Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera

L-Erbgħa, 15 ta’ Ottubru 2025, bejn il-17.30 u t-20.30, f’Sala Pietru Pawl Saydon (ALT), fl-Università ta’ Malta, L-Imsida, saret il-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera mtellgħa mid-Dipartiment tal-Malti, bl-għajnuna tal-Klabb Kotba Maltin u Heritage Malta.

Ritratti ta’ Elisa von Brockdorff
Waqt it-taħdita tiegħi bl-isem ta’ “Kostum Magħruf bi Ħjata Ġdida”
Il-kelliema waqt il-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera Mix-xellug: Dr Noel Buttigieg, Sa Annamaria Gatt, Dr Simone Azzopardi, Sa Caroline Tonna, Prof. Adrian Grima, Dr Marilyn Mallia, Sa Maria Simiana, Sa Francesca Xuereb, u Fr Ray Gatt OP.

Servizz mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM

Bi tħejjija għall-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera, Alvin Vassallo ħejja dan is-servizz għall-Aħbarijiet ta’ TVM, l-istazzjon nazzjonali, tal-5 ta’ Ottubru 2025.

Aktar minn 100 sena wara se ssir realtà xewqet Concetta Brincat- li jiġi ppubblikat ir-rumanz tagħha

Kostum Magħruf bi Ħjata Ġdida

(silta)

Fil-manuskritt tar-rumanz Il-Familja de Valereux hemm indikazzjonijiet li Concetta Brincat kitbet dan ix-xogħol biex jaqrawh qarrejja li ma tafhomx, il-pubbliku ġenerali, u mhux biss uliedha jew membri oħrajn tal-familja. Naħseb li kitbitu biex tippubblikah, u dan jidher l-iktar fl-istruttura nfisha: id-Dedika, il-Prologu, il-werrej tal-kapitli, l-Offerta fl-aħħar, u speċjalment fil-ħolqien ta’ isem letterarju, Cornelia Melitesi, ħdejn isimha proprja. Is-sejħa tal-pubblikazzjoni tinħass sew, jidhirli, fil-mod kif il-vuċi narrattiva tindirizza regolarment lill-qarrejja (jew aħjar in-narratarji), bħalma kienu jagħmlu l-awturi tar-rumanz popolari u r-rumanz storiku Romantiku: 

Għalkemm nafu li kienet tieħu pjaċir taqra l-kitbiet tagħha lil uliedha, il-mod pjuttost formali u formulajku li bih tindirizza lill-qarrejja jagħti x’jifhem li kienet qed tikteb bħall-awturi ppubblikati ta’ żmienha. Mill-mod kif tindirizza lill-qarrejja aktarx adulti li kellha quddiem għajnejha, b’indikazzjonijiet dwar x’ġara f’kapitli preċedenti jew fi bnadi oħrajn tar-rumanz, Brincat tagħtina l-impressjoni li qed tindirizza qarrejja li ma tafhomx mill-qrib bil-lingwaġġ tal-kbar. Kieku kitbet dan ir-rumanz biex taqrah biss lil uliedha jew lil ulied uliedha, it-ton tal-indirizz naħseb li kien ikun inqas formulajku, u forsi kien jieħu iktar ix-xeħta ta’ mistoqsijiet bħal, Tiftakru x’għedna fl-aħħar tal-kapitlu li għadna kemm qrajna?

L-argument li nixtieq nagħmel illejla huwa li dan ir-rumanz huwa xogħol oriġinali ta’ Concetta Brincat u mhux traduzzjoni jew addattament ta’ rumanz ta’ ħaddieħor. Provi inkonfutabbli, kif jgħidu, m’għandix. L-argument tiegħi se jistrieħ fuq elementi editorjali, stilistiċi, u bijografiċi, u żbalji fattwali u inkonsistenzi fl-ismijiet. Imma naħseb li ħafna minn dak li se tisimgħu dwar dan ir-rumanz mill-kelliema l-oħrajn se jikkonferma din it-teżi. Madankollu, ma nistax neskludi li għad insibu rumanz ippubblikat qabel l-1919 li jkollu l-istess plott, l-istess karattri, u l-istess tmiem, u jwaqqa’ din it-teżi tiegħi. 

