Ir-Realtà tal-Immaġinazzjoni

Diskors fit-tnedija tat-triloġija ta’ rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb (SKS, 2026) u studju ta’ Wayne Camilleri fis-16 ta’ Frar 2026, Il-Palazz ta’ Sant Anton. Din il-pubblikazzjoni fiha kitba tiegħi dwar “Pawlu Xuereb u l-Ġibda tal-Ġrajja.”

Din tal-lejla mhix biss okkażjoni sabiħa. Din okkażjoni importanti. Għax aħna bħala pajjiż daqsxejn xħaħ mal-kittieba tagħna. Minkejja li aktarx jirrakkontaw id-dinja b’iktar profondità u ħeffa mill-ġurnalisti, aktarx inqisuhom bħala maqtugħin mir-realtà immedjata tagħna.

Waqt it-tnedija tar-rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb fil-Palazz ta’ Sant Anton fis-16 ta’ Frar 2026

Proprju għaliex jirrakkontaw id-dinja, l-awturi inevitabbilment jirrakkontaw ukoll biċċa minna, anki jekk l-istorja tagħhom mhix fuqna u mhix tagħna. Jaqbdu felli mir-realtà tal-eżistenza tagħna u jirrakkontawha. U b’hekk idewquna l-meraq li hemm fil-frotta kollha, il-ħlewwa, il-qrusa, il-ħjut, iż-żerriegħa. Kollox fl-essenza ta’ storja waħda sħiħa, kompluta.

Ordni fil-Kaos tad-Dinja

Huma u jirrakkontaw ir-realtà bl-immaġinazzjoni, il-kittieba joħolqu dinja li għandha l-loġika tagħha, u għalhekk, meta naqraw b’qalb moħħ miftuħ u qalb miftuħa, aħna lesti li nabbandunaw ix-xettiċiżmu tagħna quddiem l-immaġinazzjoni, quddiem ir-realtà “falza” tagħhom, għax nafu li f’dik il-loġika l-ġdida, f’dik id-dinja maħluqa, hemm realtà ġdida mnebbħa mir-realtà li ngħixu aħna lkoll, ir-realtà li nosservaw, ir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum li ssaħħarna u tisturdina. Minħabba l-qafas li timponi fuqhom il-letteratura, l-istejjer li jirrakkontaw l-awturi letterarji jġibu ftit ordni fil-kaos sikwit inspjegabbli tal-eżistenza. Tant iġibu ordni li meta jħalluna bi tmiem miftuħ, mingħajr għeluq, bit-trufijiet għadhom mhux magħqudin, nispiċċaw nippruvaw ngħaqdu t-trufijiet aħna. Tgħid saru jafu x’ġara? Sabuha? Fejn marru? Kif baqgħu? L-għeluq miftuħ ifixkilna. Imma r-realtà tal-ħajja ta’ kuljum tagħna kollha mistoqsijiet mhux imwieġba u bibien u twieqi li jibqgħu miftuħa. 

Meta jitkellem fuq ir-relazzjoni kumplessa tal-immaġinazzjoni letterarja mar-realtà, Oliver Friggieri juża l-metafora tal-injam u l-mejda. Il-mastrudaxxi jagħmlu mejda mill-injam, imma l-mejda mhix l-injam; il-mejda magħmula mill-injam imma mhix l-injam. Hekk ukoll il-kittieba: mill-injam tal-ħajja jsawru l-istorja tagħhom. L-istorja tagħhom mhix il-ħajja imma hija magħmula mill-ħajja. Il-ġrajjiet li jimmaġina Pawlu Xuereb fir-rumanzi u n-novelli tiegħu, għalkemm mhumiex il-ħajja, huma magħmula mill-ġrajjiet tal-ħajja. Huma rikostruzzjoni kreattiva u interpretazzjoni tal-ħajja. Anki meta jirrakkontaw ħajja mgħixa tassew, il-kittieba jsawru dik il-ħajja bil-mod tagħhom, bil-perspettiva u l-interpretazzjoni tagħhom. Jagħtuna l-forma li jridu huma. Għalhekk dik il-ħajja jsawruha mill-ġdid. 

