Il-kultura “Maltija” tal-ikel f’rumanz tal-1919

Diskors tal-għeluq tal-konferenza “Togħma u Traduzzjoni | Translating Europe Workshop” tas-Sibt 6 ta’ Diċembru 2025 imtellgħa mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea madwar l-UE, bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment għall-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta.  

Ritratt waqt id-diskors tal-għeluq meħud minn Elisa von Brockdorff fl-Aula Magna tal-Valletta Campus

F’Ottubru ta’ din is-sena, 2025, bħala Dipartiment tal-Malti organizzajna konferenza interdixxiplinarja li fiha nidejna r-rumanz ta’ Concetta Brincat tal-1919, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk, l-ewwel rumanz bil-Malti li nafu bih miktub minn mara. Dan huwa rakkont twil fuq ir-Rivoluzzjoni Franċiża ambjentat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, f’Pariġi tal-aħħar snin tas-seklu tmintax, imma fih ir-rumanziera, forsi mingħajr ma tirrealizza, tispiċċa tirrakkonta aspetti tal-ħajja tan-nies komuni f’Malta tal-bidu tas-seklu għoxrin li għexet fiha hi. Il-ħaddiema tal-id, in-nisa tad-dar, u l-familji tagħhom, kontinwament jitħabtu mal-piż tal-kera, mat-tbatija fiżika u psikoloġika tal-ħajja fuq il-lant tax-xogħol, mal-mard u t-traġedji li jġib miegħu, u mal-prepotenza jew l-indifferenza tal-klassi għanja u pprivileġġjata. 

Ħobża Misruqa

Ir-rumanz sikwit jitkellem fuq l-ikel, fuq dak li jieklu l-protagonisti, li naturalment jirrifletti l-istat u l-mezzi tagħhom, u fuq il-mument li fih ikunu qed jieklu, mument li ħafna drabi jirrifletti l-ferħ, l-inkwiet u l-ansjetà tagħhom. Naħseb li fejn jidħol dan l-aspett tal-ikel, l-isbaħ mumenti ta’ komunjoni fir-rumanz jiġu meta n-nies komuni jiltaqgħu biex jieklu jew jixorbu flimkien, jew anki meta jilqgħu lill-klassi pprivileġġjata f’darhom. Għalhekk Il-Familja de Valereux jista’ jinqara wkoll, imqar b’mod parzjali, bħala sensiela ta’ inkontri madwar ix-xorb u l-ikel, bit-taqlib, l-inkwiet u l-ferħ li ħafna drabi jkun hemm fl-isfond tagħhom. Waqt l-ikel il-karattri jitħaddtu, jiċċelebraw, jinkwetaw, u jistennew li jaslulhom aħbarijiet dwar l-għeżież tagħhom, u f’dan is-sens l-ikel jinżillhom għasel jew velenu – għalkemm dan ir-rumanz qatt ma jiddeskrivi l-ikel bħala velenu u qatt ma jintuża bħala mezz ta’ tradiment. L-iktar l-iktar il-karattri jagħżlu li ma jiklux għax iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tant ikunu qegħdin ikidduhom li l-istonku tagħhom jingħalaq. F’dawn il-mumenti, iċ-ċaħda tal-ikel hija kważi ċaħda tal-ħajja.

Tant hemm rabta importanti bejn l-ikel, in-nies komuni li jaqilgħuha u jikluha, u l-ġrajjiet tar-rumanz li l-inċident li minnu jibda kollox, irrakkontat fit-tieni kapitlu tal-ewwel taqsima, “Il-Fqajjar Pietru,” għandu x’jaqsam ma’ missier iddisprat ta’ familja bil-ġuħ li jisraq ħobża  biex jitma’ lill-familja tiegħu għax il-furnar ma riedx jagħtihielu bid-dejn. Hu u jipprova jaħrab mill-qilla tal-furnar, il-missier jaqa’ u jweġġa’ imma b’xorti tajba għalih, jinzerta jkun għaddej il-Baruni Eduard de Valereux li jħenn għalih u minn hemm tibda relazzjoni ta’ fiduċja u ħbiberija bejn Pietru, Henri u l-familji tagħhom li tinfirex matul ir-rumanz kollu. Fil-ħobża li “tiżen sittax-il sold” (Brincat 26) li minħabba fiha jiltaqgħu żewġ familji protagonisti tar-rumanz hemm konnotazzjonijiet reliġjużi li diffiċli tinjorahom, għax dan huwa rumanz li jwassal fidi u valuri Kattoliċi u dak li jwettaq il-Baruni Eduard huwa att ta’ karità Nisranija. 

