Iċ-Ċajt u l-Metafora

Intervent waqt is-seminar Grazzi Albert li sar f’ġieħ il-Prof. Albert Borg li sar il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru 2022, ftit qabel ma rtira mix-xogħol fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta.

Grazzi Albert

Qabel ma nibda

Se nipprova nagħti ħjiel tat-tip ta’ analiżi bir-reqqa, dejjem fittiexa, dejjem miftuħa, li nassoċja ma’ Albert. Dan il-metodu pjuttost uniku ltqajt miegħu l-ewwel darba meta sirt student tiegħu tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti f’Ottubru tal-1987. Fil-klassi konna nsiru informanti tiegħu u analisti miegħu, mhux sempliċiment dawk li jirċievu l-metodu u l-informazzjoni.

Naħseb li ma konniex lesti għal din il-pedagoġija matura. Ħafna mill-edukazzjoni li wasslitna sal-Università qajla tista’ tgħid li ppreparatna biex nieħdu sehem prominenti fid-direzzjoni konċettwali tal-lectures. Konna studenti motivati u ppreparati, u l-ftuħ mill-ġdid tal-Fakultà tal-Arti tellagħna s-sema. Imma l-metodu ta’ Albert niżżilni lura malajr mal-art, biex forsi din id-darba nibda ntir ta’ veru.

Meta ppubblika Ilsienna ħadt ir-ruħ għax kelli t-tip ta’ punt ta’ riferiment li kont imdorri nfittex fl-istudju. Biex nuża metafora pjuttost konvenzjonali, il-metodu ta’ Albert kien li jġegħelna naqbżu miegħu mill-ewwel fil-fond. Ħadd minna ma għereq. Imma għall-bidu nammetti li blajt ftit ilma.

Iċ-Ċajt u l-Metafora

Waħda miċ-ċajtiet li jħobb jgħid Albert hija dik tal-omm iffissata fuq is-saħħa tat-tlitt uliedha bniet imfarfrin. Kien qalha, fost l-oħrajn, fl-ewwel lejla ta’ ċajt li konna organizzajna bħala parti mill-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti, “Ġej iċ-Ċajt!” (1:39:48 – 1:41:48) f’sala tal-ICT imballata bin-nies, fuq mitejn ruħ. Fuq fuq, iċ-ċajta tgħid hekk: kull sena preċett, l-omm kienet tieħu lit-tliet tfajliet għand it-tabib biex jinvistahom, ħalli jekk Allaħares qatt ikollhom xi marda jaqbduha mill-ewwel. Hawnhekk Albert jagħmel il-vuċi tal-omm imma jlibbisha ħarsa malizzjuża: l-omm qed titbissem tbissima innoċenti għax qed tieħu pjaċir tara lit-tabib mill-ġdid u tistenna bil-ħerqa li jserrħilha rasha fuq is-saħħa ta’ wliedha, waqt li Albert, in-narratur, qed jitbissem għax qed iħejji lilna, in-narratarji tiegħu, għax-xena “skabruża” li se jirrakkonta. 

Albert Borg waqt is-seminar li sar f’ġieħu mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta

L-istorja nfisha ta’ mara u tliet tfajliet li jmorru għal vista għand it-tabib jaf tfakkar lil uħud minnkom f’xeni simili f’xi “commedia sexy all’italiana,” xi episodju minn Doctor in the House tal-bidu tas-snin sebgħin, f’xi skeċċ ta’ kummidjant bħal Benny Hill, jew f’sensiela bħal Little Britain. In-nisġa rikorrenti hemm qiegħda, ikolli ngħid, fil-kultura medjatika popolari tagħna, aħna li trabbejna bit-televixin. Iċ-ċajta tipparteċipa f’din l-ikonografija.

Fil-mod kif jgħidha Albert, l-omm tgħid lit-tabib, “Tridx nibdew bit-tadamiet taż-żgħira?” It-tabib “iħossha,” jgħidilna Albert, u jurina b’idejh kif jagħmel, u minnufih iserraħ ras l-omm li kollox sew. Għalhekk l-omm tgħidlu biex ikomplu bit-tuffiħat tan-nofsanija, u wara bir-rumminiet tal-kbira. Imbagħad l-omm tgħidlu, b’dak l-istess ton għalkollox pragmatiku u xejn suġġestiv tagħha: “Dott, kif qegħdin hawn, ma tridx tittestja daqsxejn il-bettiħat tiegħu, hu?” 

