li jirrakkonta u jisma’, li jgawdi l-ispettaklu tal-ħajja soċjali tas-sajf Malti fl-aqwa tagħha.

Il-pjan kien li nuża x-xogħol li kont ġa għamilt fil-Masters u nikteb l-artiklu malajr, imma bħal dejjem biddilt il-pjan u domt ferm iktar nagħmel riċerka u nikteb. Imma l-iktar ħaġa li ħadt pjaċir nagħmel kienet li naqra bir-reqqa l-versi ta’ Dun Karm u nqegħedhom fil-kuntest tal-viżjoni li kelli tiegħu bħala bniedem u bħala poeta.

Din hija silta mill-konklużjoni tal-artiklu:

Waħda mill-karatteristiċi umani li jispikkaw f’din il-poeżija twila “tas-sajf” hija n-naturalezza li biha Dun Karm kien jitħallat mal-ġirien u man-nies tal-post billi jitkellem magħhom, idoqqilhom il-mandolina, u jilgħab il-boċċi. Friggieri jgħid ukoll li elementi bħall-kavetti, id-dgħajsa, il-menqa, il-kajjikki, u l-logħob tal-boċċi f’“Otia Aestiva” Dun Karm “iqegħedhom fil-kuntest xieraq tagħhom biex joħloq ambjent imżewwaq tipiku tal-gżira,” parti minn “ġabra enċiklopedika tal-kultura tradizzjonali tal-poplu Malti li l-poeta jsawwarha mingħajr ebda sforz, għaliex trabbiet miegħu u għożżha, sakemm sab fiha waħda mill-għejun tal-ispirazzjoni soċjali tiegħu” (Dun Karm 38). Dun Karm jirrakkonta aspetti tal-ħajja soċjali u familjari f’San Ġiljan: “Bosta siltiet jintrabtu mat-tifkiriet li tħallew biss fir-ritratti u fil-pittura,” versi li jirrakkontaw “fdal ta’ żmien u ambjent li ma jerġgħux jiġu” (“Il-Poeta Nazzjonali” 17). Huwa veru li joħroġ ukoll il-profil ta’ bniedem metodiku, aktarx riġidu fl-osservazzjoni kważi ossessjonata tal-ħin, dak li Dun Karm Farrugia saħansitra jsejjaħlu “arloġġ ambulanti,” “Arloġġ fil-ħin tal-qawmien, tar-reċta tal-Uffiċċju Divin, tal-ħruġ, tad-dħuI, tal-ikel u hekk fit-taqsim kollu tal-ġurnata u tal-ħajja kollha” (62). Nistgħu ngħidu li kemm fil-ħajja ta’ kuljum u kemm fl-istil tal-kitba tiegħu, “Dun Karm kien jippreferi l-ordni mill-avventura” (Grima, Il-Metafora tal-Vjaġġ 111), u hu stess jgħid Ii minn kmieni tgħallem Ii “l-ordni jżommok f’waqtek” (“Otia Aestiva II,” v. 278). Imma għalija hija l-umanità essenzjali u l-ispirtu ta’ komunità li jispikkaw f’“Otia Aestiva,” kemm kien ifittex il-kumpanija tan-nies, kemm kien iqatta’ ħin barra t-triq man-nies f’San Pawl il-Baħar u l-Qaliet ta’ San Ġiljan, aktarx rifless tal-kultura miftuħa li fiha trabba. Naħseb li l-għeluq u s-solitudni li jirrakkonta f’poeżiji importanti jkidduh aktar proprju għax kienu kontra n-natura u l-kultura tiegħu bħala bniedem imdorri jqatta’ ħafna ħin man-nies.


Leave a comment