Daħlet ix-Xilep. Kontralimerikki tal-Pandemija

Ara wkoll: Daħlet ix-Xilep | Kitbiet Oħra

Il-ktieb tiegħi Daħlet ix-Xilep. Kontralimerikki tal-Pandemija issa lest. Wara nofsinhar Joseph Mizzi tal-Klabb Kotba Maltin bagħatli messaġġ bir-ritratt tal-ktieb f’idejh. Biddilt malajr, dħalt fil-karozza u mort għand il-Klabb biex naqbad il-ktieb f’idejja jien ukoll, immiss il-qoxra u l-karta, inxomm ir-riħa tal-istampar.

Tafu xi rrid ngħid.

Adrian Grima, Daħlet ix-Xilep. Kontralimerikki tal-Pandemija (KKM 2023)

Dan il-ktieb ta’ 130 faċċata fih 142 kontralimerikk u studju dwar il-limerikk kif inkiteb bil-Malti u b’lingwi oħrajn.

Ħajr speċjali

– lix-xagħri ta’ Pembroke, fejn qallibt is-sillabi u l-aċċenti f’rasi mitt elf darba;

– lil Claire Zerafa li qrat dawn il-versi kemm-il darba u qaltli fejn għandi nikkoreġi jew inqaċċat;

– lil Julinu li ġie ħdejja, minkejja l-mikrobi fl-arja, biex niddiskutu d-disinn tal-qoxra;

– lil Immanuel Mifsud li talli ħeġġiġni biex inkompli nikteb dawn il-taqbiliet ġegħeltu jiktibli kumment għall-qoxra ta’ wara tal-ktieb, u wissejtu li jrid ikun pożittiv;

– lil Claire, għal darb’oħra, li rrakkontatli l-istorja kerha ta’ nannitha u ħallietni nippubblikaha;

– lil dawk kollha li jissemmew fil-kontralimerikki u mhux se jieħdu għalihom;

– lill-COVID-19, li ġie fostna mingħajr ma stedinnieh, daħlilna f’darna, ġellidna ma’ ġisimna, u issa għandu ismu mnaqqax fl-istorja.

Il-ktieb iddedikajtu lil Ġwann Xerri OP, ħabba ħażina, li waqt li kien l-isptar, qed jirpilja minn marda oħra, miet bil-COVID-19, ‘il bogħod mill-familja, ‘il bogħod mill-ħbieb, hu li tant kien iħobb ikun ma’ ħaddieħor; jisma’; jaqbad man-nies; jirrakkonta; ifarraġ; u joffri perspettivi oħra, dejjem imnebbħin mill-onestà intellettwali u mxettlin l-imħabba.

Lejn l-aħħar tal-ktieb, bil-għajnuna ta’ Ġużi Gatt u Alex Camilleri, nitkellem fuq Daħlet ix-Xilep, u l-maġija tal-ħolqien li ebda ħaġa li nibnu aħna l-bnedmin ma tibda magħha.

Ħarsetti ta’ Immanuel Mifsud u Claire Zerafa

Leave a comment