Ħareġ ir-rumanz Il-Familja de Valereux

Klabb Kotba Maltin għadu kemm ħabbar il-pubblikazzjoni, f’edizzjoni limitata, tar-rumanz ta’ Concetta Brincat tal-1919, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk. L-editur ta’ dan il-ktieb huwa Adrian Grima. Ir-rumanz ġie traskritt mill-pitazzi tal-awtriċi mill-għalliema u riċerkatriċi, Maria Simiana. Il-qari tal-provi sar minn Reno Fenech.

Il-manuskritti ta’ dan ir-rumanz u ta’ Is-Saħħara Nerelis tal-1922 intwerew lil Adrian Grima fl-2012 minn Nicholas Bonello, armel ta’ Desdemona Bonello, bint Emma Diacono, is-seba’ wild ta’ Concetta Brincat.

Il-pittura The Storming of the Bastille li tidher fil-qoxra ta’ din l-ewwel edizzjoni tar-rumanz ta’ Concetta Brincat saret mill-artist Brittaniku Henry Singleton aktarx fl-1790, jiġifieri tista’ tgħid fiż-żmien li seħħet il-ġrajja li tirrakkonta t-tpinġija fl-14 ta’ Lulju 1789.

The Storming of the Bastille ta’ Henry Singleton (c. 1790)

Dan il-ħbit tal-poplu fuq il-fortizza tal-Bastilja jissemma darbtejn fix-xogħol ta’ Concetta Brincat. L-ewwel riferiment għal dan l-episodju sinifikattiv jidher f’p. 15 tal-“Prologu fuq ir-Rivoluzzjoni Franċiża tas-Sena 1789“:

Meta raw li r-re bl-ebda mod ma jrid jikkonċedilhom li talbuh kulħadd irvella, u ġlieda saret bejn it-truppi tar-re u l-poplu. Fl-14 ta’ Lulju l-poplu kollu mar fuq il-fortizza ta’ La Bastille fejn qatlu l-gvernatur de Launay u l-gwardjani tiegħu, u lill-conseiller Flesselles li waħħlu fih li ttradixxa lill-poplu. Allura Pariġi, il-belt imsemmija Dawl tad-dinja, Pariġi mudell tal-eleganza u n-nobbiltà, saret belt tal-biża’ u tal-orrur.

It-tieni riferiment għall-attakk fuq il-ħabs ta’ La Bastille jidher fit-tieni kapitlu tat-tieni taqsima tar-rumanzi bl-isem ta’ “Firda tal-Baruni de Lamarre”:

Jumejn wara din id-diskorsata saret rivoluzzjoni kbira bejn ilpoplu u n-nobbli fl-14 ta’ Lulju li baqgħet tifkira għall-Franċiżi kollha. Il-poplu rvella u mar fuq il-ħabs ta’ La Bastille, qatlu l-Governatur De Launay u l-gwardja tiegħu. Il-poplu baxx kien bħal tigri feroċi mixtiqin mid-demm tan-nobbli u bdew jiġru malbelt ikarkru lin-nobbli li jaqgħu taħt idejhom. Spettaklu l-aktar terribbli beda jidher mal-belt ta’ Pariġi. Bdew jaqtgħu r-rjus talvittimi tagħhom u jwaħħluhom ġol-bajjonetti u jgħajtu: “L-aristokratiċi għall-mewt! In-nobbli rriduhom imdendlin flok fanali!”

L-attakk fuq il-Bastilja jitqies bħala ġrajja kruċjali fl-istorja tar-Rivoluzzjoni Franċiża li wasslet għall-eżekuzzjoni tar-Re Luwiġi XVI fl-1793 li tissemma wkoll fir-rumanz f’Kap VI tat-tieni taqsima, bl-isem ta’ “Il-Kapijiet tar-Rivoluzzjoni”: 

L-imsejkna sovrani stess, ir-Re Luwiġi XVI u r-Reġina Maria Antonietta, ma skappawx minn dan l-infern il-għaliex tliet snin fuq dan ir-rakkont waqgħu mejta fuq il-forka fil-21 ta’ Jannar 1793, rashom maħsuda mill-bojja b’għajb u diżunur tal-Franċiżi. Insomma, il-belt ta’ Pariġi u l-provinċji kollha kienu saru infern. Ħadd ma kien żgur li jara x-xemx tal-għada.

Il-pittura tirrappreżenta l-attakk li sar fuq il-Bastilja, li kienet ilha ħafna snin ħabs magħruf tal-Ancien Regime, mill-perspettiva tar-rivoluzzjonarji. Illum il-pittura tinsab fil-kollezzjoni tal-Musée de la Révolution française (Mużew tar-Rivoluzzjoni Franċiża) f’Vizille.


One thought

  1. Thank you. May family send you their appreciation for the work involved in bringing Concetta to life……Carmen in Gozo

Leave a comment