Għar-rikording li sar it-Tnejn 13 ta’ Jannar 2020 fl-Università ta’ Malta ta’ programm mis-sensiela Ilsienna li jixxandar fuq TVM, ħejjejt dawn ir-risposti għall-mistoqsijiet li bagħatli Kit Azzopardi dwar il-films tal-poeżija.

Definizzjoni
“Film tal-poeżija” huwa film maħluq minn poeżija.
Id-diskors teoriku dwar il-films tal-poeżija mhux wieħed ġdid. Fil-ħarġa tal-2019 tar-rivista Poetryfilm Magazin, li toħroġ bl-Ingliż u l-Ġermaniż, Tom Konyves jiddefinixxi l-film tal-poeżija, il-“poetry film,” sempliċiment bħala “trattament viżiv ta’ poeżija li kienet teżisti diġà” (16). Fl-esej tiegħu “Talking Points. Terms of Service, Illustration, Performance,” l-awtur imbagħad jirreferi għal dak li kien kiteb fl-1999 William C. Wees, meqjus bħala l-guru fejn jidħol dan is-suġġett: f’film tal-poeżija ikun hemm “a poetic text on the sound track or presented directly on the screen.” Essenzjalment, jgħid Wees,”poetry films introduced filmic treatments of pre-existing poems.” Dawn huma differenti minn “film poems” jew “films poeżiji,” li ma jkunx fihom il-kliem ta’ poeżija: huma “short, non-narrative films composed of impressionistic or semi-abstract imagery carefully edited for rhythmic effects, complex formal relationships, and metaphorical or syumbolic significance” (16).
Ma’ dawn iż-żewġ termini, Tom Konyves jipproponi ġeneru ieħor, “videopoem,” jew “videopoeżija,” fi fiha l-kliem jittieħed minn kwalunkwe sors, “print or otherwise, found as a visible object in the environment, a fragment, words overheard in a conversation, texted, excerpted, in process of erasure, hand-written, out of the mouth of sound artists, out of the mouth of babes, etc” (16).

Films bħal dawn jieħdu ħafna xejriet: għandek films qosra li jippreżentaw poeżija, ħafna drabi moqrija, aktarx bil-vuċi tal-poeta jew tal-poetessa li tkun kitbitha, jew traduzzjoni tagħha. Il-film “Born to Die” ta’ Swoon (Marc Neys), magħmul minn versi tal-poeta Iraqi Zaher Mousa, huwa xogħol ta’ dan it-tip. Fil-film, li nħadem għal Reel Festivals u ġie ppreżentat fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta mtella’ minn Inizjamed fl-2013, nisimgħu l-poeżija maqluba għall-Ingliż u moqrija minn Jen Hadfield.
Kultant films bħal dawn ikollhom ukoll intervent mill-poeta jew il-poetessa dwar ix-xogħol u dwar x’inhi għalihom il-poeżija, bħal fil-każ tal-film “Gilgamesh’s Snake,” li fih id-direttriċi Roxana Vilk tippreżenta l-poeżija bl-Għarbi ta’ Ghareeb Iskander (bi traduzzjoni għall-Ingliż fuq l-iscreen) u intervista miegħu bl-Ingliż. Dan il-film inħadem għal Reel Festivals u ġie ppreżentat fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta fl-2014.

Hemm films tal-poeżija li huma ispirati minn poeżija, imma mbagħad jaqbdu r-rotta individwali tagħhom, bħalma jagħmel il-film “Eleġija” ta’ Kenneth Scicluna li ntwera fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta fl-2014. Dan ix-xogħol huwa mnebbaħ minn żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef, “Dedika” u “Eleġija.” Għal Scicluna, il-ħolqien tal-film mill-poeżiji kien proċess ta’ “distruzzjoni” u “ħolqien mill-ġdid” (“destruction and recreation”). Dik li joffri hija “interpretazzjoni mill-ġdid” li però tipprova tirrispetta “l-arti ta’ Doreen Micallef.”
Film tal-poeżija għalija huwa film li jippreżenta poeżija. Huma interpretazzjoni viżiva, filmika, ta’ poeżija, imma fih għalija jrid ikun hemm il-kliem kollu tal-poeżija. Jiġifieri l-pożizzjoni tiegħi minn dejjem kienet bħal dik tal-Ó Bhéal International Poetry Film Competition li jsemmi Tom Konyves (16):

