Traduzzjonijiet ta’ Adrian Grima
“Con barqueira e remador” VIII Poetry Translation Workshop on San Simón, Galicia | Settembru-Ottubru 2019
Il-Ktieb
Waħda wara l-oħra mmiss it-tbajja’ tal-ġrieħi tiegħi,
bla ma nagħti fil-għajn,
biex inkun nista’ niftakar min jien.
M’għadnix naf inrodd is-salib —
dan tiegħi huwa l-aħħar ritwal.
L-eqdem marka qiegħda fuq spallti tax-xellug — mit-tilqima tal-ġidri —
tonda, qisu xi ħadd
is-sigarett tfieh hemmhekk.
Dik kienet l-ewwel magħmudija.
Għandi ħafna girfiet żgħar
fuq l-għaxart iswaba’ —
girfa għal kull kmandament.
Meta kont tifel kont inħobb is-skieken.
Dak iż-żmien ma kienx hemm biex tilgħab.
Kont inqiegħed quddiemi fuq il-mejda l-oġġetti kollha li jaqtgħu
li kien ikun hemm id-dar,
u kont nagħtihom isem,
bħal meta jsemmu l-ulied subien.
Jikkalkulaw żiemel kemm għandu żmien minn snienu,
iż-żmien tal-uġigħat — mit-tbajja’ tal-ġrieħi.
Imm’għadni żgħir ħafna.
Hawnhekk —
u din irrid ngħidha minn taħt l-ilsien —
għad fadalli ħafna fejn.
Bodybuilders fil-Gym
L-għeruq f’laħamhom jiffurmaw disinn kumpless, bħal tatwaġġ raffinat,
u l-muskoli jħarsulek bl-ikrah —
anki ż-żewġ naħat ta’ patattu huma żewġ uċuħ,
żewġ uċuħ imdejqin ħafna,
li jibku gelgul dmugħ mielaħ.
U l-vini taħt il-ġilda
qishom xibka
li jinqabdu fiha,
li mhux se joħorġu minnha ħajjin.
U xi mkien fil-qiegħ ta’ dan kollu
hemm il-muskolu prinċipali — il-qalb —
atleta daqs ponn,
gym daqs but,
li jrid iżomm din il-bhima f’saħħitha,
li jrid iżommha fuq saqajha.
Nistħajjel li wara
li jċaqalqu t-tunnellaġġ ta’ ringiela
karozzi tal-ferrovija minn spalla għal spalla,
jinħaslu flimkien f’doċċa waħda,
għax ibatu biex jinżlu jogħrku saqajhom
u ma jistgħux jiġġebbdu biex jaħslu daharhom
għax meta taħsel ġisem bħal dak
tkun qisek qed taħsel trakk tal-containers.
Wara jmorru lura d-dar
għand in-nisa ċkejknin tagħhom,
dawn il-blalen tal-ħadid tal-imħabba
b’xagħarhom ibbliċjat isfar, jew kannella,
li jħobbu s-saħħa,
li jużaw l-istess magna li tqaxxar is-suf
u l-istess ingwent artifiċjali biex tismar
li bih jillustraw it-tazzi u l-midalji
u jgħaddu x-xorzijiet qosra li bihom jikkompetu,
għax is-saħħa u s-sbuħija jitolbu sagrifiċċju,
u dawn jissagrifikaw ruħhom.
Imma billejl, dawn l-irġiel qishom ġolfijiet, il-ġmiel tagħhom,
jimteddu maġenbhom —
meta jimteddu f’sodda waħda ħdejn ġgant bħal dan
qishom qed jorqdu maġenb dar tal-briks,
u jdumu lejl sħiħ
biex imellsu kull art u kull briksa
u mbagħad fl-aħħar jorqdu,
u jserrħu rashom, fis-seba’ sema,
fuq l-imħaded ibsin tal-muskoli ta’ żwieġhom.
Huma
Se jaħslu jdejhom wara l-ikel,
u mbagħad il-waiter se jeħdilhom il-platti,
f’idejn separati.
Il-qmis mgħoddija sew,
u ċ-ċinturin mistrieħ fuq qaddu
kunfidenti u affidabbli –
kollox miexi sew f’ħajtu.
Hi tuża fwejjaħ qawwijin b’ismijiet kbar –
Passjoni, Xenqat, Dnub,
imma dejjem taħsel idejha fl-innoċenza,
u wiċċha stranġier, lixx,
m’hemm xejn fih li jibqa’ minqux f’moħħok.
Jibqa’ f’din id-dinja minħabba l-eye shadow biss.
Meta jmorru lura d-dar,
forsi x-xenqat tagħhom biss se jġiegħlu l-fattizzi perfetti, indukrati jokorbu
bħalma l-bukagħwieġ iġiegħel sieq l-atleta tokrob bil-ġiri.
Imma l-karezzi tagħhom se jkunu effiċjenti,
kważi biċċa negozju.