Stanjata bil-kafè u biċċa ħobż mixwija bil-butir

F’dan id-diskors qasir nixtieq nirreferi għal żewġ episodji sempliċi imma sinifikattivi fir-rumanz li fihom il-protagonisti huma n-nies komuni u fqar u s-solidarjetà ta’ bejniethom. Waħda mill-isbaħ xeni ta’ ikel flimkien isseħħ meta n-Nanna Marì żżur lil Katarin (1, VIII, “In-Nanna Marì u Katarin”) u tiekol magħha u ma’ wliedha. Wara t-tislimiet tal-bidu bil-kliem jibda x-xorb u l-ikel, “il-post” iktar intima fejn jiltaqgħu tassew dawn iż-żewġ nisa u bħallikieku jissiġillaw il-kompliċità li hemm bejniethom: “Sakemm qagħdu jitħaddtu Katarin poġġiet stanjata fuq in-nar u ferrgħet il-kafè lin-nanna Marì u biċċa ħobż mixwija bil-butir.” Huma u jitkellmu, Katarin “daqqa tagħmel borma fuq in-nar, daqqa tqatta’ l-ħaxix, daqqa tiġi toqgħod bilqiegħda ħada x-xwejħa b’ħafna patata fil-fardal, titħaddet u tqaxxar il-patata għall-istuffat” (82). Il-vuċi narrattiva, b’Katarin bħala l-fokalizzatriċi, tinsisti li “Hekk ma titlef l-ebda minuta żmien.”

Waqt il-konferenza Togħma u Traduzzjoni

Għaldaqstant, id-diskors ta’ bejniethom jibda bil-kliem u jkompli bix-xorb u l-ikel, u b’hekk ir-relazzjoni “ssir ġisem,” espressjoni u fl-istess ħin matmura tar-relazzjoni ta’ fiduċja u mħabba li tissawwar bejniethom u għandha funzjoni importanti fl-ekonomija morali tad-dinja li jsawru. Il-kċina, il-mejda tal-ikel isiru l-ispazju pprivileġġjat ta’ medjazzjoni bejniethom, spazju kenni u protett li fih jistgħu jikxfu l-ġisem fiżiku u emottiv tagħhom quddiem xulxin. Huma u jisimgħu lil xulxin u jitkellmu, Katarin tkompli tħejji l-ikel, att ta’ intimità u fiduċja fl-istess ħin li jikkonferma l-kompliċità ta’ bejniethom u jwassal biex imbagħad jieklu flimkien.

Biex ikebbsu n-nar

Ix-xena l-oħra li nixtieq insemmi sseħħ eżatt qabel din li għadni kemm irreferejt għaliha, fil-kapitlu ta’ qabel, u hija marbuta sfiq magħha. Mastru Lippin, in-neputi tan-Nanna Marì, iben oħtha Madalena Bertaud, joffri impjieg lil Pietru, ir-raġel ta’ Katarin. Meta jiltaqgħu għall-ewwel ġurnata tax-xogħol ta’ Pietru fil-maħżen tal-imgħallem (1, VII, “Mastru Lippin”), Mastru Lippin jitolbu jsajjar għalihom it-tnejn biex imbagħad jieklu flimkien: 

“U jekk inti titma f’Alla, tibżax, Alla jgħinek. Imma ħabib, wara dil-parlata kollha l-ħin għaddej ġmielu. Tridx naħsbu xi ħaġa għall-ikel? L-ewwel, Piet, saqsejtek jekk tafx issajjar u għidtli iva. Mela saru l-ħdax u nofs. Kif inhu għaddej tal-ħut ħalli nixtri xi ftit u sa nofsinhar tilħaq issajru.”

Mastru Lippin ħareġ u wara xi ħames minuti ġie bi platt ħut.

“Ħa, Piet. Kif ma għandekx x’tagħmel, agħmel ftit soppa u l-ieħor aqlih. Fil-kċina għandek issib kollox, żejt, basal, dqiq, borma, taġen, kollox. Jiena sejjer fuq il-ħaddiema. Qabel in-nofsiegħa ma niġix. Sejjer. Saħħa, Piet.”