Concetta Brincat kitbet iż-żewġ rumanzi tagħha fi żmien meta awturi bħal Giuseppe Cumbo, Emilio Lombardi u Arturo Dimech kienu qegħdin jippubblikaw rumanzi fil-forma ta’ faxxikli li kienu traduzzjonijiet jew addattamenti għall-Malti ta’ rumanzi popolari miktubin bit-Taljan jew tradotti minn lingwi bħall-Franċiż għat-Taljan. Din kienet il-prassi matul is-seklu dsatax u fil-bidu tas-seklu għoxrin. Fis-snin sittin tas-seklu dsatax, Giuseppe Folliero de Luna, il-Malti-Naplitan awtur tal-ewwel rumanz “oriġinali” bil-Malti li nafu bih, kien diġà insista li r-rumanz tiegħu “m’hux traduzioni bhal ma huma quasi ir-rumanzi collha li il maltin ghandhom taht idejhom” (4). Jista’ jkun li l-ftit rumanzi oriġinali li qed jirreferi għalihom kienu rumanzi bit-Taljan miktubin kemm mill-eżiljati Taljani, bħal Ifigenia Zauli Sajani, kif ukoll minn Maltin bħal Ġananton Vassallo, Ferdinando Giglio, Ramiro Barbaro di San Giorgio (1878), Gaetano Gauci, u Nicola Zammit.

Fl-istorja tiegħu tal-ilsien Malti, il-lingwista Joseph M. Brincat sostna li t-traduzzjonijiet ta’ rumanzi bit-Taljan għall-Malti minn awturi b’ambizzjonijiet letterarji kellhom it-tendenza qawwija li jissemitiizzaw jew jarabizzaw il-lingwa, waqt li r-rumanzi tal-faxxikli, li kellhom skop primarjament kummerċjali jew prattiku, kienu konxji li jridu jinqdew kemm jista’ jkun bit-taħdit ta’ kuljum biex ma jgerrxux lill-qarrejja. Naħseb li b’mod ġenerali, Concetta Brincat inqdiet bil-lingwaġġ tipiku tar-rumanz popolari tal-faxxiklu imma fl-istess ħin riedet tikteb xogħol aktar impenjattiv, forsi aktar “letterarju,” u għalhekk, bil-limiti kollha tagħha, ressqet il-Malti ta’ kuljum, li f’għajnejna llum fis-seklu wieħed u għoxrin jidher aktar Taljanizzat, lejn id-dinja tal-letteratura artistika. 

Waqt li Concetta Brincat qed tirrakkonta dwar żmien li m’għexitx dwar pajjiż li aktarx qatt ma żaret, b’xi mod il-karattri tan-nies komuni jinħassu familjari għal qarrejja mrobbijin Malta, u speċjalment jekk narawhom f’Malta tal-bidu tas-seklu għoxrin. Dawn in-nies komuni, bħal Pietru u Katarin, Nerik u Ġannina, Mastru Lippin u Ġulja, u wliedhom, mhumiex differenti wisq, fil-ħajja sempliċi tagħhom, mill-mod kif aktarx kienu jgħixu l-familja Sciberras u l-familja Brincat, speċjalment fejn jidħlu l-konċezzjoni u ċ-ċentralità tal-familja; ix-xogħol u l-prekarjetà finanzjarja; id-dar u l-għamara; il-madmad tal-kera; it-twemmin u d-dmirijiet reliġjużi; l-ikel sempliċi; l-ilbies komuni; u x-xibka ta’ solidarjetà fil-familja u fis-soċjetà.

Minn dak li jingħad fil-familja fuq Brincat bħala mara eżemplari, retta u onesta, diffiċli timmaġina li kienet it-tip ta’ persuna li tikkopja r-rumanz ta’ ħaddieħor u taħbi l-oriġni tiegħu. Mhux qed ngħid hekk għax qed inkejjel lilha bix-xiber tal-lum, imma għax fi żmienha wkoll awturi li kienu jittraduċu jew jiktbu addattament tax-xogħol ta’ ħaddieħor ħafna drabi kienu jirrikonoxxu dan il-fatt fil-bidu nett tal-pubblikazzjoni tagħhom. Għalkemm mhux impossibbli, diffiċli timmaġina li rumanz li jinsisti tant f’kull aspett tiegħu fuq l-onestà jispiċċa jigdeb dwar il-kwistjoni fundamentali tal-oriġni tiegħu. Waqt li huwa veru li l-insistenza fuq l-onestà u l-irġulija kienet karatteristika tar-rumanzi popolari Maltin ta’ żmienha, huwa veru wkoll li l-awtriċi implikata ta’ Brincat tinvesti ħafna enerġija mentali u emottiva f’dan il-valur fir-rumanz tagħha.

Mill-manuskritt ta’ Concetta Brincat

Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera

Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2025, fil-5.30pm, f’Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, se ssir konferenza interdixxiplinarja bil-Malti fuq ir-rumanz Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk ta’ Concetta Brincat. Dan ix-xogħol, li se jiġi ppubblikat għall-ewwel darba mill-Klabb Kotba Maltin u jitnieda fil-konferenza, inkiteb fl-1919, u għalhekk huwa l-ewwel rumanz oriġinali bil-Malti miktub minn mara li nafu bih, erbgħin sena qabel Nokkla Sewda ta’ Mary Meylak. Din il-konferenza qed tittella’ mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bl-għajnuna tal-Klabb Kotba Maltin u Heritage Malta.