Hawnhekk it-ton pragmatiku u kalm tat-tabib, bi ħjiel insidjuż ta’ tfixkil, jinbidel f’salt, u għalhekk nafu li wasalna fil-waqt kruċjali taċ-ċajta, fl-iżvolta li fuqha se jiddependi s-suċċess kollu tagħha. It-ton tat-tabib issa huwa ta’ twissija u fl-istess ħin kważi ta’ paniku. Fl-għaġla tiegħu biex jipprova jikkontrolla l-kriżi li qed taħkmu, hemm il-fixla ta’ qabel it-tmiem inevitabbli: “Ara, sinjura mhux aħjar nieqfu hawn, għax il-banana tiegħi saret?” 

Il-lejla “Ġej iċ-Ċajt!” li saret fil-5 ta’ Marzu 2019

It-twissija tiegħu, li hija wkoll stqarrija ta’ ċediment, tasal fil-forma ta’ mistoqsija retorika. L-għażla tat-tabib imfixkel li jirrikorri għall-mistoqsija retorika nifhmuha mill-ewwel: kemm-il darba aħna stess, fil-ħajja ta’ kuljum, ninqdew biha biex inwissu lil xi ħadd, biex nitolbuh jagħmel xi ħaġa, jew saħansitra biex nhedduh. L-istqarrija ta’ din il-mistoqsija hija l-att aħħari ta’ kontroll: warajha hemm iċ-ċediment, it-telfien tal-kontroll, l-abbandun tal-ħakma fuq il-kliem, fuq il-ġisem, fuq is-sensi. 

Għalija din iċ-ċajta ta’ Albert tirnexxi skont kemm l-udjenza tapprezza u tieħu gost bil-logħba tal-metafora, jew tal-metafori. Għalkemm iċ-ċajt m’għandux bżonn il-metafora, fiċ-ċajt sikwit ikun hemm espressjonijiet metaforiċi (Ralph Müller, “A metaphorical perspective on humour” 117). Il-metafori l-iktar kreattivi u l-umoriżmu t-tnejn jgawdu meta jkun hemm spirtu ta’ leġġerezza spontanja. It-tnejn jaħdmu tajjeb meta jsibu “attitudni jew dispożizzjoni għal-logħob” li tkun trid tiddevja mill-użu stabbilit tal-kliem biex “tiddeawtomatizza” sekwenzi konċettwali konvenzjonali.

Storikament, sa minn Aristotli, meqjus bħala l-ewwel studjuż importanti tal-metafora, din il-figura tat-taħdit, u tal-ħsieb, tistrieħ qabelxejn fuq id-duwalità: hemm kelma li qed tintuża minflok kelma oħra, jew kunċett minflok ieħor. Appuntu d-doppju sens. It-tadama hija frotta imma Albert iridna ninterpretawha f’sens ieħor. Is-sens l-ieħor hu qed jimplikah imma jiddependi minna nintebħux bih: inkella, kif ngħidu permezz ta’ metafora oħra, iċ-ċajta ma neħduhiex. Ir-relazzjoni bejn it-tadama u l-parti tal-ġisem tal-mara li qed tirrappreżenta mhijiex loġika. Ix-xebh huwa kemxejn stramb. Imma f’ċirkostanzi bħal dawn moħħna għandu d-dispożizzjoni, jew saħansitra huwa pprogrammat b’tali mod li jfittex xebh mhux tas-soltu, elementi ta’ xebh li s-soltu ma narawx. Għalhekk Aristotli jitkellem fuq il-metafora, jew aħjar il-metaforizzazzjoni, għax hija proċess iktar milli riżultat jew prodott finali, bħala l-perċezzjoni intuwittiva tax-xebh fejn m’hemmx xebh. 

