Traduzzjonijiet ta’ Adrian Grima
“Con barqueira e remador” VIII Poetry Translation Workshop on San Simón, Galicia | Settembru-Ottubru 2019
Jien hawn.
Il-bqija tad-dinja tinsab quddiemi.
Ir-riħ fuq jorbot kliemna ma’ did-dar.
Jiżra’ l-biża’ tagħna fl-għeruq.
Jagħti isem lil dak li mingħalina ħabbejna għal żmien twil.
Aħseb dwar dak il-waqt meta ntbaħna li dan il-ħajt se jiġġarraf.
Iftaħ il-bieb, ħalli l-klieb jidħlu: jistgħu jieklu mal-mejda.
Biex l-art trejjaħ it-tbaħrid, inkella tibda t-taqbida.
Qisha r-riħa ta’ ħajja li l-ħin kollu togħsfor u terġa’ tibda.
Tiċċassax lejn il-ġmiel tal-ħerba.
Ċarrat il-ħajt.
Kisser iċ-ċirku.
Aħrab.
Minn Celebration (Apiario, 2014)
Qalu li s-Sud
post ipprojbit.
Qalulna:
“Dak kollu li kien memorja jew ġisem illum huwa dogma.
U qed jaħdem minn taħt
kontrina”
Ma nafx x’sensazzjoni se taħkimni meta fl-aħħar nerġa’ lura
mingħajr fdal.
Jekk hux se jkun hemm irmied li jiftakar
ġisem li kapaċi jifhem
il-quċċata ta’ dan
l-inkontru.
Minn Celebration (Apiario, 2014)
INT GĦANDEK l-età ta’ ġildek,
imma l-memorja xiħa wisq biex tkun tafha din.
Se nirrepeti ismek meta ssir ħaddieħor
biex nevoka
dak li tlift u ħabbejt minn qiegħ qalbi.
Il-lingwa tibqa’.
Il-ġisem, le.
Minn Celebration (Apiario, 2014)
L-Ewwel Darba l-Pjaċir
Jgħidu li x-xenqat huma xbieha mit-tfulija.
Jekk inhu hekk, se ssib ix-xenqat tiegħi maġenb xmara
f’pajsaġġ ta’ ilmijiet imfawra
fejn żewġ subien jilagħbu jinqalbu fil-ħaxix.
Niftakar kemm kien hemm tajn fil-post.
Ir-riħa tfuħ tar-raża tielgħa mill-alni.
Id-dawl aħdar ta’ wara nofsinhar madwar ix-xatt imgħaddar.
F’dak id-dawl
ġisem it-tifel magħfus mal-art
ġismi fuqu nieżel fuq naħa waħda
irkupptejna jaħbtu mal-blat.
Jekk inhu minnu li x-xenqat huma xbieha mit-tfulija
allura x-xenqat tiegħi jinbtu mill-ġerħa.
Kif tinqata’ minn post
fejn il-pjaċir jistaġna u jiffermenta,
jiffermenta?
Kif tbattal il-memorja
biex fl-aħħar issir
raġel ġdid?
Minn The Wild Life (Pen Club Galicia, 2018)
Kollox
Georges de la Tour
Għal mument ħlomt li dil-poeżija tista’ timla
d-distanza bejn ġismi u x-xemgħa.
Sebgħi fix-xema’ u s-sħana
tiftaħ mogħdija mill-ġilda sal-fjamma.
Ħlomt għal mument li dil-poeżija tista’ timla
l-qalb, id-demm ilebbet fil-vini
bħan-nixxigħat li jfuru fil-fawran t’April,
il-meraq li jgħarraq iz-zokk tal-ballut.
Fil-ħolma tiegħi, l-oġġetti u r-ritmu tagħhom twaħħdu
’il fuq minn kull distanza
bejni u bejn id-dinja,
l-ilsien lest biex jivvampja mas-saqaf tal-ħalq,
il-framment tal-arja li jżommni lura mill-warda.
Għalfejn għandi nedha mmiss fjura
meta nista’ mmelles it-tessut ta’ ħolma?
F’ħolmti hemm il-fjur u ftuħ il-fjur
il-moviment tal-liedna meta titla’ kif jidhrilha
mal-fraxxnu, f’bosk max-xmara, pereżempju.
U l-istilla u d-dawl bla tarf
għax id-dellijiet bdew jiddu bħall-materja,
sfera, sema, sħab f’mewġa perfetta.
Kif se jirnexxili nistenbaħ f’post
fejn il-ġilda tifred il-ġisem mir-riħ?
F’ħolmti kont minfud.
Nifditni l-arja bħall-azzar ta’ xafra fil-muskolu ta’ ċerva.
Jew xema’ fuq ħuġġieġa fil-pala ta’ idi.
Qalb, rita.
Ħalq jivvampja miexi lejn it-tamboċċ.
Il-liedna tielgħa bla hedu mal-fraxxnu.
Qatt m’jien se nkun nista’ nfisser kollox.
Minn The Wild Life (Pen Club Galicia, 2018)
Fis-Salvaġġ
B’xi mod, meta ġiet il-poeżija,
kont naf li l-kliem
kien se jispiċċa jħassar dak li ġarrabt.
Imma sibt it-triq lura
lejn dan l-inkontru:
Insellem għall-aħħar darba lid-dnub.
Saqajja jagħfsu l-art,
jilqgħu l-messa tagħha qishom qed imissu d-dinja,
u xi ħaġa salvaġġa timponi l-ordni tagħha
waqt li l-memorja tisfuma f’tessut.
L-istranġier jgħid:
—Hemm ħajja waħda li tissakkar
f’ħajj’ oħra
u mbagħad f’salt jinfaqa’ kollox.
Ma tistax tissellef il-kliem biex tfisser it-tifqigħa.
it-tifsira sseħħ meta sseħħ it-tiġriba.
Għalhekk, kelli nagħżel
bejn il-kelma u l-ħajja.
U għażilt il-ħajja.
Lid-dinja tlabtha tiftaħli
il-wiċċ salvaġġ tagħha.
Minn The Wild Life (Pen Club Galicia, 2018)