Rui Cóias

Traduzzjonijiet ta’ Adrian Grima | “Con barqueira e remador” VIII Poetry Translation Workshop on San Simón, Galicia | Settembru-Ottubru 2019 


1.

Qalli li

l-ivvaġġar huwa meta tista’ titlaq lejn il-post li jinsab quddiemek,

kull post jolqotna biss għax jissuġġerilna

dak li se jfiġġ warajh.

U fl-aħħar, meta nitilqu kollox minn idejna

u ma nisimgħu xejn għajr id-daqq tal-qniepen,

il-pajsaġġi ma jibqgħux jeżistu,

biex ma jgħaddux lil dak li jinħeles minn nifisna.

“Nibqgħu għaddejjin biss

biex inkunu nistgħu nidfnu l-ġisem

band’oħra;

għax kull fejn konna

ħallejna ġisimna fejn narawh

mill-iktar post viċin.”

Jien fhimt li

mingħajr ma wera l-iċken ħjiel ta’ biża’,

skopra t-trasparenza tad-dinja,

li għenuh l-uċuħ sospiżi tal-vjaġġaturi.

U ftakart kif iż-żmien,

miż-żgħożija bikrija sax-xjuħija,

jgħallimna nħallu pawża f’għajnejna kull meta l-ġmiel jirkibna,

pawża f’idejna u f’għajnejna,

dawk li jgħidulna liema parti ċkejkna minna

dejjem tibqa’.


2.

Il-ħalib iswed tas-sebħ nixorbuh filgħaxija

nixorbuh f’nofsinhar filgħodu nixorbuh billejl

nixorbuh u nixorbuh

Paul Celan, Todesfuge / Il-Fuga tal-Mewt

 

Fejn int ukoll se tiġi titkellem minn taħt l-ilsien fil-fosos,

anki jekk leħnek mġewwaħ

u naralek għajnejk mas-sebħ,

mitlufin fuq l-għelieqi, f’postijiet imriegħda – Se niġi lura – “jien

anki fuq il-mewġ ta’ nofsinhar, mat-truf ta’ ċirasa, jekk narak, Margarete

— Jien “niskura — “u niskura

bħalma jiskurani x-xagħar ta’ vjolini skuri,

bħalma jiskura r-riħ fil-boskijiet kiesħa fejn immutu,

jiskuraw l-isqaqien

jiskura l-ħalib iswed li nixorbu u nerġgħu nixorbu.

 

Minn fejn se titfaċċa int ukoll

mal-finezzi sublimi tal-isfortuna,

anki jekk demmek jagħqad

u jekk filgħaxija, fil-mument perfett,

nista’ nilmaħ għajnejk jaqraw il-poeżiji tal-Galizja

– jien ġej lura –

“Jien anki fuq il-ferroviji nħaffer mina fl-arja,

jekk narak, Sulamith

– Jien “niskura –

“u niskura waqt li l-lejla tiskurani fis-sigħat bikrin,

waqt li l-linji jiskuraw fuq l-uċuħ,

il-poeżiji jiskuraw

bħalma jiskura l-ħalib iswed

li nixorbu u nerġgħu nixorbu.


3.

Liema impuls ċkejken, imriegħed

ma ninsew qatt għalkollox?

Fuq liema art eżaltata niżfnu mal-ommijiet ikantaw?

Fejn hu d-dmugħ ta’ veru li ma narawx?

Wara snin ta’ ġabra, ta’ ħġejjeġ żgħar, ta’ dawl tax-xemgħa,

wara t-telqa ta’ ħsejjes mgħottijin bil-ġlata

u jitlajjaw fil-konfini mżarrda tal-ibliet –

liema grazzja nistqarru li missejna tassew?

Aħna li ġejjin mill-bogħod,

minn forka li ħadd mhu se jirrakkonta,

b’waqtiet mċajpra u għażliet mħażżin fuq wiċċna,

maqbudin bejn l-uġigħ ta’ epoka u ta’ warajha,

nintebħu li l-għorof mitluqin minn fejn tlaqna –

fejn għal snin sħaħ ħafna min-nies kienu għadhom jitbissmu fil-btieħi –

issa kważi ntilfu għalkollox

u li nfasslu triqitna billi nippruvaw naħfnu

dak li l-ħin kollu jaħarbilna minn idejna,

dak li jisfuma bla ħoss.

