Qari ta’ “Firien”

Waqt il-Maratona ta’ Qari organizzata minn Malta Libraries li saret fil-Librerija Ċentali Pubblika tal-Furjana l-Erbgħa 24 ta’ April 2024, qrajt in-novella tiegħi “Firien” li hija waħda min-novelli li biħsiebni nippubblika f’ġabra ta’ novelli fil-futur qarib.

Ara l-filmat tal-qari ta’ “Firien” hawnhekk: 10:26:35 Adrian Grima

Dan huwa l-bidu tan-novella:

Dak il-lejl stess bdew ġejjin. Kif kienet basret. Għalihom. L-ewwel semgħethom iwaqwqu mill-bogħod. U mbagħad rathom. Dellijiet għorba.

      Meta bdew jersqu lejn il-blokka tagħhom, bdiet tisma’ t-tektik ħafif tad-dwiefer fuq it-tarmak u t-tektik aktar qawwi fuq il-madum ikkuskjat tal-bankina. Taħt il-gallarija tagħha. It-titjira tagħhom kienet dehxa ġox-xewka ta’ daharha. U fir-reżħa tal-lejla stħajlet fuq għonqha l-fewġa sħuna tan-nifs ħiereġ minn taħt il-munqar ganċ.

      Kienet ferħet meta kienu qegħduh dak il-madum xi ħames snin qabel. Kien ta dehra ġdida lil dawk l-inħawi. Kien difen il-firien. Bdiet timmaġina x-xena minn ġos-sema diefi tal-għorab. Il-bankini ġabu magħhom difa ġdida. Dakinhar kien hemm fiduċja fl-arja li kemm kienet ilha li marret toqgħod hemm kienet għadha qatt ma ħasset.

      Imma meta bdew ibattlu t-toroq u l-isqaqien mill-klieb u l-qtates li kienu draw in-nies, kienet taf li posthom kien se jeħduh il-firien. Kienu se jitilgħu minn ġol-pedamenti tal-iskola l-antika u jiġru ma’ kullimkien. 

L-għassa kienet qaltilhom. Jekk se tħallu l-inġenji jwaqqgħu s-soqfa u l-ħitan u jixkfu s-sisien, il-firien se jwaħħxu kulm’ haw’. U jekk joħorġu l-firien mill-qigħan, se jiġi għalihom it-tajr iswed bil-munqar ganċ minn fuq ix-xagħri. Qtajja’, qtajja’. Ħadd mhu se jsib tarfu. Imma lil min tkellem?

Maratona organizzata minn Malta Libraries

Il-qari tiegħi, ta’ kwarta, kien fis-7.30pm, u warajja qraw Eman Borg, Joseph Degabriele, Bernard Micallef, u Antoine Cassar, li bih ingħalqet din il-maratona ta’ tnax-il siegħa ta’ qari.

Hemm filmat tal-ewwel tmien sigħat ta’ qari tal-Maratona hawnhekk.

Ħajr lil Malta Libraries tal-idea, tal-organizzazzjoni u tal-istedina, speċjalment lil Dianne Giordmaina, Kevin Mercieca u Maria Muscat.

00:00:00 DISKORS TAL-FTUĦ 00:04:05 Claudia Gauci 00:22:05 Dianne Giordmaina 00:30:26 Kenneth Scicluna 00:45:09 Cheryl Falzon 00:55:34 Chris Gruppetta 01:10:49 Doris Camilleri 01:26:10 Gladys Zammit Agius 01:46:10 Christopher Giordano 01:55:10 Maria Azzopardi 02:05:27 Beverly Agius 02:21:37 Maria Ferranti 02:35:10 Josette Vassallo 02:53:21 Rachel Debattista 03:05:40 Klara Vassallo 03:28:56 Bradley Cachia 03:44:15 Rita Saliba 03:58:16 Immanuel Mifsud 04:07:22 Jonathan Farrugia 04:24:30 Maria Formosa 04:43:13 Sable Grech 04:47:30 Brian Bartolo 04:56:45 Anton Grasso 05:16:16 David Muscat 05:27:32 Ruth Frendo 05:42:00 David Schembri 05:58:48 Salv Sammut 06:14:15 Is-Sur Attard 06:29:30 Natalie Briffa Farrugia 06:43:05 Rafel Grima 06:51:16 Leanne Ellul 07:07:35 Zaren Vassallo 07:28:43 Bernadette Fenech 07:44:00 Joseph Mizzi 07:56:27 David Bezzina 08:16:14 Aleks Farrugia 08:31:54 Peter Magro 08:45:25 Dominic Garcia u Jonathan minn Fondazzjoni RISE 08:55:25 Roberta Bajada 09:09:13 Elizabeth Ebejer 09:26:32 Trevor Zahra 09:39:16 Antonio Tufigno 09:55:01 Marie Claire Church 10:12:30 Robert Mizzi 10:26:35 Adrian Grima 10:44:15 Eman Borg 10:58:32 Joseph Degabriele 11:13:20 Bernard Micallef 11:28:55 Antoine Cassar 11:41:40 DISKORS TAL-GĦELUQ


Leave a comment