Diskors waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti taċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Diċembru 2025, f’Sala Francis Ebejer, L-Università ta’ Malta
Għażiż Prorettur Prof. Joseph Cacciottolo, għeżież kollegi, għeżież qarrejja tal-provi ġodda u friski, għeżież qraba u ħbieb,
F’isem id-Dipartiment tal-Malti nixtieq nifraħ lil dawk kollha li llejla rċevew dan iċ-Ċertifikat, li għaddew minn għarbiel fin, anzi, minn sensiela ta’ għeriebel, wieħed aktar fin mill-ieħor. Aħna kburin ħafna bix-xogħol li qed jagħmlu l-kollegi tagħna li jgħallmu f’dan il-kors eċċellenti u kburin bil-kisbiet tagħkom bħala qarrejja bir-reqqa tal-kitba bil-Malti. Tant hu hekk li sikwit insemmukom fid-diskussjonijiet tagħna fid-Dipartiment; fil-laqgħat mar-Rettur, il-Proretturi, u kollegi f’uffiċċji differenti fi ħdan l-Università; mal-entitajiet pubbliċi u privati li sikwit ikollna x’naqsmu magħhom u noffrulhom is-servizzi tagħna; u anki, kif aktarx tafu, meta jistednuna fuq il-mezzi tax-xandir.
Insemmukom għax għalina d-dedikazzjoni tagħkom għall-Malti, l-impenn tagħkom wara x-xogħol, ġieli snin wara li tkunu waqaftu tistudjaw, huwa eżempju għalina lkoll u għal dawk li se jagħmlu l-kors warajkom. Intom xempju tal-valuri li nemmnu fihom u nippruvaw inwettqu kemm bħala Dipartiment u kemm bħala Università nazzjonali li għandha missjoni nazzjonali li trid tindokra l-ilsien nazzjonali u tkattar l-għarfien xjentifiku tiegħu. U iktar ma tersqu lejn l-istudju tal-Malti minn dixxiplini, minn oqsma tal-ħajja differenti, iktar nieħdu gost bikom, għax anki aħna, bħala Dipartiment, nitgħallmu mill-għarfien u l-esperjenzi umani u professjonali tagħkom biex inkomplu nfasslu s-sehem tagħna fil-komunità nazzjonali u internazzjonali tal-preżent u tal-futur.
Għalkemm meta nirreferi għalikom bħala grupp, naf sew li ġejjin minn realtajiet differenti, għax ilkoll kemm aħna għandna l-istorja individwali u unika tagħna. B’ebda mod ma nixtieq nissuġġerixxi, jew nimplika, li narakom bħala korp wieħed, bħala l-prodotti tal-istess forma għax għamiltu l-istess kors ta’ studji. Għall-kuntrarju, l-istorja tagħkom hija storja ta’ individwalità rikka, ta’ persuni li timirħu f’toroq u mogħdijiet differenti imma li għażiltu li tiltaqgħu lkoll fil-pjazza l-kbira, mimlija attività kontinwa, tal-istudju tal-Malti. Mhux biss tal-istudju tal-Malti, imma saħansitra tal-istudju tal-ortografija tal-Malti.
Timmaġinaha pjazza ċkejkna din tal-istudju tal-ortografija. Forsi anki sqaq li jagħlaq. L-isqaq tal-għajn u l-isqaq tal-hakka. L-isqaq tal-ie li fil-kompetizzjoni ħarxa bejn l-aċċenti tixpakka. Imma intom tafu daqsi u aktar minni, għax għażiltu li timirħu u tiskavaw, li l-ortografija hija l-istorja qadima u ħajja ta’ lsienna fi proċess kontinwu, bla nifs, ta’ evoluzzjoni. L-ortografija hija pjazza kbira li hemm ħafna toroq jagħtu għaliha u joħorġu minnha: il-ħsejjes tal-kliem (jew il-fonetika u l-fonoloġija); il-binja tal-kliem (jew il-morfoloġija); l-istorja ta’ min fejn ġie l-kliem, jew kif inħoloq mill-mudelli jew mit-tifrik jew il-fdalijiet ta’ kliem ieħor (l-etimoloġija); l-espressjonijiet f’ħalq in-nies li ilhom ġejjin ġieli sekli sħaħ, jew għadhom kemm inħolqu fuq il-post tax-xogħol, jew fil-ground, jew fil-każini, u l-barijiet, jew għand il-hairdresser (l-idjomi u l-qwiel); il-pawsi strateġiċi bejn il-kelmiet u l-espressjonijiet li jfissru ħsibijiet u emozzjonijiet differenti (jew il-punteġġjatura). Minuta: punteġġatura jew punteġġjatura? Din varjanti fonetika, Prof. George Farrugia? Varjanti morfoloġika? Jew varjanti etimoloġika?
