Traduzzjonijiet ta’ Adrian Grima
“Con barqueira e remador” VIII Poetry Translation Workshop on San Simón, Galicia | Settembru-Ottubru 2019
Rambo jaħseb li m’hawn ħadd ħliefu
Darba kelli kelb
widnejh il-ġmiel tagħhom.
U għajnejh żoroq daqs ix-xmara ta’ beltna.
Denbu kien twil u dritt għax pulit,
u jinbaħ bil-qies
għax mhux sewwa ddejjaq in-nies,
tigdem l-id li tiekol minnha,
jew tixrob mill-bieqja tal-mogħoż kif jagħmlu r-rgħajja.
Mhux sewwa tersaq lejn l-ilma qiegħed
kif kellu ħabta jagħmel il-wiżż tal-ġar min-Nofsinhar.
Meta miet
dfintu fiċ-ċimiterju tal-familja
u fuq il-lapida ktibt:
Hawnhekk kien jgħix u miet Kelb
b’widnejh il-ġmiel tagħhom,
u qalb l-oppost tad-dar b’erbat ikmamar ta’ ħabibi,
li qatt ma stedinni għandu mal-mistednin.
Miet Kelb hawnhekk.
Ħalla warajh kolonni magħmulin mix-xejn
Biex id-destin jistrieħ magħhom
Kieku kellu ċinga tad-djamanti tal-ġenn
u tron tal-avorju tad-dubji
kienu jqisuh
poeta prim.
Il-Gwerra
L-irġiel ifasslu l-gwerer
u n-nisa jibqgħu ħajjin fit-tifrik.
Għad jiġi jum li ma jkunx fadal irġiel,
u n-nisa jiġru wara xulxin
Ifittxu r-riħa tfuħ li ħalla b’xufftejh
l-aħħar raġel fuq l-għonq ta’ mara.
Ħalq
Tiekol.
Tigdem u tomgħod u tmexxi lsienha ma’ ħalqha,
mal-irkejjen ta’ xufftejha.
Sempliċiment biex tiftakar li ħalqha għadu ħaj
Fil-vojt li ħallew xufftejh.
Ħsad
Il-qoffa mhix mimlija llum.
Ma qtajtx frott.
Il-kirba* nixfet.
Ma mlejthiex min-nixxiegħa.
Kont medhija naqla’ l-ħaxix ħażin
minn ġol-memorja.
*żaqq tal-ġild għall-ilma
Ma Jikbrux Fjuri fuq Ismi
Ma jimpurtanix fejn jidfnuni
meta mmut.
Mhux se jikbru fjuri fl-Iraq.
U hawn…
min jinzerta għaddej
mhux se jħalli fjura fuq isem
li m’għadekx tlissen
Soru
Jien ukoll kont soru
xagħri mqaxxar
memorji mqaxxra
dwiefer maqtugħa
storja maqtugħa.
Imma ħallewni niżżewweġ
u jkolli żewġ ulied
u normol malajr
qabel il-qassis kixef
id-dnub
Taħnina għal Gwerrier Żagħżugħ
1
Ħadd mhu se jibkik meta tmut, ħlief jien.
M’iniex se nikxef ismek,
jew ir-ritratt tiegħek jew saħansitra t-tebut
li se nżejjen.
Se ngħanni għanja lill-għasafar fis-sema
li issa sirt tagħhom.
2
Il-mewt kienet qrib wisq did-darba.
Qrib wisq biex tieħu ritratt tiegħek titbissem
għall-aħħar darba
lil-lenti tal-ħajja.
3
Il-belt li tat il-ħajja lill-ewwel bikja tiegħi
tat il-ħajja lilek ukoll.
Iżda ruħek ma setgħetx ittir ’il fuq daqs bikjiti.
Baqgħet tgħammar fil-limbu f’qalbi.
4
Int ħriġt minn dar mifqugħa bis-siġar tal-larinġ.
Jien ħriġt minn dar li difnet l-aħħar palma
fil-memorja tiegħu.
Qatt ma konna fuq l-istess ġenb tat-triq.
Iżda l-laqgħat tagħna fis-salib it-toroq ta’ Nineveh
strumblaw lill-għassiesa.
5
Xi mkien hemm mara tistenniek.
Kullimkien hemm mara ddur ma’ ħalqek
biex ma tħallikx titlef triqtek.
F’kull kwartier hemm tfajla qed tgħaddi l-pettne tan-nuqqas tiegħek minn ġo xagħarha.
U tifga l-bikja.
6
Għaddejt minn tliet gwerer, jien, u ħafna telfiet.
Imma qatt ma bqajt nistenna gwerrier.
Kull lejla kont tisraq kewkba biex issib it-triq
għal għandi.
Min qatel il-kewkba dakinhar?