Taħdita dwar “Il-kuntest soċjolingwistiku fl-Alġerija” u “Testi letterarji Alġerini dwar Malta” mill-Prof. Ibtissem Chachou.
Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta stieden lill-Prof. Ibtissem Chachou mill-Università ta’ Mostaganem fl-Alġerija, awtriċi ta’ bosta kotba akkademiċi, biex tagħmel taħdita dwar is-soċjolingwistika fl-Alġerija u dwar ir-riferimenti għal Malta fil-letteratura popolari u l-kultura orali Alġerina.



It-taħdita saret it-Tlieta 16 ta’ Diċembru 2025 u għaliha kienu preżenti l-istudenti tat-tieni sena tal-Baċellerat fil-Malti u numru ta’ letturi mid-Dipartiment. Il-Prof. Adrian Grima introduċa lill-kelliema u flimkien mal-Prof. George Farrugia mexxa d-diskussjoni li saret wara t-taħdita tagħha.
Is-sitwazzjoni lingwistika fl-Alġerija hija kumplessa ħafna. Filwaqt li l-ilsna l-iktar mitkellma huma l-Għarbi Algerin u varjetajiet tat-Tamazight (il-“Berberu”), fosthom il-Kabyle, ix-Shawiya u l-Mozabite, hemm ukoll l-Għarbi klassiku li t-tfal jitgħallmuh prattikament bħala lsien barrani fl-iskola, il-Franċiż, u l-Ingliż. Waqt li hemm elementi tal-Franċiż integrati sew fl-Għarbi Alġerin, fi kliem bħal “tabla” (minn “table” bil-Franċiż), dieħel għadd ta’ kliem mill-Ingliż, imma għadu mhux integrat fil-morfoloġija tal-lingwa Għarbija li jitkellemu l-Alġerini fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk kelma bħal “cute,” mnflok il-verżjoni bil-Franċiż “mignon,” titqies bħala eżempju ta’ kliem “missellef” mill-Ingliż, jew “emprunts.”
Waqt li l-ilsien ta’ prestiġju għal ħafna żmien kien il-Franċiż, u aktarx għadu hekk għal ħafna xjuħ u kbar, fost iż-żgħażagħ daħal sew l-Ingliż u anki ħa post il-Franċiż. Din it-tranżiżżjoni ħassejtha sew l-aħħar darba li żort l-Alġerija. Naturalment hemm raġunijiet politiċi għat-tbegħid tal-Alġerini mill-ilsien Franċiż, il-lingwa imposta mill-kolonizzaturi fi żmien il-kolonizzazzjoni Franċiża.
Ibtissem Chachou, li isimha jfisser “tbissima,” hija l-awtriċi ta’ La situation sociolinguistique de l’Algérie” (L’Harmattan, 2013), “Sociolinguistique du Maghreb” (Hibr, 2018), “Introduction à l’histoire des langues en Algérie” (Hibr éditions, 2023) u editriċi ta’ “Pour un plurilinguisme algérien intégré” (Riveneuve 2016), “Langues et dynamiques urbaines au “Maghreb (Hibr, 2020), u “Les discours des mouvements contestataires à l’ère des RSN” (2025).
Adrian Grima