Naturalment, mhux kulħadd jaqbel ma’ din il-pożizzjoni.Il-punt tiegħu huwa li din għalija hija l-funzjoni ewlenija tal-“film tal-poeżija.” Naf li l-“film poeżija” u l-“videopoeżija” għandhom natura u funzjonijiet differenti.
Punt ieħor huwa dwar ir-relazzjoni bejn il-kelma u l-immaġni. Ma naħsibx li x-xbihat tal-film għandhom jirriproduċu dak li hemm fil-poeżija. Bħal Tom Konyves, nemmen li “the significant function of the juxtaposed image . . . is to enable a radical, subversive, ‘before-unapprehended’ re-interpretation of the presented text” (17). Jekk tissemma l-bandiera ta’ Malta, m’hemmx għalfejn naraw bandiera Maltija fuq l-iscreen għax inkella ma jkunx hemm interpretazzjoni, qari mill-ġdid, kreattiv, tal-poeżija permezz tal-lingwa tal-arti ċinematografika, imma sempliċiment “riproduzzjoni” tal-kliem fl-immaġni. Bejn il-kliem tal-poeżija u l-immaġni nemmen li jrid ikun hemm tensjoni kreattiva, dinamika ġdida li toħloq “poeżija ġdida” u film li huwa ħaġa differenti mill-poeżija waħedha, għalkemm jibda minnha u jissejjes fuqha.

“Il-Lejl f’dan l-Istazzjon,” film ta’ Carlos Debattista u Abigail Mallia li fih fl-aħħar jidher ukoll Oliver Friggieri, l-awtur tal-poeżija (FMLM 2018), jippreżenta l-versi kollha imma matul il-film jinseġ xi versi f’narrattiva li hija interpretazzjoni tal-poeżija. Min-naħa l-oħra, fil-film “Kafè” ta’ Clare Azzopardi u Kenneth Scicluna, maħdum fuq poeżija ta’ Achille Mizzi, is-sehem tal-poeta huwa iktar magħġun fin-narrattiva viżiva tal-film. Barra minn hekk, fit-tieni parti tal-film, Achille Mizzi jitkellem fuq il-poeżija.

Hemm films tal-poeżija li jinqdew b’xeni mill-ħajja ta’ kuljum, bħalma jagħmlu “Relazzjoni” ta’ Lyanne Mifsud and Nicky Aquilina fuq poeżija ta’ Maria Grech Ganado, u “Fuq Għoljiet Dingli” ta’ Trevor Borg fuq poeżija ta’ Victor Fenech. Imma hemm oħrajn li jinqdew bl-animazzjoni u barra minn Malta hemm tradizzjoni kbira ta’ films ta’ din ix-xorta. Eżempju tajjeb huwa “Pipene / The Pipes” ta’ Kristian Pedersen min-Norveġja, film mibni fuq poeżija ta’ Øyvind Rimbereid, li rebaħ premju importanti fl-2014, il-Goethe Institute Film Prize fiż-ZEBRA Poetry Film Festival, u ntwera fil-FMLM fl-2016.
Hemm ukoll minn jaqbad il-qari ta’ poeżija u “jżewweġ” miegħu xeni minn filmati eżistenti, mhux meħudin apposta. Hawnhekk l-interpretazzjoni ċinematografika toħroġ kemm mill-għażla tax-xeni kif ukoll mill-muntaġġ tagħhom. F’dan is-sens ix-xeni jitkellmu kemm mal-kliem tal-poeżija, mal-vuċi li qed tinterpreta l-kliem, u mal-mużika jew il-ħsejjes fl-isfond, u kemm ma’ xulxin. Dan it-tip ta’ żwieġ sar ukoll, ngħidu aħna, b’kanzunetti tal-Brikkuni, fosthom “L-Eletti” u “Ċikku ċ-Ċinkwina.”
Għalija filmat ta’ poetessa taqra l-poeżija tagħha fil-pubbliku, ngħidu aħna, waqt festival tal-letteratura, mhuwiex film tal-poeżija. Huwa l-filmat tal-qari ta’ poeżija, u ovvjament għandu l-preġju tiegħu. Dan huwa dak li tagħmel Inizjamed bil-filmati li tislet mill-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Imma dawn mhumiex films tal-poeżija.
Min-naħa l-oħra, minkejja x-xettiċiżmu li jeżisti rigward “film tal-poeżija” li juri l-poeti jaqraw poeżija b’mod movimentat, performattiv, Tom Konyves jirreferi għal film ta’ Henry Hills tal-1981, “Kino Da!,” bl-iswed u l-abjad, li juri l-qari kumpless, mhux tas-soltu ta’ Jack Hirschman ta’ poeżija tiegħu. Huwa wieħed minn ftit “films tal-poeżija” ta’ dan it-tip li rnexxew. Imma jibqgħu l-eċċezzjoni.