Jirritorna Tarcy Saydon

Ladarba qed nitkellmu fuq il-kliem, nixtieq ngħid li għalija l-kelma “ġrajja” kelma sabiħa wisq: “ġrajja” hija xi ħaġa li “tiġri” jew “ġrat,” xi ħaġa li sseħħ. Meta tirrakkonta ġrajja, awtomatikament dik il-ġrajja tiġri, isseħħ. Il-ġrajja, jiġifieri l-istorja, toħloq realtà, jew saħansitra toħloq ir-realtà.

Kontra dak li ħafna drabi naħsbu, l-immaġinazzjoni mhux biss mhijiex inferjuri għar-realtà mgħixa imma kapaċi teħles lill-istorja mill-irbit u r-restrizzjonijiet taċ-ċirkustanzi partikulari tar-realtà. F’dan is-sens, l-immaġinazzjoni kapaċi taġevola lill-awturi biex jirrakkontaw il-ħajja aħjar. Għax jistgħu jesploraw il-probabbli u l-possibbli aħjar. Għax jistgħu jikkreaw ċirkostanzi li fil-qafas ta’ storja, ta’ rumanz, ta’ ktieb li għandu bidu u tmiem, jesploraw in-natura umana, il-motivi kkumplikati u l-ambizzjoni għamja; l-ambigwità tal-imħabba, l-għira; l-isturdament tal-eżistenza quddiem ħajja li ma nistgħux nifhmu l-loġika kultant imxajtna tagħha; jew il-ġmiel ta’ artijiet imbiegħda li qatt ma żorna, il-kilbiet li qatt ma kellna, ix-xewqat li qatt ma wettaqna. L-immaġinazzjoni hija għodda feroċi li biha kapaċi nirrakkontaw realtajiet mill-aktar varji. Jiġifieri meta noġġezzjonaw għal storja għax ma tkunx ġrat tassew, inkunu qed ninjoraw il-fatt li l-immaġinazzjoni tal-letteratura kapaċi tirrakkonta l-ħajja iktar mill-ħajja nfisha. Il-letteratura kapaċi tħaffer taħt il-wiċċ li jidher tas-sitwazzjonijiet u l-ġrajjiet u tistħarreġ dak li ma jidhirx, ix-xenqiet, it-taqlib emozzjonali, id-dubji profondi, is-suċċessi u l-fallimenti mhux spjegati. 

Nafu li Pawlu Xuereb kien jitnebbaħ mill-ġrajjiet li kienu jseħħu fi żmienu, u mbagħad joħloq xi ħaġa differenti, bl-immaġinazzjoni tiegħu. Il-fatt li l-awtur kien ukoll ġurnalist tah aċċess għall-kitba tal-ġrajjiet; dak il-mestier qarrbu lejn id-dinja tal-pulizija, lejn il-lingwa tal-investigazzjonijiet. U din il-lingwa differenti, pjuttost ġdida għal-letteratura Maltija ta’ dak iż-żmien, għandha l-karattru tagħha. Anki llum, sittin sena wara, il-lingwaġġ letterarju tiegħu għadni nħossu frisk. 

Pawlu Xuereb kien qed jiftaħ triq ġdida fil-Moderniżmu Malti, imma fl-istorja letterarja ta’ dawk is-snin ta’ tiġdid tal-letteratura Maltija fl-aħħar tas-snin sittin tas-seklu għoxrin, ir-rumanz polizjesk tiegħu ma jissemmiex. Issa għandna l-opportunità li fl-istorja tal-letteratura Maltija nikkoreġu dan l-iżball. Għax il-Malta li jinvestiga Tarcy Saydon hija l-Malta li bdiet tinqata’ sew mill-Malta ta’ qabel l-Indipendenza, Malta moderna u aktar sekulari, Malta tal-barranin, ta’ “trouble” soċjali ġdid (Qtil 139), tal-“kokaina” (ngħidu aħna, fi Qtil 140). Il-lingwa letterarja tiegħu u r-realtajiet soċjali u kulturali li jirrakkonta huma differenti minn tal-bqija tal-letteratura ta’ dak iż-ħmien. Meta jitkellem fuq ir-Realiżmu fil-polizjesk ta’ Xuereb, Wayne Camilleri jirreferi kemm għar-Realiżmu fil-lingwaġġ kif ukoll fl-ambjentazzjoni: fil-kuntest tal-letteratura, l-iktar ħaġa importanti hi li Xuereb jirrakkonta l-istorja b’lingwaġġ letterarju ġdid.

