Fl-2012 ippubblikajt fuq l-internet studju qasir dwar il-kitba tal-komponiment letterarju, maħsub għall-istudenti tas-sekondarja. L-istudju jismu “Il-Konfoffa tal-Letteratura” u jiffoka fuq in-natura u l-funzjoni tal-letteratura. Dak iż-żmien kien għadu kemm ħareġ is-sillabu taċ-ĊES u tefa’ l-attenzjoni tal-istudenti, għall-ewwel darba, fuq l-istil minflok fuq it-tematika. Għalhekk kien sillabu li għall-ewwel darba għaraf in-natura formali jew teknika tal-letteratura u xeħet l-attenzjoni tagħna fuq kif taħdem iktar milli fuq dak li tgħid.
Dawn huma żewġ siltiet mill-istudju: “Dan il-punt għalija huwa kruċjali: għax ma tistax tifhem l-ispirtu u d-dinamika tal- letteratura mingħajr ma tħares lejn il-mod kif taħdem internament. Meta tanalizza l-mod kif qed titħaddem il-lingwa, kif jintuża n-nofs diskors jew is- silenzju, awtomatikament tkun qed tesplora dak li qed jirrakkontaw il-kittieba, il- ġrajjiet, l-emozzjonijiet, id-dubji, ir-relazzjonijiet. Tkun qiegħed, tkun qiegħda tidħol fid-dinja kumplessa tal-kitba letterarja u mingħajr ma trid tqabbel mal- esperjenzi tiegħek tal-ħajja, mat-tifsiriet li inti tagħti lill-kliem, ma’ dawk l-affarijiet u l-emozzjonijiet li l-kelmiet partikulari jfakkruk fihom. F’dan is-sens bħala qarrej jew qarrejja inti tipparteċipa b’mod sħiħ fl-esperjenza tal-qari tan-novella jew il- poeżija li jkollok quddiemek.”
“Xogħolna bħala qarrejja kritiċi tal-letteratura huwa li naraw kif taħdem minn ġewwa l-letteratura, kif l-elementi letterarji jikkonfoffaw flimkien biex joħolqu effetti fuqna bħala qarrejja. Xogħolna huwa li naraw x’tagħmel il-lingwa mhux tassoltu tal-letteratura biex tagħtina gost u fl-istess ħin tqanqal il-moħħ u l-qalb tagħna.”