Il-film tal-poeżija huwa tip ta’ film, mhux tip ta’ poeżija. M’iniex konvint li tista’ ssejjaħlu “sinteżi” tal-poeżija u l-film. Fl-aħħar mill-aħħar huwa film. Minkejja li fih tinstema’ l-kelma poetika, il-poeżija u tipi oħrajn ta’ ħoss, huwa mmexxi, biex ngħid hekk, mil-lingwaġġ viżiv tal-films. Il-kelma u l-immaġni jdubu f’xogħol wieħed imma jistgħu jkunu indipendenti minn xulxin, jew interdipendenti, jiġifieri jiddependi minn xulxin.
Minħabba l-assenza tal-poeżija fid-diskors pubbliku f’Malta, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-Maltin huma sajmin mill-poeżija, u minħabba li s-sistema edukattiva fis-sekondarja qiegħda dejjem tnaqqas il-viżibilità tal-letteratura u tal-poeżija, naħseb li huwa importanti li jkollna films tal-poeżija li jagħtu prominenza lill-kliem kollu tal-poeżija. Fl-istess ħin, iridu jkunu films, lingwa artistika oħra, u mhux sempliċiment mikrofonu għall-kliem tal-poeżija.
It-Tradizzjoni Barra minn Malta

Jingħad li dan il-ġeneru ta’ film bdewh fis-snin 20 tas-seklu 20 artisti Impressjonisti bħal Germaine Dulac, Louis Delluc, Man Ray, u Hans Richter. Imbagħad f’nofs is-snin 60 u l-bidu tas-snin 70, il-poeti tal-Beat Generation, Lawrence Ferlinghetti, Allen Ginsberg, u Herman Berlandt qabdu dan il-ġeneru mill-ġdid u ħolqu festival annwali fil-Fort Mason Center ta’ San Francisco, f’California. Wieħed mill-iktar films tal-poeżija magħrufin jismu “Assassination Raga” tal-1968. Fih, Lawrence Ferlinghetti jġib filmkien xbihat tal-mewt, mużika kajmana bis-sitar, u l-leħen tiegħu jaqra poeżija dwar il-qtil tal-aħwa Kennedy.
Ħafna drabi, l-istil tal-editing f’film tal-poeżija ma joffrix narrattiva lineari, storja li timxi pass pass mal-ġrajjiet, biex ngħidu hekk. Normalment ikun hemm bħal nixxiegħa tal-kuxjenza ta’ xbihat u kliem mitkellem.
L-ikbar festival internazzjonali tal-films tal-poeżija huwa ż-ZEBRA Poetry Film Festival li jsir kull sena Berlin u beda fl-2002. Fih dehru, matul is-snin, eluf ta’ films minn għexieren ta’ pajjiżi. Is-Sadho Poetry Film Festival huwa festival internazzjonali li jsir kull sentejn fil-belt ta’ New Delhi u beda fl-2007. Wieħed mill-iktar diretturi magħrufin u rispettati tal-films tal-poeżija huwa d-direttur mibki Iranjan Abbas Kiarostami, li miet fi Franza fl-2016.

