Ma nħobbx noqgħod nikkummenta fuq ħafna minn dak li jkun qed jiġri madwarna, kemm għax naf li ħafna mill-informazzjoni li nirċievu hija parzjali u kultant qarrieqa, u kemm għax hemm nies ferm iktar infurmati li jistgħu jitkellmu fuq dak li jkun qed jiġri f’Malta u barra minn Malta. Ħafna drabi nippreferi ma nitkellimx għax diġà jkun hemm ħafna diskors u nħossni nista’ ngħin iktar jekk nisma’, jekk naqra.
Smajt ħafna fuq il-Palestina fit-tlitt ijiem li għamilt Zagreb li fihom, ma’ Karl Schembri u l-ħbieb tagħna Kroati, semmejna kemm-il darba l-Palestina. Konna għadna ma nafux x’se jiġri s-Sibt. Il-Ħamis wara nofsinhar jien u Karl waqafna nixorbu xi ħaġa. Karl ħa birra Kroata u jien ħadt te. U niftakarni ngħid lil Karl, li naturalment ma nafx ir-realtajiet tal-Palestina bħalma jafhom hu, li m’għandix tama. Mhix ħaġa li nħobb ngħid għax il-Palestina, ikkolonizzata, ittraduta, għal qalbi ħafna. U dejjem inġib quddiem għajnejja l-ħbieb tiegħi Palestinjani u l-inġustizzji li rridu jħabbtu wiċċhom magħhom kull santissma ġurnata.
Karl għex ħames snin Gaza u l-imkejjen u n-nies li qed jissemmew fl-aħbarijiet jafhom. Imma qabelxejn jaf il-ħajja tan-nies komuni li ilhom jgħixu f’sitwazzjoni profondament inumana u inġusta għal ħajjithom kollha, ġo ħabs bil-kanċelli msakkrin minn naħa u minn oħra, u bbumbardjati regolarment qishom il-vittmi ta’ video game surreali.
Meta tisma’ u taqra dak li jirrakkontaw Karl u awturi Palestinjani bħal Adania Shibli, diffiċli tqawwi qalbek li għada, kif jgħid il-klixè, se jkun aħjar.
L-affarijiet ikkumplikati, veru. Imma fl-istess ħin l-affarijiet huma sempliċi ħafna. Għandek il-kolonizzaturi, jiġifieri l-Iżrael, u għandek l-ikkolonizzati, jiġifieri l-Palestinjani fl-Artijiet Okkupati. Il-Liġi Internazzjonali hekk tgħid.
Għalhekk, bħalissa, l-ewwel ma naħseb fihom, fil-Palestinjani ta’ Gaza, tal-Artijiet Okkupati, ikkolonizzati, il-vittmi ta’ 75 sena ta’ inġustizzji u ipokriziji. Minn kull naħa.
U għalhekk ukoll naħseb f’dawk kollha li qed imutu u jindarbu, mingħajr distinzjoni ta’ xejn, fuq kull naħa tal-ħitan illegali li bnew il-kolonizzaturi. Ħitan ta’ kull sura u ta’ kull għamla.
Naħseb f’dawk kollha, fost l-ikkolonizzati u dawk li qed jikkolonizzawhom, li mietu f’dawn l-aħħar sigħat, f’dawn l-aħħar jiem, f’dawn l-aħħar snin, f’dawn l-aħħar tmien deċennji, kuljum, bla ħniena, għax il-kolonizzazzjoni hija dejjem tortura u dejjem inġustizzja.
Jien nemmen fil-ħolqien ta’ stat wieħed li fih il-komunitajiet kollha li jgħixu fl-art tal-Palestina tal-1948 jgħixu flimkien mingħajr distinzjoni ta’ xejn. Mingħajr ċittadini tal-ewwel klassi, tat-tieni klassi, tat-tielet klassi. Mingħajr kolonizzaturi u kkolonizzati.
Utopija? Dażgur.
Illużjoni? Forsi.
L-alternattiva nafu x’inhi. Narawha kuljum, kuljum fl-Artijiet Okkupati. Qed narawha f’dawn il-jiem fl-Iżrael ukoll.
Nippreferi l-utopija. Almenu toffri mudell. Toffri tama.
(Ritratti meħudin fl-Artijiet Okkupati fl-2017)