Disinn tal-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Università ta’ Malta

Disa’ kelliema minn oqsma differenti se joffru għadd ta’ perspettivi dwar dan ir-rakkont li għandu x-xeħta ta’ rumanz tal-faxxiklu tal-bidu tas-seklu għoxrin imma għandu wkoll il-karatteristiċi pjuttost partikulari tiegħu. Fi żmien meta l-awturi Maltin kienu qegħdin jittraduċu jew jaddattaw rumanzi Taljani jew Franċiżi għall-Malti, jidher li Concetta Brincat għażlet li tikteb xogħol oriġinali imma fil-qafas tal-mudell magħruf. 

Il-ġrajjiet u l-karattri li tirrakkonta Brincat jimxu skont mudelli stabbiliti, u d-djalogu għandu sehem kbir f’rakkont li jħabbat it-tajjeb mal-ħażin. Imma fi ħdan dan il-mudell tar-rumanz tal-faxxiklu, bil-karattri tipiċi, l-avventuri, il-kumbinazzjonijiet straordinarji, it-travestimenti kontinwi, u l-emozzjonijiet kbar, hemm mumenti sbieħ meta l-karattri nisa jasserixxu l-personalità tagħhom, meta l-ikel joħloq relazzjonijiet, meta l-ilbies jirrakkonta l-awtorità soċjali u kulturali tal-karattri, jew l-umiltà tagħhom. 

Barra minn hekk, waqt li l-istorja hija ambjentata kollha kemm hi fi Franza u l-Belġju, speċjalment f’Pariġi fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, ir-rumanz donnu jirrakkonta wkoll l-istorja ta’ familja Maltija fqira bħal dik li trabbiet fiha Concetta Brincat, xebba Sciberras, fil-Laqxija, Birkirkara, u mbagħad fil-belt ta’ Konstantina, fl-Alġerija kkolonizzata mill-Franċiżi.

Il-konferenza se tinfetaħ mill-Prof. Carmen Sammut, Prorettur għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Impjegati u l-Kuntatt mal-Komunità. Il-kelliema fl-ewwel parti se jkunu l-Prof. Adrian Grima, l-editur tar-rumanz, li se jitkellem fuq x’provi testwali għandna f’idejna biex ngħidu li dan mhuwiex traduzzjoni jew addattament tax-xogħol ta’ ħaddieħor; Maria Simiana li se titkellem fuq il-proċess tat-traskrizzjoni tar-rumanz mill-pitazzi li kitbet fuqhom l-awtriċi; l-istorika Dr Simone Azzopardi li se tqiegħed ir-rakkont fil-kuntest tal-ġrajja tar-Rivoluzzjoni Franċiża u l-ħajja f’Malta fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu għoxrin; Dr Marilyn Mallia li se taqra dan l-ewwel rumanz ta’ mara bil-Malti fid-dawl tal-konvenzjonjiiet tar-rumanz popolari fl-Ewropa ta’ żmienha; u u Francesca Xuereb, li se titkellem fuq l-iżvilupp tal-karattri femminili f’dan ir-rumanz.

Fit-tieni parti, se jitkellmu Fr Ray Gatt OP, li se jiddiskuti l-elementi reliġjużi; Dr Noel Buttigieg li se jħares lejn il-kultura tal-ikel u x-xorb li jidħlu regolarment fl-istorja; Caroline Tonna li se tifli s-sinifikat tal-ħafna deskrizzjonijiet tal-ilbies tan-nobbli u tan-nies komuni; u Annamaria Gatt, minn Heritage Malta, li se turi xi lbies li jissemma fir-rumanz u li jinsab fil-kollezzjoni nazzjonali, fosthom il-kabozza.

Id-dħul għall-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera,, huwa b’xejn u jista’ jattendi kulħadd. Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tinsab maġenb id-daħla tal-Fakultà tal-Arti, wara Sala Temi Zammit. Aktar tagħrif fuq il-paġna tad-Dipartiment tal-Malti fuq Facebook.