It-“Tradizzjoni” f’Malta
Il-ġeneru tal-film tal-poeżija internazzjonali u professjonali kiseb ċerta viżibilità permezz tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed. Il-festival ilu jsir mill-2006 iżda l-films tal-poeżija bdew jintwerew fl-edizzjoni tal-2010 meta bi sħab maż-Zebra Poetry Film Festival u bl-għajnuna ta’ Literature Across Frontiers, Boris Nitzsche introduċa bosta films internazzjonali tal-poeżija. Minn dik is-sena, fuq medda ta’ għaxar snin, fil-Festival intwerew għadd kbir ta’ films barranin, imma mill-2014 sal-2018, bi sħab mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u bil-konsulenza ta’ Dr Immanuel Mifsud li għażel il-poeżiji, ġew ikkummissjonati films Maltin u saru għadd ta’ seminars ta’ tħejjija biex il-prodott artistiku ikun dejjem aktar professjonali. Fi wħud minn dawn il-films ħadu sehem il-poeti ewlenin Victor Fenech, Oliver Friggieri, Maria Grech Ganado, u Achille Mizzi.
Mill-2014 sal-2017, l-istudenti tal-Media fi ħdan l-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-MCAST, immexxijin mil-lettur Ian Attard, ħadmu għexieren ta’ “Adattamenti – Films mnebbħa mill-poeżiji tas-Sekondarja.” Dawn huma poeżiji ta’ awturi klassiċi li m’għadhomx magħna, bħal Dun Karm u Rużar Briffa, u xogħlijiet ta’ poeti li għadhom ħajjin, bħal Maria Grech Ganado u Immanuel Mifsud. Bl-għajnuna tal-uffiċjali edukattivi tal-Malti u l-Aġenzija tal-Litteriżmu, bejn l-2016 u l-2017 saru films marbutin mal-eżami taċ-ĊES li jsir fl-aħħar tas-sekondarja. Uħud minn dawn l-“adattamenti” ma jitbegħdux wisq mill-immaġnijiet li jissemmew fil-poeżija; oħrajn joffru interpretazzjoni iktar ħielsa.

Wieħed mill-vantaġġi tal-films tal-poeżija huwa li joffru interpretazzjoni tal-poeżija bil-lingwa tal-films, lingwa li ħafna nies, mhux biss iż-żgħażagħ, iħossuhom iktar qrib tagħha. Għalhekk meta jintwerew lill-istudenti fil-klassijiet jew jitilgħu fuq l-iscreens tal-apparat elettroniku tagħhom joffru interpretazzjoni interessanti tal-kliem li tgħin lill-istudenti biex jistħarrġu l-ħafna dimensjonijiet ta’ kull poeżija tajba, fosthom id-dimensjoni akustika, id-dimensjoni viżiva, u d-dimensjoni tal-assoċjazzjonijiet.