Fil-Malti għandna ħafna varjanti. Għandna ħafna varjazzjonijiet. Għandna ħafna varjetà. Varjanti, varjazzjoni, varjetà. Evviva l-varjetà. Min jaħseb li l-istudju tal-ortografija sqaq magħluq bilfors qatt ma daħal fi sqaq. U żgur qatt ma daħal b’ruħu ġismu, kif għamiltu intom, fit-toroq imserrpin tal-ortografija.
Fuq medda ta’ sena, intom stħarriġtu, bil-passjoni tal-letturi u tagħkom, il-pjazza kbira, mimlija bin-nies u t-traffiku, tal-ilsien Malti. Qgħadtu timirħu fit-toroq u l-mogħdijiet li jagħtu għal din il-pjazza mimlija sillabi, aċċenti u ġenn, toroq li jibdew minn dik il-pjazza u jeħduna lejn kullimkien, fil-mogħdijiet u l-meded ta’ Seħer il-Malti. Għax Ħanina dinja, l-ilsien Malti huwa storja sħiħa li meta tibda tirrakkontaha tinduna li qbadt kobba li m’inti qatt se tasal fit-tarf tagħha.
Kburin bikom għax intom xempju ta’ dak li jrid ikun id-Dipartiment tal-Malti llum, fl-għoxrin sena li ġejjin. Dipartiment li jgħallem u jitgħallem, jitkellem u jisma’. Dipartiment li jfassal u jitfassal mil-lingwa fil-ħajja ta’ kuljum, kull fejn tkun, mil-letteratura, kull fejn tidher, kull fejn tinstema’, jitfassal minn kultura orali li għandha storja ta’ elf sena u fuqhom, mhux ċajt, u li biha aħna mhux biss Maltin aħjar imma bnedmin aħjar, ċittadini ta’ dinja iktar rikka, iktar miftuħa, iktar umana. Ilsien Malti għall-kulturi kollha li jilqgħuh f’dan il-pajjiż u lil hinn, ħanina dinja. Kemm hi sabiħa din l-espressjoni. Ħanina dinja.
Kburin bikom u b’dak li tgħaddu u dak li tgħallmu lil ħaddieħor fid-djar tagħkom, fost il-ħbieb, fuq il-post tax-xogħol. U għalhekk ukoll aħna ħerqanin li nkomplu nrawmu kultura ta’ Malti mhux biss korrett imma mirqum, Malti li titpaxxa meta tisimgħu u iktar u iktar meta tużah, Malti li jkellem lill-moħħ u l-qalb, Malti li jimraħ dejjem f’mergħat ġodda, li ma jirrispetta ebda fruntiera, ebda konfini; Malti li jsellem lill-kelliema u l-kittieba li għad iridu jitwieldu u jgawdu minn dan il-kapriċċ kbir ta’ poplu ċkejken. Ħerqanin li nagħmlu dan il-pass li jmiss biex bl-istudju, bil-passjoni, bir-reqqa tagħna, inrawmu u nxerrdu Malti dejjem aktar mirqum.
Għeżież qarrejja tal-provi, kollegi u ħbieb, aħna qegħdin hawn illum għax il-kollegi tiegħi George Farrugia u Thomas Pace organizzaw din il-lejla ta’ ċelebrazzjoni. Imma qegħdin hawn, qabelxejn, għax isaħħarna l-Malti, għax waqt li niktbuh u nitkellmuh, ikellimna. U jkellimna wkoll bħala studenti tiegħu, bħala studjużi. Qegħdin hawn għax kien hemm bniedem li l-Malti fetħu beraħ quddiemna, saħħarna bih, bl-għarfien kbir li għandu tiegħu, bil-passjoni bla qies li għandu għalih. Saħħarna bil-mod kif ifissru u jispjegah, bil-mod kif biċċa biċċa jżarmah u mbagħad, quddiem għajnejna stess, jerġa’ jarmah. U tiskanta, jibda jġib il-biċċiet minn kullimkien, biċċiet fil-Malti li aktarx nużawhom il-ħin kollu imma lanqas konna nobsru li jinsabu fih. Imma dan il-bniedem, dan il-kirurgu tal-Malti, dan is-saħħar tal-kliem, ġabulna quddiemna biex niskopruh aħna wkoll.
M’għandix dubju li fhimtu għal min qed ngħid. Għax anki intom għandkom, xi mkien ġo fikom il-virus tal-Malti, dik l-infezzjoni li ma ssibx irkaptu tagħha imma li aktarx tafu minn fejn ġiet. Jiena tteħidt għax isaħħarni l-Malti, imma tteħidt qabelxejn għax saħħarni Manwel Mifsud. Imma dik storja oħra.
Għeżież qarrejja tal-provi ġodda u friski, mill-ġdid nifirħilkom u nawguralkom ħidma sfiqa b’risq il-Malti, nawguralkom li tibqgħu msaħħrin bih u ssaħħru lil kull min imiss bil-kelma magħkom.
Il-lejla t-tajba lil kulħadd.
Adrian Grima, Kap tad-Dipartiment tal-Malti | Il-5 ta’ Diċembru 2025