Din il-ġimgħa l-programm Ġganti Letterarji ħares lejn il-kontribut tal-Professur Ġużè Aquilina. Il-mistiedna ta’ Dr Sergio Grech kienu Dwayne Ellul, il-Professur George Farrugia, u l-Professur Adrian Grima, li tkellem fuq l-għażla tal-Prof. Aquilina bħala l-ewwel professur tal-Malti fl-Università fl-1937 wara s-sehem ta’ Mikiel Anton Vassalli fl-1825.
https://tvmi.mt/episode/159994

Aquilina studja l-ilsna Semitiċi fid-Dipartiment tal-Istudji Orjentali u Afrikani fl-Università ta’ Londra (SOAS). Kiseb id-dottorat fl-1940 b’teżi dwar The Structure of Maltese. Meta mar lura Malta beda jgħallem il-Malti fl-Università ta’ Malta. It-teżijiet fuq il-Malti fil-livell tal-Baċellerat bdew jinkitbu fil-bidu tas-snin sittin tas-seklu għoxrin.
Wara li nħatar Kap tad-Dipartiment tal-Malti u l-Ilsna Orjentali, Aquilina ma heda qatt bl-inizjattivi favur l-istudju tal-Malti u f’ħafna ċentri kulturali barra minn Malta, l-aktar fl-universitajiet ta’ Sorbonne u ta’ Leeds fejn kien mitqies bħala awtorità fl-istudji tal-Malti. Fuq il-proposta tal-istoriku Fernand Braudel, Aquilina nħatar President tal-Association D’Ètude des Civilisations Mèditerranèennes fl-1972, kariga li okkupa għal għaxar snin.