L-isfidi Ewlenin
L-isfida ewlenija fil-produzzjoni ta’ film tal-poeżija hija artistika. Meta l-poeżija tiġi f’idejn id-diretturi tal-film, iridu jkunu kapaċi joħolqu xi ħaġa li, waqt li tirrispetta jew issellem lill-poeżija, u tagħtiha prominenza, joħolqu xi ħaġa ġdida minnha. Ngħidu aħna, il-film “An Imminent Dawn” tad-direttriċi Yasmin Fedda (Highlight Arts, 2015), joħloq metafora viżiva tal-cable cars li tinterpreta l-metafora oriġinali tat-tewmin li hemm fil-poeżija. Il-film, li ntwera fil-FMLM tal-2015, huwa bbażat fuq il-poeżija bl-Għarbi “Tewmi” tal-poeta Iraqin Ahmad Abdul Hussein u l-vuċi li nisimgħu matul il-film hija tiegħu. Fuq l-iscreen, sadattant, tidher il-verżjoni bl-Ingliż ta’ Kei Miller bħala sottotitli. L-interpretazzjoni viżiva metaforika f’dan il-film toffri dimensjoni ġdida lil din il-poeżija sabiħa.
Madankollu, Tom Konyves jinsisti kemm hu diffiċli li toħloq “assoċjazzjonijiet li jirnexxu” (18). Meta fl-2003 id-direttur tal-films Ralf Schmerberg ħareġ film twil “bi trattament viżiv” ta’ 19-il poeżija Ġermaniża, inqeda bil-“lenti metaforika” f’erba’ poeżiji biss. Fil-film tal-poeżija “Relazzjoni,” naħseb li l-mod kif Nicky Aquilina u Lyanne Mifsud jiżviluppaw ix-xbieha taċ-ċirku fil-film, xbieha li diġà teżisti fil-poeżija, jirnexxi.
Fl-artiklu qasir tagħha dwar “The complicated relationship of poetry, film and poetry-film” Harriet Staff tirreferi għall-idea li fihom, la l-film u lanqas il-poeżija m’għandhom jispikkaw. Is-simbjożi bejn it-tnejn trid toħloq xi ħaġa ġdida, “firxa aktar wiesgħa ta’ konnotazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, metafori.”

Nafu li l-films tal-poeżija qanqlu ċertu interess fost id-diretturi tal-films u fost l-udjenza kemm fil-films qosra u kemm fil-poeżija. Nafu wkoll li jkun hemm ċerta stennija fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta meta jkun se jintwera film tal-poeżija Malti għall-ewwel darba. Qabel il-Festival tal-2019, saret serata li fiha ntwerew il-films kollha li ġew ikkummissjonati mill-Festival u City Lights tal-Belt Valletta kien ippakkjat.
Fil-proġett tagħhom, l-istudenti tal-MCAST ħarsu lejn il-films li saru mill-istudenti ta’ qabilhom biex jaraw xi rnexxa u ma rnexxiex, u saru wkoll laqgħat mal-għalliema biex jiddiskutu kif jistgħu jużaw il-films fil-klassi. F’kull sena tal-proġett saru wirja fil-Kulleġġ biex jiġu ppreżentati l-films li għaliha kienu preżenti l-għalliema u mijiet ta’ studenti tas-Sekondarja. Fl-2017 intwerew il-films fl-Embassy Theatre tal-Belt Valletta. Ian Attard qalli li meta fl-2016 il-poeta Ġorġ Borg ra l-interpretazzjoni ta’ Marouska Montebello ta’ “Passaġġi” ikkomwova ruħu ħafna għax qatt ma stenna li l-poeżija tiegħu tista’ ssir video tal-mużika rap. Mhuwiex sigriet li ċerti poeti jibżgħu li jista’ jsir “tradiment” tal-poeżija tagħhom jekk jerħuha f’idejn artisti oħrajn, imma dan huwa riskju li poeti bħal Ġorġ Borg lesti li jieħdu.
Jien nemmen li l-films tal-poeżija huma opportunità mill-aqwa għal min jagħmel il-films biex jesperimenta bi produzzjoni lingwaġġ artistiku mhux tas-soltu, b’moviment u ritmu ieħor, u anki b’ħoss differenti. Jista’ jkun li għadu ma kienx hemm żvilupp biżżejjed fil-mod kif tinstema’ l-poeżija f’dawn il-films.
Għal udjenza dejjem iktar sajma mill-kelma użata b’mod fin, intelliġenti, imqanqal, suġġestiv, il-film tal-poeżija joffri opportunità biex ġġarrab esperjenza artistika unika, esperjenza li jaf tqanqal riflessjoni wkoll fuq ir-relazzjoni bejn il-kelma, l-immaġni u l-ħoss. Għax film ta’ dan it-tip kapaċi joffri esperjenza li ddum ferm iżjed mill-ftit minuti li jdum il-film innifsu.
Jannar 2020