Wirja dwar l-istorja tal-Ilsien Malti Miktub fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Belt Valletta
Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, bi sħab mal-Malta Libraries u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, tippreżenta:
IT-TNAX-IL RUĦ TAL-MALTI
Wirja dwar l-istorja tal-Ilsien Malti Miktub fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Belt Valletta
Bejn it-Tlieta, 6 ta’ Mejju u l-Erbgħa, 4 ta’ Ġunju 2014 se ssir wirja mhux tas-soltu fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Belt Valletta dwar l-Istorja tal-Ilsien Malti Miktub li matulha se jsiru ħames taħditiet pubbliċi. Il-wirja u t-taħditiet huma miftuħin għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn.
It-Tnax-il Ruħ tal-Malti se tkun miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8.15am sal-4.30pm, u s-Sibt mit-8.15am sas-1.00pm.
Minbarra ritratti, pubblikazzjonijiet u oġġetti personali marbutin ma’ dawn il-personaġġi, il-wirja se tippreżenta rakkont viżiv tal-istorja tal-lingwa Maltija u l-protagonisti tagħha, u rikordings uniċi tal-vuċijiet ta’ wħud minnhom.
Il-wirja dwar l-istorja tal-lingwa nazzjonali mill-kitba tal-“Kantilena” ta’ Pietru Caxaro għall-ħabta tal-1450 sal-Indipendenza fl-1964 se tiffoka fuq tnax-il personaġġ li kellhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-Malti miktub. Tmienja minnhom jinsabu fit-taqsima tal-kultura tal-oral tal-Matrikola tal-Malti. Dawn huma Ġan Franġisk Agius De Soldanis, Mikiel Anton Vassalli, Ġan Anton Vassallo, Ġużè Muscat Azzopardi, Ninu Cremona, Pietru Pawl Saydon, Dun Karm Psaila, u Ġużè Aquilina.
Magħhom l-organizzaturi inkludew figuri ewlenin oħrajn li aktarx huma inqas assoċjati ma’ din l-istorja iżda s-sehem tagħhom jistħoqqlu attenzjoni wkoll: Brandano Caxaro, il-bniedem li ħallielna kopja tal-ewwel poeżija bil-Malti; Concetta Brincat, l-ewwel rumanziera bil-Malti li nafu biha li kitbet ir-rumanzi tagħha fl-1919 u l-1922; Luċija Levanzin Inglott, li kitbet għexieren ta’ artikli bil-Malti għan-nisa fil-bidu tas-seklu 20; u l-awtur Juann Mamo, li bil-kitbiet letterarji u l-istudji tiegħu fetaħ l-orizzonti tal-kitba bil-Malti.
Il-ħames taħditiet marbutin ma’ dan ir-rakkont storiku viżiv tal-ilsien Malti se jsiru dejjem fis-sala ewlenija tal-Biblijoteka Nazzjonali u jibdew fis-6.30pm. L-ewwel taħdita se tkun il-Ġimgħa, 9 ta’ Mejju, u fiha s-Sur Olvin Vella se jitkellem dwar “Id-Damma ta’ de Soldanis: dizzjunarju Malti b’togħma Għawdxija. Fit-tieni taħdita li se ssir fl-14 Mejju, Dr Joan Abela se titkellem dwar “Il-Ħajja ta’ Brandano Caxaro: Il-Kopista tal-Kantilena.”
It-tielet taħdita se tkun il-Ġimgħa, 16 ta’ Mejju u se tkun dwar “Il-Ġifen Tork: il-ġrajja vera.” Il-kelliem ewlieni se jkun is-Sur Liam Gauci, iżda se jieħu sehem ukoll is-Sur Sandro Debono. Ir-raba’ taħdita, il-Ġimgħa, 23 Mejju, se jagħmilha l-Prof. Oliver Friggieri u se jkun jisimha, “L-Innu Malti kelma b’kelma.” L-aħħar taħdita se ssir l-Erbgħa, 28 Mejju, u fiha l-Prof. Frans Ciappara se jitkellem dwar “Vassalli.”
Din il-wirja hija parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru din is-sena biex jiċċelebraw għadd ta’ anniversarji importanti fl-istorja tan-nazzjon Malti, fosthom il-250 sena mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli, bniedem ta’ kultura kbira u missier il-lingwa Maltija, li twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Marzu tal-1764.
Din il-wirja dwar l-istorja tal-ilsien Malti miktub qed tittella’ mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, bi sħab mal-Malta Libraries u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Ir-riċerka saret minn Dr Adrian Grima.
Il-Biblijoteka Nazzjonali, 6.30pm, dħul b’xejn
Il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju | Olvin Vella | Id-Damma ta’ de Soldanis: dizzjunarju Malti b’togħma Għawdxija |
L-Erbgħa 14 ta’ Mejju | Dr Joan Abela | Il-Ħajja ta’ Brandano Caxaro: Il-Kopista tal-Kantilena |
Il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju | Liam Gauci, bis-sehem ta’ Sandro Debono | Il-Ġifen Tork: il-ġrajja vera |
Il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju | Prof. Oliver Friggieri | “L-Innu Malti” kelma b’kelma |
L-Erbgħa 28 ta’ Mejju | Prof. Frans Ciappara | Vassalli |