Kif jitlaq l-imgħallem, “Pietru daħal ġewwa, kebbes in-nar, naddaf il-ħut,” u jhewden fuq “kemm hu tifel tajjeb dan Mastru Lippin, kemm hu sinċier. Għadu lanqas jafni rrakkontali l-istorja tiegħu kollha” (76). Bħal fil-każ ta’ Katarin u n-Nanna Marì, ir-relazzjoni tibda bil-karattri jiftħu qalbhom ma’ xulxin bil-kliem u mbagħad jieklu flimkien, konferma fiżika tal-għaqda spiritwali ta’ bejniethom. Il-vuċi narrattiva tinsisti fuq ir-rabta intima bejn dawn iż-żewġ xeni bejn in-nisa u bejn l-irġiel. 

Meta Pietru jmur lura d-dar wara li kiel ma’ Mastru Lippin u Katarin u wliedha kieku man-Nanna Marì, il-miżżewġin jirreferu b’ferħ u sodisfazzjon għall-“parlati” li kellhom it-tnejn li huma u mbagħad iħejju ruħhom biex issa jieklu flimkien. Katarin tgħidlu li lestiet “Ftit brodu billi għadna debboli u qlejt biċċa laħam u erba’ patatiet.” “Pietru jweġibha li “Kollox sew, Katarin. Imbasta narak kontenta.” u l-kapitlu jintemm bil-kumment konklużiv tal-vuċi narrattiva: “Inħallu għalissa dawn in-nies onesti u ta’ qalb safja jiċċenaw kontenti ma’ wliedhom u mmorru ftit sal-Palazz ta’ Valereux” (95). F’dan ir-rumanz morali, l-ikla bnina u fil-paċi hija l-grazzja li jaqilgħu dawn il-karattri minħabba l-onestà u l-qalb safja tagħhom.

L-ikel u differenzi ta’ klassi

Dawn iż-żewġ xeni minsuġin flimkien jagħtuna ħjiel tal-mod kif joħorġu l-karattri tal-personaġġi permezz tal-ħin sagru tal-ikel li jaqsmu flimkien. Imma r-rumanz jinsisti wkoll fuq il-prassi li n-nobbli ma jiklux man-nies komuni minħabba d-“differenzi ta’ klassi” (Brincat 481) li jissemmew kemm-il darba fir-rumanz, bħal f’Kap 2, XXV, meta Eduard de Valereux jinsisti ma’ Krispin li għandu jiekol magħhom. “Għaliex, Krispin, ir-razzett mhux flimkien konna nieklu? Bħalissa ma hemmx differenzi ta’ klassi.” Din l-insistenza tikkonferma r-regola li l-klassijiet ma jitħalltux fejn jidħol l-ikel. Il-fatt li n-nobbli twajba protagonisti tar-rumanz jinsistu li f’ċerti ċirkostanzi n-nies komuni jieklu magħhom, mal-istess mejda, juri l-qalb tajba tagħhom għax il-ħin tal-ikel huwa mument importanti li bħallikieku jġib lill-membri tas-soċjetà kollha l-istess ladarba kulħadd irid jiekol. Il-fatt li n-nobbli jaqsmu l-privileġġ ta’ dan il-mument kważi sagru mal-qaddejja u l-ħbieb tagħhom minn fost il-popolin huwa sinjal lill-qarrejja li ma jistħoqqilhomx jiġbdu lejhom il-mibegħda u l-kefrija tar-rivoluzzjonarji. Imma twajba kemm huma twajba, l-argument tan-nobbli protagonisti tar-rumanz mhuwiex li dawn id-distinzjonijiet bejn il-klassijiet għandhom jinqatgħu imma li jiġu mumenti, eċċezzjonijiet, ngħidu aħna “bħalissa,” mhux il-waqt li jinsistu fuq dawn id-differenzi.

Id-diskors dwar l-ikel f’dan l-ewwel rumanz ta’ Concetta Brincat jeħtieġ diskussjoni ferm itwal, iżda hawnhekk ridt nagħti ħjiel ta’ kif xogħol li għandu l-għamla ta’ rumanz tal-faxxiklu kapaċi jesplora u jirrakkonta r-relazzjonijiet umani permezz tal-ikel.

Adrian Grima | Reviżjoni fis-7 ta’ Diċembru 2025 


Leave a comment