Oliver Friggieri u l-Masters fil-Letteratura Maltija

Nassumi li s-sena kienet l-1996. Oliver kien ferħan se jtir bina għax konna l-ewwel gradwati b’Masters fil-Letteratura Maltija. Kollha studenti tiegħu.

Mix-xellug: Marco Galea, Josette Attard, Oliver Friggieri, Bernard Micallef, Adrian Grima, u Mario Cassar

Jekk niftakar sew kien hu li stedinna d-dar biex niċċelebraw flimkien. Konna Josette Attard, Mario Cassar, Marco Galea, Bernard Micallef, u jien. Jien u Marco konna ż-żgħar. Wara l-Baċellerat Ġenerali speċjalizzajna fil-letteratura, jien fil-metafora fil-poeżija u Marco fl-istorja tat-teatru. Bernard, Josette u Mario kienu għamlu B.Ed. għax fi żmienhom il-Gvern kien għalaq il-Fakultà tal-Arti u reġgħet fetħet ftit wara li jien u Marco dħalna l-Università.

Mill-istess grupp ta’ studenti, George Farrugia u John Xuereb, li t-tnejn kienu għamlu B.Ed. fil-Malti, kienu ggradwaw b’MA fil-Lingwistika Maltija.

Oliver laqagħna fis-salott. Wiċċu għad-dawl. Tajnieh rigal, jidhirli, avolja qatt ma ppretenda xejn mingħandna. Xrobna u kilna xi ħaġa. U bil-ħila ta’ Joseph Borg, li kien impenjat sew fl-Għaqda tal-Malti tal-Università, ħadna ftit ritratti. “Oliver, niftakar, talabni niġi d-dar tiegħu dakinhar,” jgħid Joseph, “biex nieħu r-ritratti tagħkom, għax kien jifraħ tassew meta jiggradwawlu l-istudenti tiegħu fl-MA u kien jixtieq li tinżamm tifkira.” L-awtur Victor Fenech li kien ħabib kbir ta’ Oliver minn mindu kienu żgħar jgħid li “Oliver mhux darba biss qalli li l-istudenti huma parti mill-familja tiegħu. Daqshekk kien dedikat għalikom.”

“Kien żmien sabiħ,” jgħid Marco Galea. “Dik id-dar tfakkarni fuq meta kont immur nurih xi biċċa mit-teżi li nkun ktibt. Darba minnhom kelli verżjoni lesta u fuq il-paġni tat-titli tal-kapitli għamilt xi tpinġijiet ta’ maskri tat-traġedja u tal-kummiedja li sibt fuq il-kompjuter li kont għandi ferħan bih. Qalli biex inneħħihom b’dak it-ton nejjieki li ma kienx jitla’ fil-wiċċ ta’ spiss. Naħseb li kont ħadt għalija imma wara ndunajt li kellu raġun. Illum, meta xi student ideffes xi waħda minn dawk il-maskri f’xi presentation, niftakar f’Oliver u ma jkollix qalb ngħidilhom li l-maskri mhux f’posthom.”

Lil Mario Cassar dawn ir-ritratti qanqlulu memorji sbieħ ħafna, u Bernard Micallef jiftakar li “Kien ferħan wisq Oliver, dakinhar. Kienet qisha festa għalih bina f’daru. Mument verament sabiħ.”

Mix-xellug: Bernard Micallef, Josette Attard, Adrian Grima, Mario Cassar, il-Pepsi u l-Hopleaf, Marco Galea, u Oliver Friggieri

Dan l-album tar-ritratti qalgħu minn ġol-vetrina Rafel. Kemm ilu li ħalliena Oliver ħsibt f’dawn ir-ritratti imma nsejt li nista’ nfittixhom fl-album tar-ritratti. L-Oliver li jidher hawnhekk huwa l-Oliver li qallibli moħħi ta’ taħt fuq. Li mingħajr ma kien jaf ġegħelni nkompli nistudja l-letteratura Maltija minflok l-Ingliż. L-Oliver li kien intellettwali dejjem attiv, dejjem attent, dejjem passjonali. U dejjem qalbu kbira.

Mix-xellug: Oliver Friggieri, is-sigarett, Marco Galea, Josette Attard, u Bernard Micallef

Nafu wkoll dejjem bis-sigarett. F’wieħed mir-ritratti jidher sew is-sigarett. Meta kien ikollna l-lectures fl-uffiċċju tiegħu jien u Marco kien jistaqsina jekk niddejqux jekk ipejjep. Jien kont niddejjaq ngħidlu li s-sigaretti jdejquni. U naħseb anki Marco. Imbagħad waqqafhom. Kelli l-impressjoni li waqqafhom mil-lum għal għada. Forsi l-istorja ma kinitx hekk, imma hekk niftakarha. Bintu Sara Brincat Friggieri kkonfermatli li hekk ġara: “Ħadtni lura għal żmien is-sigarett! Iva, kien qatagħhom mil-lum għal għada!”

Ironikament, dan jidhirli li huwa l-uniku ritratt li qatt ħadt waħdi ma’ Oliver. Qatt ma għaddieli minn moħħi, kemm domt naħdem miegħu fid-Dipartiment tal-Malti, li m’għandix ritratt waħdi miegħu. Jew li fl-uniku ritratt li kelli għalaqt għajnejja. Kien għadu mhux iż-żmien li tieħu ħames ritratti tal-istess ħaġa, għal li jista’ jkun. Nimmaġina li ġenju tar-ritratti diġitali kapaċi jidħol f’dan ir-ritratt u jiftaħli għajnejja, kif dejjem għamel Oliver.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s