B’Idejna

Il-poeżija “B’Idejna” ktibtha fl-10 ta’ April 1997. Dehret għall-ewwel f’antoloġija ta’ kitbiet letterarji bl-isem ta’ Il-Millennju Jistenna lill-Maltin maħruġa mill-Koperattiva Kulturali Universitarja u Inizjamed f’Lulju tal-1999. Ma ktibthiex għal dan il-ktejjeb jew għall-attività letterarja li tellajna f’dak is-sajf fid-daħla prinċipali tal-Università. Daħħaltha f’din l-antoloġija għax deherli li kienet relevanti għaliha.

bidejna
Interpretazzjoni tal-poeżija “B’Idejna” minn Alistair Abela (MCAST 2016)
B’Idejna

Waqt l-innu nazzjonali
ma nkunx naf x’se naqbad nagħmel b’idejja.
Huma jaħasra jistennew mumenti bħal dawn bil-ħerqa,
għax niftakar fihom kif inhuma,
mhux bħala strumenti f’idejja.

L-innu tagħna, niskopri kull darba, 
jindaqq biex ifakkarni li jien dak li jien,
li nilbes dil-ġilda lewn ix-xemx
u dan il-moħħ lewn ix-xagħri.
Meta nħares lejn l-oħrajn  
nintebaħ x’għandi nagħmel
u ġieli nitfa’ jdejja wara dahri.

Inħossni qisni spalliera 
li waħedha baqgħet tistenna li titgħatta;
fidil f’salib it-toroq jitħabat ma’ stering ta’ karozza 
li ma tridx tistartja;
poplu qed jistenna wara l-bieb ta’ uffiċjal pubbliku
biex isir nazzjon,
mingħajr ma jemmen fil-kredenzjali tiegħu stess,
jew fl-utilità.

Darb’oħra forsi npoġġihom quddiem għajnejja
u nsodd widnejja, f’salt.