Ir-Realtà li diġà tinsab fl-Immaġinazzjoni

Fil-ktieb L-Idea tal-Letteratura tal-1986, Oliver Friggieri jgħid li m’hemm xejn fl-immaġinazzjoni li mhuwiex diġà fir-realtà. L-immaġinazzjoni hija ħolqien tar-realtà. “L-immaġinazzjoni wkoll hi parti mir-realtà u forsi hi dokument wisq aktar siewi u profond mill-fatti li jidhru fil-konkretezza.” (L-Idea 7/8?). Sa ċertu punt, ir-realtà hija wkoll ħolqien tal-immaġinazzjoni, għax ir-realtà hija dejjem interpretazzjoni individwali tagħna, jew aħjar frott tal-mod kif aħna ninterpretaw l-affarijiet. Ir-realtà tinħoloq meta ssir storja. Għalhekk il-ġurnalisti jirreferi għal storja ’l hawn u storja ’l hemm meta jkunu qed jagħtuna l-aħbarijiet. Għax aħbar hija storja. Jekk ma tkunx storja, jekk ma ssirx storja, mhix aħbar, ma tiġrix. Tarcy Saydon huwa storja. Bil-mistoqsijiet li jistaqsi. Bil-kummenti li jgħaddi. Bis-sigarett fil-bokkin. Tarcy Saydon huwa storja. Tarcy Saydon, bħall-Kummissarju Montalbano, jeżisti għax sar kliem. Jiġifieri sar storja. Sar realtà.

Silta mid-diskors tal-President Myriam Spiteri Debono dwar ir-rumanzi ta’ Pawlu Xuereb

Tarcy Saydon isir realtà għax il-lingwa letterarja ta’ Pawlu Xuereb hija kredibbli. Ir-rumanzi tiegħu miktuba tajjeb. Ħa nħares malajr lejn it-tielet rumanz fit-triloġija, Qtil f’San Pawl il-Baħar (1967) li jibda bis-Suprintendent qed jaqra l-gazzetta u jagħtina ritratt ħafif ta’ dak li kien qed jiġri f’Malta u fid-dinja, indikazzjoni mill-ewwel li hu interessat fl-aħbar, fid-dokumentazzjoni tal-ġrajjiet. Imma fil-qofol tiegħu, ir-rumanz jiffoka għalkollox fuq il-każ tal-qtil li l-investigatur irid isolvi u ma jagħtina xejn iżjed minn hekk. Lill-bniedem li qed jinvestiga, Tarcy Saydon, ftit li xejn insiru nafuh. Donnu m’għandux ħajja privata. Xi ħaġa żgħira nafu, imma r-rumanz huwa ddominat għalkollox mill-qtil tal-mara Ingliża li tinstab f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Insiru nafu saħansitra inqas dwar il-ħajja u l-personalità tal-ajjutanti tiegħu, li għajr għar-rwol tagħhom fil-korp tal-pulizija u fl-investigazzjoni, bilkemm nafu x’jisimhom u ftit li xejn jingħarfu minn xulxin. Ma jinqala’ ebda intopp bejn l-assistenti ta’ Saydon. Kollox jimxi ħarir bejniethom u xejn donnu ma jtellef, jew jista’ jtellef, lil Saydon mill-mixja determinata u bla ħniena tiegħu lejn is-soluzzjoni tal-każ. Hemm element ta’ psikoloġija fix-xogħol investigattiv tal-ispettur, imma hemm ukoll element ta’ intuwizzjoni. 

Tarcy Saydon huwa bniedem awster, pjuttost ta’ ftit kliem, u r-rumanz huwa awster ukoll: jiffoka biss fuq il-fatti tal-każ. Hemm mumenti meta tkun tixtieq li n-narrazzjoni tgħidlek iżjed dwar l-investigatur u ħajtu, dwar il-kuntest soċjali li fih iseħħu l-ġrajjiet tar-rakkont. Tkun tixtieq issir taf iżjed dwar il-kuntrabandu tad-droga f’Malta fl-aħħar tas-snin sittin, iż-żmien li fih jidher li hu ambjentat ir-rakkont, u dwar ir-relazzjoni bejn il-Maltin u l-barranin f’Malta li kisbet l-Indipendenza tliet snin qabel.