Hemm ukoll id-dimensjoni “soċjali” taċ-ċajta, ovvjament, imma anki tal-metafora. David E. Cooper jitkellem fuq kif il-metafora tqanqal l-intimità bejn il-persuna li tlissen il-metafora u dawk li jisimgħuha. Biex jispjega din l-intimità jqabbilha mal-kompliċità li tinħoloq bejn qaqoċċa ta’ nies li jkunu qed jisimgħu ċajta. F’dak il-ħin, u speċjalment meta jaslu flimkien għall-konklużjoni tagħha, ikunu qed jaqsmu esperjenza intima flimkien, ċelebrazzjoni għal ftit nies li għal ftit ħin isiru komunità li qed tingħata l-privileġġ tal-esperjenza tad-daħq, qishom parteċipanti ħerqana f’konfoffa. Meta nisimgħu ċajta hekk tagħmlilna. Meta nisimgħu metafora hekk tagħmlilna wkoll, għax inħossu li qed naqsmu l-maġija tagħha ma’ ħaddieħor, ma’ xulxin.

Fil-każ taċ-ċajta ta’ Albert naħseb li hemm element ieħor importanti, li Aristotli jsejjaħlu “muthos”: f’din iċ-ċajta napprezzaw il-fatt li hemm pjan, hemm id qed tmexxi kollox biex tagħtina pja ċir. Għax il-passaġġ mit-tadam għat-tuffieħ, mit-tuffieħ għar-rummien, u mir-rummien għall-bettieħ huwa maħsub sew, u dan il-pjan, din l-istorja tħejjiet għalina, biex tagħtina pjaċir. Dan lilna jagħtina pjaċir għax nindunaw li qed nieħdu sehem fi pjan maħsub li tfassal għall-gost u l-pjaċir tagħna u li qed imexxina minn tappa għal oħra b’mod ġenjali. Il-pjan jilħaq il-qofol tiegħu meta wara li jissemmew erba’ frottiet simili fil-forma tagħhom, għax kollha ftit jew wisq tondi, titfaċċa l-frotta li fil-kuntest tal-istorja ta’ Albert hija anomala, differenti, u timmarka l-iżvolta mistennija f’kull ċajta. 

Waqt l-intervent tiegħi

Ċajta hija storja ċkejkna li fiha kull parti tidħol f’postha, bħall-minċotti fi gwarniċ, biex tinbena l-istampa kollha. Issa aħna, bħala udjenza, għandna sehem determinanti fit-twettiq taċ-ċajta, għax hu u jgħidha Albert, aħna rridu nimlew il-vojt li qed iħalli, irridu ntellgħu minn taħt il-wiċċ it-tieni sens. Mingħajr dan l-att ma jistax ikun hemm id-doppju sens. F’dan is-sens hemm tensjoni bejn il-magħruf u l-mhux mistenni: għax ħafna drabi l-gost taċ-ċajta hu li ma tkunx taf x’inhu ġej. Imma fl-istess ħin, iċ-ċajta tirnexxi jekk tkun taf li hemm il-metafora fin-nofs, u l-metafora l-udjenza tifhimha, ftit jew wisq bl-istess mod. Ma naħsibx li nistgħu ngħidu li hawnhekk il-metafora tat-tadama hija konvenzjonali, magħrufa: la Erin Serracino Inglott u lanqas Ġużè Aquilina ma jirreferu għaliha bħala kelma figurattiva għas-sider tal-mara. Jiġifieri hemm element ta’ innovazzjoni u avventura f’dawn il-metafori taċ-ċajta. Waqt li “t-tifsira” hija pjuttost “ċara,” fl-identifikazzjoni ta’ dawn il-frottiet mal-ġisem hemm lok għat-tip ta’ fantasiji individwali li nassoċjaw aktar mal-metafora l-ġdida, il-metafora kreattiva tal-poeżija. Fl-istess ħin, din mhix l-ewwel darba li nużaw il-frott biex nirreferu għall-ġisem, bħal meta ngħidu li dik it-tfajla jew dik il-mara qisha ħawħa. Il-forma tonda ta’ ħafna mit-tadam u l-frott l-ieħor tissuġġerixxi, fil-kuntest taċ-ċajta fuq il-ġisem li qed jinvista t-tabib, li l-metafora “tifhimha malajr.” 

