Concetta Brincat f’Il-Verdett tal-Istoriċi

Fid-29 ta’ Diċembru 2025 fuq Radju Malta xxandar episodju tas-sensiela Il-Verdett tal-Istoriċi li fih il-Prof. Adrian Grima mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta tkellem mal-preżentatur, Dr Sergio Grech, fuq l-ewwel rumanziera Maltija, Concetta Brincat, li f’Ottubru l-Klabb Kotba Maltin ippubblika r-rumanz tagħha tal-1919, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk, editjat mill-Prof. Grima.

“Il-Verdett tal-Istoriċi” fuq Concetta Brincat – 29.12.2025 (Radju Malta)

Il-programm iffoka fuq “is-sejba” taż-żewġ rumanzi mhux ippubblikati ta’ Concetta Brincat u r-riċerka storika li saret fuq medda ta’ tlettax-il sena biex stajna nifhmu aħjar min hi l-awtriċi ta’ dawn ir-rumanzi u għaliex kellhom jistennew iktar minn mitt sena biex joħorġu bħala kotba. Ħafna mix-xogħol li għamel il-Prof. Grima kien fuq il-bijografija tal-awtriċi, għax waqt li l-familja, speċjalment bint Concetta Emma, żammet ċerti dettalji, l-informazzjoni mhux dejjem kienet konsistenti għax qed nitkellmu fuq persuna li twieldet fl-1870. Il-pitazzi bir-rumanzi waslu għandna permezz ta’ Nicholas Bonello, ir-raġel ta’ Desdemona (jew Daisy) Bonello, bint Emma u n-neputija ta’ Concetta li wiegħed lil martu qabel li kien se jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tar-rumanzi.

Waħda min-noti tal-familja li waslet għand Grima kienet tgħid li Concetta twieldet Marsilja, meta fil-fatt twieldet il-Laqxija, Birkirkara, fejn kienet tgħix il-familja tagħha. Il-konnessjoni ma’ Marsilja għadha mhix ċara, għaliex waqt li t-twelid tagħha huwa rreġistrat fl-insinwa u l-magħmudija fl-arkivji tal-parroċċa ta’ Santa Liena, il-fatt li tissemma Marsilja b’ċerta prominenza jista’ jfisser li hemm xi tip ta’ rabta ma’ Concetta. Nafu żgur li iben wieħed minn ħutha s-subien, Spiridione, Marcel, sar ċittadin Franċiż u mar jgħix Franza. Jista’ jkun ukoll li min-naħa ta’ ommha kien hemm qraba li minn Konstantina marru jgħixu Franza u għal xi żmien żammew kuntatt mal-familja ta’ Concetta. Mill-bqija, mid-dokumenti fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Santu Spirtu, fir-Rabat, Malta, għadha ma ħarġet ebda indikazzjoni ta’ vjaġġ ta’ Concetta Brincat lejn Marsilja.

Eżempju tas-Certificat d’études primaires

Waqt il-programm, il-Prof. Grima tkellem dwar ir-rwol fundamentali li kellu fir-riċerka tiegħu dwar il-ħajja bikrija ta’ Concetta Brincat, xebba Sciberras, l-arkivju online tat-twelidijiet, taż-żwiġijiet u tal-imwiet fil-kolonji ta’ żmien l-Imperu Franċiż. F’dan is-sens kienet għażla verament f’waqtha li fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 għażel li jibda jfittex proprju fl-arkivju tal-Alġerija. Minbarra Carmen Baxter, bint Daisy u Nick Bonello, li għenet ħafna biex ikompli x-xogħol wara l-mewt ta’ missierha Nick, il-Prof. Grima tkellem ukoll dwar is-sehem importanti li kellhom l-aħwa Yvonne u Ray Cassar, proneputijiet ta’ Concetta Brincat. li wara li semgħuh jitkellem online fuq il-kitba tal-bużnannithom waqt konferenza internazzjonali organizzata bi sħab bejn l-uffiċċju tal-President tar-Repubblika u l-ambaxxata Franċiża f’Malta kkuntattjawh biex jgħidulu li kellhom is-Certificat d’études primaires ta’ Concetta Sciberras maħruġ fl-1884, mument importanti ħafna fl-istorja ta’ din ir-riċerka.


Leave a comment