Il-Ħamis 27 ta’ Novembru 2025 fis-2.30 pm, fil-programm Radio Mocha Malta fuq Radju Malta, se jkun hemm diskussjoni fuq il-proġett SPELL-MT li permezz tiegħu se jinbena ċekkjatur tal-Malti li jkun disponibbli online. Il-ħsieb hu li l-mudell taċ-ċekkjatur li jinħoloq ikun jista’ jintuża minn kumpaniji li joħolqu l-programmi li niktbu bihom biex jintegraw ċekkjatur tajjeb tal-Malti fis-sistema tagħhom.
Għalhekk fil-programm ta’ Radio Mocha Malta, Dr Danielle Martine Farrugia se titkellem mal-Prof. Claudia Borg mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni (Faculty of ICT – University of Malta), li qed tmexxi dan il-proġett iffinanzjat minn Xjenza Malta, u mal-Prof. Adrian Grima, Kap tad-Dipartiment tal-Malti (Il-Malti fl-UM) li flimkien mal-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa huwa msieħeb fil-proġett.
Dr Danielle M. Farrugia hija uffiċjal għoli fl-uffiċċju tal-Marketing, Alumni u Komunikazzjoni tal-Università ta’ Malta u tgħallem il-komunikazzjoni tax-xjenza fl-Università.
