Ilbieraħ il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru 2015 kelli x-xorti nattendi l-kunċert Għaram tal-Brikkuni fit-Teatru Manoel. Dan il-proġett awdaċi m’għandu bżonn ta’ ebda promozzjoni għax ix-xogħol jitkellem waħdu. Waħdu jitkellem: saħansitra aktar milli jitkellem Mario, li, ngħiduha kif inhi, mhux nieqes mid-diskors.
Titkellem il-mużika u jitkellmu l-mużiċsti, imma l-iktar li tisma’ huwa l-leħen ta’ Mario, bħal dejjem. L-id tiegħu tidderieġi lil grupp ta’ mużiċisti li minkejja l-isfida kbira li daħlu għaliha (minflok qagħdu jixxaħxħu fis-saltna tagħhom) kienu fis-seba’ sema fuq il-palk. Almenu jien hekk rajthom… Manuel, Oliver, Mario, Justin, Veronique…. kollha kemm huma.
Kulħadd jisma’ dak li jġib miegħu meta jmur kunċert tremend bħal dan, u jien smajt l-aktar lil Vinicio Capossera – imma dan dettall personali mhux kumment fuq il-mużika, għax jien fil-mużika ma nifhimx. Fl-aħħar mill-aħħar, l-iktar li tisma’ huwa lill-Brikkuni. It-timbru inimitabbli tal-Brikkuni minkejja li dawn tal-bieraħ ma kinux il-Brikkuni tagħna…
F’Għaram tisma’ l-iżvilupp tal-Brikkuni fuq medda ta’ disa’ snin, it-traġitt imprevedibbli tal-grupp, u speċjalment ta’ Mario, l-uniku wieħed li fadal minn tal-bidu, imma li fih, b’xi mod, donnha tinġabar il-ħila u l-esperjenza kollha tiegħu u tal-kollettiv. Tinġabar dixxiplina kreattiva, sa ċertu punt splussiva, imma li ilha tinħema bil-mod mill-bidu nett.
Dejjem ħassejt li dak li jagħtu l-Brikkuni huwa speċjali fil-kuntest tagħna għax huwa mnebbaħ, fost l-oħrajn, mill-aħjar mużika u lirika Taljana u kontinentali. Imma dan aktarx ngħidu għax nisma’ din it-tip ta’ mużika jien.
Sfidaw ‘il kulħadd il-Brikkuni t’Għaram, sfida ferm ikbar mill-isfidi li jidħol għalihom bir-ras, Mario. Sfidaw l-udjenza diġà wiesgħa ħafna tagħhom. Sfidaw il-konvenzjonijiet u l-limiti tal-Manoel. Sfidaw it-tradizzjoni li bnew, b’ħafna ħila u sagrifiċċji, fuq medda ta’ snin. Sfidaw lilna, vilment. Imma sfidaw l-aktar lilhom infushom. Fil-kuntest artistiku Malti, jien ħassejt li mxew sat-tarf, sat-tarf nett, u issa, f”ħajjetalla, wessgħu l-art li fuqha nistgħu nterrqu, nittarrfu anki aħna.
Ma ridtx nikteb ilbieraħ, wara l-kunċert. Biex l-esperjenza tilħaq toqgħod. Biex id-dwal eżistenzjali ta’ Jimmy Grima jilħqu jintfew, anki ġo fija. Biex il-kimika tilħaq tinfirex fil-vini u l-arterji kollha u toqgħod bi kwietha. U minflok inħossni mlebleb aktar.
Fejn hu d-Detox?
One thought