Il-gost, mela, ma jistax ikun fl-iskoperta li l-banana tista’ tkun metafora tal-organu sesswali tar-raġel, imma fil-fatt li wara erba’ frottiet innoċenti u trankwilli li jirreferu għal parti privata mill-ġisem ta’ mara, f’salt wieħed titfaċċa frotta oħra, differenti fid-dehra u fis-sens doppju tagħha, li taħsad is-sitwazzjoni bil-fixla u l-ġenn perikoluż tagħha. Jiġifieri l-gost jinsab fl-organizzazzjoni interna tal-istorja, fin-nisġa, bl-effett metaforiku tagħha, biex ngħidu hekk, mhux fil-metafori nfushom, għax dawk pjuttost magħrufin, pjuttost konvenzjonali, u ma jitolbux sforz mentali kbir. Sempliċiment jistabbilixxu mill-ewwel is-sens doppju.

Kemm fiċ-ċajt doppju sens kif ukoll, sa ċertu punt, fil-metafora hemm il-gost tal-ħabi, jew tat-taparsi ħabi. L-ewwel nett nixtieq niddistingwi bejn żewġ “kelliema”: hemm il-karattri fiċ-ċajta, l-omm u t-tabib, u mbagħad hemm in-narratur li qed jgħidha. Kollox jibda mill-fatt li l-omm tagħżel li tinqeda bil-metafora minflok issemmi s-sider ta’ wliedha bniet. L-impressjoni li nieħdu hi li f’din l-għażla tagħha hemm l-iskruplu, il-biża’ li jekk issemmi din il-parti intima, sesswalizzata, tal-ġisem, tkun qed tagħti lok għal ħsibijiet żienja, għal dnub, f’min qed jisimgħek jew saħansitra tagħti l-impressjoni li qed tagħmel hekk apposta għax il-ħsibijiet żienja jinsabu fik. Fl-istess ħin nieħdu wkoll l-impressjoni mill-mod kif jinterpretaha Albert li din il-mara hija ftit inġenwa, mitlufa fid-dinja kasta tagħha u mhux konxja ta’ dak li jeżisti madwarha. Albert ma jgħidilniex kif tirreaġixxi din l-omm meta t-tabib jgħidilha li l-banana tiegħu saret. Minn banda kważi nimmaġinawha ddum ftit biex teħodha; mill-banda l-oħra jista’ jkun li ladarba qed tħaddem il-metafori tal-frott b’mod pjuttost konxju, għax tidentifika sider uliedha ma’ frottiet differenti, it-tieni sens tal-banana taqbdu mill-ewwel u jaħsadha. L-omm qed tuża l-metafora bħala speċi ta’ ewfemiżmu. L-intenzjoni tagħha hija retta. Tan-narratur, Albert f’dan il-każ, mhijiex: il-gost jinsab fil-patt li qed jagħmel magħna li ma jsemmix il-partijiet tal-ġisem biex dik nagħmluha aħna waħedna, kulħadd għalih. Il-gost tal-konfoffa. Tant hu hekk illi kieku jsemmi s-sider, jew l-għodda tar-raġel, jirrovina ċ-ċajta kollha. Fid-diskrepanza bejn dawn iż-żewġ intenzjonijiet ta’ ħabi, fit-tensjoni bejn l-iskruplu tal-omm u l-malizzja mqarba tan-narratur hemm il-gost taċ-ċajta għalina bħala l-udjenza attiva.   

Dan ifakkarna f’dak li jiġri, ħafna drabi, fejn tidħol il-metafora l-ġdida: jekk issemmi t-tenor, is-suġġett li qed tiirreferi għalih, jew dik li l-esperjenzjalisti jsejħulha t-“target domain,” l-għalqa konċettwali li tirċievi, tkun qed tħassar il-gost kollu. Kemm il-metafora u kemm iċ-ċajt jagħtuna gost. Kultant huwa gost simili li huwa frott ta’ dinamika simili wkoll. 


Leave a comment