Iż-żmien qed jitħassar,

żmien in-nar fuq l-ilma,

u ċċaqlaqna kull darba mill-universali sal-eżatt,

mgħarrqin fil-ħoss fl-isfond ta’ taraġ,

inrossu bil-mod il-mod il-ħajja għal dak id-daqs aħħari,

dik il-biċċa mill-bijografija dejjem aktar korretta tagħna

li fiha l-ġabra sempliċi, bħal meta nitilgħu t-taraġ,

hija l-essenza ta’ dak li għamilna għalina nfusna,

il-ferħ li jfiġġ minn ġo jasarna.


4.

Il-postijiet ma jeżistux,

qatt ma kienu jeżistu,

lanqas tal-qedem.

Jeżisti biss dak li naraw fihom,

it-traċċi tat-trab tal-briks li jġegħluhom jogħsfru.

Hekk biss ninżlu l-art.

Ħafif ninżlu, sempliċiment għat-tifkira.

Mhux biex immissu l-kolonni lelà jew

biex naqsmu fuq id-dgħajsa tal-qlugħ mgħobbija bil-mandolin.

Nimxu ’l quddiem imma bilkemm.

Ma nimxux fix-xemx.

Saqajn in-nomadi ma jiswidux fir-ramel u l-baħar f’portijiet żgħar.

L-olmi jkennuna, mhux it-terrazzini.

It-traċċi tat-trab ibenġluna b’qatra li togħsfor,

li trammel bejn subgħajna u xorta ma tagħqadx.

Xejn ma nbidel mill-aħħar lament;

l-għajnejn

li jmexxuna tul ix-xefaq tal-Mediterran huma għajnejna,

u s-siġar taż-żebbuġ huma l-konfini tiegħu

fid-dawl tal-jum.


5.

Qatt mhu se jirnexxilek ittemm

it-tiftixa tiegħek,

anki jekk tidħaqlek ix-xorti;

u l-istudju mhux se jhennik,

minkejja li l-għorrief jispirawk;

it-talent mhux se jgħinek,

il-konsolazzjoni mhix se tberridlek il-ġibda ta’ xewqatek;

u anki jekk ikollok l-imħabba, ma tkunx ħieles.

Lanqas il-profeta li jiddetta l-versi mhu ħa jkollu dixxipli,

għax l-iskribi qatt mhuma se jaqbdu l-ikbar niket tiegħu,

u ż-żagħżugħ mhux se jżomm il-grazzja, żgur se jitlifha,

u lanqas m’inti se tiftakar ix-xmara li kont għammidt

jekk l-ewwel ma tarahiex taħt iċ-ċpar.

Allura fejn sejjer biex nimxi warajk bil-qima?

Se naqsmu minn naħa għal oħra tal-pajjiż

imdewwed bl-għaram qishom lapidi tal-oqbra

meta fil-bogħod it-tnejn li aħna nleqqu —

it-tnejn li aħna bi tbissima solenni li taħbi s-silenzju?

Minflok dak li mingħalina jista’ jsir,

minflok nistħajlu li missitna xorti ħażina,

malajr se nkunu nafu x’se jiġri:

— ħafna drabi kellna nistennew l-iktar għas-sbuħija,

imm’hi biss tħallina ninqdew ftit bid-dinja

u ngħaddu, b’dak in-niket għami, lil hinn.


6.

L-ilħna telqu.

Taru mit-terrazzin u ħallewna waħedna.

L-irġiel jibżgħu li jinfnew waħedhom.

Għalhekk joqogħdu jisimgħu stejjer tal-għaġeb dwar xulxin.

Biex jissaportu l-fallimenti fl-imħabba,

imħabbiet riflessi f’wiċċhom bħall-għeneb fl-għenieqed.

L-irġiel iħossuhom mitlufa,

battala u mjassrin

u mwerwrin mil-lejl.

Mhux se jerġgħu jimteddu fuq l-għeja bajdanija taż-żgħożija.

Jagħfsu l-kuruni dehbiena tar-rużarju f’idejhom

taħt il-loġoġ

biex in-nisa li jgħaddu jiċċassaw lejhom,

mimlijin bihom infushom.

Ma’ tmiem il-lejl,

jintelqu fis-sħana tat-terrazzini,

u joqogħdu jisimgħu fis-skiet il-poeżiji ta’ Kavafis.

Ma’ tmiem il-lejl,

in-nisa jintilfu warajhom

u joffrulhom ruħhom biex l-irġiel jagħtuhom il-kenn.