Mario Azzopardi u “l-inġenji grotteski tax-xjaten”

Nhar is-Sibt 24 ta’ Frar 2024, fl-Aula Prima, fil-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta fi Triq San Pawl il-Belt, bejn id-9.00am u s-1.00pm, se jsir seminar bl-isem ta‘ Tiftix u Taqtigħat. L-Ispiritwalità ta’ Mario Azzopardi, dwar il-ġabra Epistoli mid-Deżert (Horizons, 2014). Is-seminar huwa miftuħ għall-pubblku ġenerali u d-dħul huwa bla ħlas.

Ritratti ta’ Mark Micallef Perconte.

Dan is-seminar qed jiġi organizzat mid-Dipartiment tal-Malti, l-Istitut Karmelitan u l-Akkademja tal-Malti.

Poster iddisinjat minn Nicole Pace tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Università ta’ Malta

Katavri mill-Kolonji

Fis-seminar, diversi kelliema se janalizzaw taqsimiet differenti minn din il-ġabrali ħarġet proprju għaxar snin ilu. Il-kelliema se jkunu Glen Attard, Keith Borg, Charles Briffa, Charlo Camilleri, Pat Gatt, Adrian Grima, u Immanuel Mifsud.

It-titlu tat-taħdita tiegħi f’dan is-seminar huwa “‘Bl-inġenji grotteski tax-xjaten’: Katavri mill-Kolonji.” Il-kwotazzjoni fit-titlu ħadtha mill-poeżija “L-istupru tat-territorju,” waħda mill-poeżiji fit-taqsima tal-Poeżiji mill-Awstralja fil-ġabra Epistoli mid-Deżert.

Meta kien ħareġ dan il-ktieb kont ktibt reċensjoni li kienet dehret fil-ħarġa tal-gazzetta Il-Mument, il-gazzetta li fiha kien jikteb Mario Azzopardi dak iż-żmien, tal-21 ta’ Diċembru 2014 . Dakinhar kont ktibt dwar “Il-Forza tax-Xbihat,” dwar il-poeżija li se jħalli warajh il-poeta, dwar il-mewt.

Bħal f’Marjanu Vella, f’Azzopardi hemm il-preokkupazzjoni ta’ kull awtur u awtriċi li ma jinftehmux, jew li l-inkonvenjent kroniku tal-kelma tagħhom jintuża għall-konvenjenza ta’ ħaddieħor. Azzopardi dejjem jara l-poeżija tiegħu bħala poeżija prekarja, poeżija fix-xifer, miktuba “fil-mument tat-trombosi,” u proprju minħabba din il-prekarjetà endemiku, din l-iskumdità bħallikieku patoloġika, jaraha bħala poeżija li “Tinkiteb bil-linka tad-demm / tar-rivolta” (“Abbozz għall-poeżija tiegħi”). 

“Il-Forza tax-Xbihat”

Fit-taħdita li se nagħmel fis-seminar ta’ Frar talbuni biex nitkellem fuq it-taqsima tal-poeżiji “tal-Awstralja,” fejn Azzopardi jitkellem fuq l-istorja tal-Awstralja, “id-dinja ħalliema” tal-ġnus differenti li nsejħulhom Aboriġini, is-saħta tal-kolonizzazzjoni tal-Ewropej, u dak li tfisser għalina bħala Maltin, l-ikkolonizzati, bħall-Aboriġini, imma anki l-kolonizzaturi.

Il-ħolqa għal dan l-avveniment fuq Facebook hija din.

Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta u l-Malti fl-Inalco ta’ Pariġi. Ħa sehem f’konferenzi akkademiċi f’għadd ta’ pajjiżi u kiteb studji dwar il-letteratura, il-metafora, u r-rappreżentazzjonijiet tal-Mediterran. L-iktar studji reċenti tiegħu huma “Landscapes of Revolution: Concetta Brincat’s 1919 Unpublished Novel” (Malta and France: Shared Histories, New Visions, 2023) u “Il-Ġisem Mislut tal-Limerikk” (Daħlet ix-Xilep. Kontralimerikki tal-Pandemija, 2023).


Leave a comment