Kollox jimxi b’mod kronoloġiku. La għandna spustament tar-rakkont fl-imgħoddi u lanqas antiċipazzjoni ta’ dak li ser jiġri. Il-plott jibda bl-involviment dirett, fuq il-post, tal-ispettur wara s-sejba tal-katavru u jispiċċa meta Tarcy iħoll il-kobba kollha bl-għajnuna tal-informazzjoni li jiġbor mill-Italja u mill-Ingilterra. Kollox iseħħ fuq medda ta’ jumejn. Minkejja li mhumiex żviluppati fin-narrazzjoni, hemm xi osservazzjonijiet storiċi interessanti, bħar-realtà tal-kokaina. Hemm l-idea li Malta qed tfur bit-Taljani u l-Isqallin, li jżuruha jew jgħixu fiha ħafna Ingliżi, u li l-kuntrabandu huwa fenomenu importanti. Hemm riferimenti għas-sess barra miż-żwieġ imma l-lingwa hija awstera u nassumi li timxi man-normi soċjali taż-żmien li fih inkiteb ir-rumanz. Barra minn hekk, wieħed mill-protagonisti huwa Malti Lixandrin u lili jfakkarni fl-ewwel ditektiv letterarju Malti, Bendu Muskat (ta’ Ivo Muscat Azzopardi) li twieled l-Eġittu. Hemm Maltin tal-Eġittu f’Leli ta’ Ħaż-Żgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer, u hemmhekk ukoll, dawn il-Maltin “ta’ barra” mhumiex ippreżentati f’dawl pożittiv.

Qtil f’San Pawl il-Baħar jinqeda ħafna bid-djalogu u jidher li l-awtur għandu ħakma tajba tat-tip ta’ lingwa li aktarx issib fi djalogu u t-tensjonijiet li jinħolqu. Xuereb huwa konxju li jista’ jinqeda b’tonijiet differenti, iżda ħafna drabi n-narratur imexxi lill-qarrejja fl-interpretazzjoni tat-ton. Hemm mument wieħed meta r-rakkont jgħaddi kumment ironiku pjuttost leġġer dwar il-fatt li dak li qed jirrakkonta mhuwiex parti minn storja tad-“ditektivs.” Sabiħa din l-awtoreferenzjalità għax turini li l-awtur għandu ħakma tal-ġeneru ġdid li qed joħloq u kapaċi jilgħab bih.

Pubblikazzjoni tal-SKS (2026)

Kelma tal-Aħħar

F’termini storiċi, dawn l-istejjer ta’ Pawlu Xuereb mhumiex “veri.” Mhumiex ġrajjiet li seħħu tassew. M’intix se ssib it-twelid ta’ Tarcy Saydon irreġistrat fl-Insinwa. Mhux se ssib ismu fost l-impjegati tal-Korp tal-Pulizija. Imma l-figura tiegħu hija memorabbli. Tista’ tgħid li hi reali daqs ir-realtà nfisha. Daqs il-bokkin tiegħu. Kieku m’aħniex daqshekk xħaħ mal-kittieba tagħna u mal-letteratura li joħolqu, kieku kulħadd jaf bih. Kieku Tarcy Saydon huwa karattru prominenti fl-immaġinarju kollettiv tagħna. U bħalu Bendu Muskat ta’ Ivo Muscat Azzopardi, Victor Gallo ta’ Mark Camilleri, u Castillo ta’ Clare Azzopardi u K. Penza. Imma dik storja oħra. Illum il-parti tagħna qed nagħmluha: Tarcy Saydon jinsab fuq il-kaxxa sabiħa li ddisinja Pierre Portelli, fit-tliet rumanzi stampati mill-ġdid, u fl-istudju li kiteb Wayne Camilleri għat-teżi tiegħu biex kiseb il-Baċellerat fil-Malti. Kollox bil-ħila ta’ Joe Borg u l-SKS u bl-għajnuna tas-Sinjura Edwige Xuereb li laqgħetna wkoll f’darha. Illum, wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-edizzjoni sabiħa tat-triloġija ta’ rumanzi, wara li ħadd ħlief il-President tar-Repubblika stiednet lid-ditektiv ġewwa darha, nistgħu ngħidu li fl-aħħar ilqajna lil Tarcy Saydon fostna. Imma attenti: għax kif iwissi l-ispettur lis-surġent is-suprintendent Tarcy Saydon “good boy kemm tridu imma fuq xogħlu jaqlagħlek fwiedek” (Tfajla 9). Ma jħobbx jillapazza. U lanqas jittratieni. Għalhekk, se nieqaf hawn.


Leave a comment