Traduzzjonijiet ta’ Adrian Grima | “Con barqueira e remador” VIII Poetry Translation Workshop on San Simón, Galicia | Settembru-Ottubru 2019
Me Too
Anki Jien għandha rieda tal-azzar,
tixjira salvaġġa, kattiva
għall-paletti u l-blalen,
xejra salvaġġa biex twarrab bil-minkeb.
Lil Jien tawha sett tal-kċina.
Tista’ taraha tagħmel il-frejjeġ.
Anki Jien kapaċi turi kemm hi b’saħħitha,
ilsien jaqta’ li jtajjar il-verbi t’azzjoni
fit-temp attiv.
Niġri. Naqbeż. Nagħti.
Jien rassitu mal-art.
Lil Jien rassewha mal-art
Ara kif rabtuha bl-ilsien, kif rabtulha lsienha.
Anki Jien tħobb tkun is-sidt.
Art imminata ta’ jien, lili, tiegħi.
Għajnejn. Widnejn. Imnieħer, Ħalq, Int;
Xi ħaġa.
Irrid. Neħtieġ. Għandi.
Anki Jien trid tidher,
dejjem tgħolli idha,
lili, lili, lili…
Lil Jien tawha, tawha, tawha; ħaduha.
Tista’ taraha tisparixxi.
Meta Jien tkun hi
jarawha,
kultant jisimgħuha,
kultant iżommuha,
iżommuha lura
Lil Jien jisfurzawha, jimbuttawha
fir-rokna, ibagħbsuha,
ibagħbasha Hu, Hu, Hu
Anki Hu?
Għamel. Għamel. Għamel
lil Ha, lil Ha, lil Ha,
Lilha wkoll?
Jien ukoll, tista’
taħkem, tqanqal, tisbel, tħarbat.
Ħares lejja! Ħares lejja!
Jien ukoll tista’ tkun re.
Jien, is-suldat għami tal-iskakkiera.
Jien, iż-żiemel għarwien
Jien, it-torri wieqaf, passiv,
Jien, l-isqof, jaqta’ għad-dritt.
Jien, ir-reġina qatt
ir-re, imma
Jien, ukoll, kapaċi tiekol.
Jien tgħid, ir-re miet.
Hu jgħid, Hi tgħid, Aħna lkoll ngħidu,
viva r-re.
Dakinhar tat-Tieġ Tiegħi
Żejnuni
bil-fwar tal-gomma, wiċċi
miksi b’saffi ta’ żmien
magħmul mix-xaħam tal-majjal
u n-nies iggustawh bħallikieku
kont tarbija tat-twelid
li twieldet mill-ġdid,
kopja tagħha fil-ħġieġa tal-mera.
Intfajt bilqiegħda quddiem in-nar
qed naqbad bil-għadab ta’ mazz
karti tal-flus qed jobżqu l-irmied li weħel
ma’ wiċċi tal-plastik għall-wiri
quddiem il-platti li ħarġu.
Il-Bini tad-Djar
Deffes bastun bil-ponta ġol-qalb tal-belt,
ġebbed kemm tiflaħ ’il barra —
imbotta musmar ’il fuq
ħaddan dak li hemm taħt
ordom l-istorja tal-art, it-twerżiq fgat
bis-saffi tal-konkrit,
aqla’ s-sigar mifruxa fuq artek mill-għeruq
u deffes minflokhom gradi tal-azzar
marbutin flimkien b’nokkli tal-plastik.
Qiegħed il-briks —
waħda fuq l-oħra
sular wara l-ieħor, ’il fuq
u mbagħad iċċassa lejja b’mod kolossali.
Sammar dawk l-imsiemer tal-azzar,
l-ewwel fiċ-ċappetti tal-bieb,
u mbagħad f’rasi,
kull pumm, pumm, pumm,
il-punt li ddamdamli ġol-menti kull filgħodu
waqt li nosserva l-intern tiegħi jċekċek
fuq il-conveyor tas-siment.
Manwal tas-Sopravivenza għall-Bniet
Ma nixbahhom f’xejn,
ħlief li darba kont tifla, eżatt bħalhom,
imma jien hawn. Huma
mietu.
Ġismi għandu l-għamla tiegħu, ġisimhom
l-għamla tal-priża. Issa, mejjet.
Mhumiex bħali. Qatt mhuma se jaraw
l-eklissi ta’ darba
f’għomrok. Mhumiex bħali. Qatt mhuma se jqattgħu ljieli tal-waħx, jippruvaw jiftakru d-dati
minn ktieb tal-iskola jew iljieli bla kwiet jiftakru kull farka mill-ewwel date.
Mhumiex bħali.
Qatt mhuma se jerġgħu jiżfnu fit-tieġ tal-ħbieb.
Mhumiex bħali. Qatt mhuma se jqumu
u jibdew il-ġurnata bil-listi ta’ dak kollu li jridu jagħmlu,
ta’ dak kollu li jista’ jsir, ta’ dak kollu
li jrid isir.
Setgħu kienu
xi ħaġa hekk tagħhom?
mur għix f’belt kbira
mur il-Ministeru tal-Edukazzjoni
sib xogħol
aqla’ ftit flus
ixtri cardigan tax-xitwa għall-mamà
Jimporta naqtgħu
dak kollu li hemm fil-listi tagħhom,
jekk jogħġobkom?
U la qegħdin fiha, nistgħu neħilsu minn kollox
swali taċ-ċinema
gabbani tal-ikel
ħelu tal-festi
bandli tal-festi
M’hemmx għalfejn. Aħna
għadna ħajjin. Lilhom qatluhom.
M’għandi xejn bħalhom, imma
naħseb, stajt għallimthom kif jibqgħu ħajjin,
kif jgħixu.
Forsi minni kienu jisimgħu u
forsi kienu jmorru lura fiż-żmien u jitwieldu
għand ġenituri li jaħdmu mal-gvern
jew wirtu l-proprjetà mingħand in-nanniet u l-bużnanniet.
Hekk ma kienx ikollhom għalfejn jitlajjaw fit-triq,
kienu jieħdu taxi.
Xorta kien ikollhom jitgħallmu kif jieħdu grazzja ma’ raġel, jew ma jiġbdux l-attenzjoni tiegħu
billi jħallu xagħarhom twil wisq, pereżempju.
U anki hekk, xorta kien ikollhom jevitaw
il-mobiles
it-televixins
id-dbielet
il-ħabel
is-skieken
l-aċtu
il-pitrolju,
u kwalunkwe oġġett bil-ponta li jaqta’
Imma ma kinux jafu. Ma stajtx ngħidilhom.
Jiena ħajja u huma
għadhom mejtin.