Imbagħad se tqum mis-sodda
u timsaħ il-make-up.
Se jieħdu doċċa waħedhom,
u se jaħslu snienhom waħedhom:
il-bżieq tagħhom biss
se jitħallat fl-istess serpentina tas-sink.
F’dik il-kamra tal-banju
is-serpentina tas-sink qatt ma tinstadd;
f’dak il-flett is-sistema tal-ilma għadha ġdida;
f’dik id-dar il-pajpijiet b’saħħithom;
f’dak il-kwartier fis-sistema tad-drenaġġ m’hemmx problemi,
f’dik il-belt il-faċilitajiet tat-tisfija tal-ilma huma moderni,
affidabbli, u effettivi,
bħal dak kollu li laqqagħhom flimkien
f’din il-belt,
f’dan il-kwartier,
f’dan il-bini,
f’dan il-flett,
fuq dis-sodda,
bħal par riġlejn
li rkopptejhom qatt ma jmissu ma’ xulxin.
Ħija
Kellek erba’ snin meta qalulek
“Dan ħuk.”
Ma spjegawlek xejn aktar.
Kulma qalu:
“Dan ħuk.”
Kont kurjuż int
u bil-mod il-mod fik twieled is-suspett.
Jien imxejt warajk.
Kull fejn mort jien, kont insibek quddiemi.
Il-pum tal-bieb kien ikun għadu sħun
meta fil-pala t’idi kont naqbdu jien.
U min kien ikun dejjem bilqiegħda
fis-seat ta’ quddiem maġenb il-pa,
fuq il-lemin ta’ missierna?
Int ħbejtni.
Aktarx kulħadd kien jaħseb li hemm inti biss.
Min se jemmen fis-setgħat tiegħek
jekk hemm dik il-kopja
wara dahrek?
Int bżajt li kont se neħodlok ir-riħa tiegħek
u ħadd ma kien se jibqa’ jagħrfek.
Jien qgħadt warajk
bil-flokk tas-suf l-antik tiegħek,
biż-żarbun li l-lazzijiet tiegħu
dejjem jinħallu.
Bqajt wara dahrek
nitfa’ l-ġebliet fil-bwiet
biex id-dinja fl-aħħar tħoss
il-piż tiegħi.
Osservajt u flejt.
Kont għadni m’iniex lest
U qgħadt niżviluppa waħdi l-ħiliet,
nillostra kull rukkell,
kull ġog
li ksibt, bilwieqfa fid-dell
u nistenna,
sakemm
ma jkollokx bżonnhom iżjed.
Is-serratura waqgħet mal-art.
Jien ħdimt bis-sabar ta’ bniedem tas-sengħa
biex nibni lili nnifsi.
Kultant kont tkun trid timbotta dawk in-nebbieta determinati
lura ġo fija,
dawk li, huma u jagħmlu bħalek,
kienu jitmejlu bik.
Int ħsibthom armi
mislutin għalik.
“Ma tistax tagħmel hekk,” qalulek.
“Dak ħuk.”
Imma inti m’emminthomx.
Kont għadni ma tgħallimtx
xi rrid nagħmel biex inkun ħuk.
U stennejt.
Osservajt u flejt.
Tlajt fuq il-ponot ta’ subgħajja
biex nittawwal minn fuq spallejk.
Is-snin ħadmu favurija.
U mbagħad, darba fost l-oħrajn,
ħriġt għad-dawl.
Irnexxieli nikseb ir-riħa ta’ familti
u ta’ familti kelli l-fattizzi.
Ix-xemx kienet qed tisreġ,
imma ma dejqitnix.
Fl-aħħar kelli d-dell tiegħi,
imma kont għadni rrid nimmudellah.
Kont għadni m’iniex sħiħ,
imma kont dak li kelli nkun.
“Dan ħija,” għedt int.
“Dan ħija.”
Kummentarju għall-Epitaffju ta’ Villon Miktub Għalih u għal Sħabu Huma u Jistennew il-Forka
Lil dawk li jagħtuhom il-forka
jew isallbuhom,
l-aħħar privileġġ jeħduhulhom —
li jmutu fl-art,
bħallikieku l-art li ġarret
id-delitti tagħhom
ma felħitx iġġorr
mewthom.
Imutu bħall-imgħarrqin
li marru jgħumu fil-fond
u ma jistgħux imissu
l-art b’saqajhom.
L-oħrajn jiċċassaw lejhom b’ħalqhom miftuħ,
qishom qed jaraw l-allat
jew in-nobbli —
fis-skiet u minn taħt.
Dawk li hemm imdendlin —
it-tron tagħhom huwa l-arja
u l-qabda dubbien madwar rashom —
il-kuruna.
Ħadd ma jista’ jqiegħed
fjura jew ġebla
fil-post fejn waqfet
qalbhom.
Iż-żraben biss
huma sospiżi fil-vojt
bħal frottiet strambi.
Ir-riħ ibandalhom bil-mod.