Programm tal-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera

Imexxi l-Prof. Bernard Micallef

5.30pmFtuħ tal-Konferenza Prof. Carmen SammutProrettur għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Impjegati u l-Kuntatt mal-Komunità
5.32pmKostum Magħruf bi Ħjata Ġdida
Prof. Adrian Grima
Editur tar-rumanzi ta’ Concetta Brincat
5.45pmIl-Proċess tat-Traskrizzjoni: L-Isfidi u l-Karatteristiċi tal-Kitba ta’ Concetta Brincat 
Maria Simiana 
Traskrittriċi tar-rumanzi ta’ Concetta Brincat 
6.00pmIr-Rivoluzzjoni Franċiża u Malta tal-Bidu tas-Seklu Għoxrin 
Dr Simone Azzopardi
Storika tal-aħħar tal-perjodu Modern u l-Kontemporanju
6.15pmQari ta’ Il-Familja de Valereux fid-Dawl tar-Rumanz Gotiku 
Dr Marilyn Mallia
Studjuża tar-rumanz Gotiku
6.30pmL-Iżvilupp tal-Karattri Femminili fir-Rumanz ta’ Concetta Brincat
Francesca Xuereb
Awtriċi ta’ teżi fuq ir-rumanz ta’ Concetta Brincat
6.45pmPawża
7.00pmL-Element Reliġjuż fir-Rumanz Il-Familja de Valereux 
Fr Ray Gatt OP
Studjuż tat-Teoloġija
7.15pmTazza Nbid u Skutella Kafè: L-Identità Kulinari fir-Rumanz ta’ Concetta Brincat 
Dr Noel Buttigieg
Studjuż tal-istorja tal-ikel
7.30pmL-Ilbies Sofistikat fir-Rumanz ta’ Concetta Brincat
Caroline Tonna
Studjuża tal-istorja tal-ilbies
7.45pmWirja u Spjega tal-Ħwejjeġ li Jissemmew fir-Rumanz mill-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti ta’ Heritage Malta 
Annamaria Gatt
Kuratriċi tal-Kostumi u t-Tessuti ta’ Heritage Malta
8.00pmRitratt u Diskussjoni
8.25pmGħeluq 
8.30pmRiċeviment żgħir

Concetta Brincat (1870-1940)

Concetta Brincat fir-ritratt tal-passaport tal-1929

Fir-rebbiegħa tal-1875, Ġuża Sciberras u l-erba’ wliedha telqu mid-dar li kienu krew il-Laqxija, Birkirkara, u niżlu l-Port il-Kbir biex jaqbdu l-vapur tal-istim għal Tuneż. Siefru bil-passaport ta’ Spiridione, binha l-kbir, ġuvni ta’ 23 sena li xahar qabel kien ġie lura Malta fuq l-istess vapur mill-Afrika ta’ Fuq. Magħhom kien hemm Salvu ta’ erbatax, Karmena ta’ disa’ snin, u oħthom iż-żgħira Concetta ta’ erba’ snin. 

Spiru kien ilu tliet snin Konstantina, belt fil-muntanji tal-Alġerija qrib it-Tuneżija, li dak iż-żmien kienet kolonja Franċiża. Missier Spiridione, Ġużeppi, mar Konstantina fi tmiem is-sajf tal-1874 u aktarx kien qed jaħdem f’ħanut tax-xorb ma’ ibnu l-kbir. Il-familja Sciberras kienet tgħammar fil-qalba tal-kwartier Alġerin, f’Rue Perrégaux, triq imsemmija għall-ġeneral Franċiż li kien indarab fl-assedju ta’ Konstantina fl-1837. 

Mill-arkivji kolonjali Franċiżi u dawk tal-Knisja Kattolika fl-Alġerija,  jidher li l-familja Sciberras kienet tagħmilha ħafna mal-emigranti Maltin, speċjalment ma’ nies tal-ħwienet, bejjiegħa u negozjanti żgħar. Waqt li Ġużi kien bla skola, bħalma aktarx kienet martu Ġuża, kemm Concetta kif ukoll ħutha kienu jafu jiktbu u jaqraw. Fl-1884 Concetta kisbet iċ-Ċertifikat prestiġjuż tal-Istudji Primarji li fis-sistema Franċiża kien jingħata lill-aħjar studenti. 

Fl-1885, sena wara li Karmena Sciberras, oħt Concetta, mardet u mietet ta’ sbatax-il sena Konstantina, il-ġenituri u binthom iż-żgħira reġgħu lura Malta fuq l-istess vapur tal-istim li bih kienu emigraw lejn l-Alġerija, waqt li l-aħwa s-subien baqgħu hemm. 

Fl-1890, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Liena Birkirkara, Concetta Sciberras ta’ 19-il sena żżewġet lil Vincenzo Brincat ta’ 24. Kellhom għaxar ulied. Tlieta mietu qasir il-għomor, fosthom Karmena li mietet ta’ sbatax. Wara li rabbiet lil uliedha, fl-1919 Concetta Brincat, jew kif sejħet lilha nfisha, Cornelia Melitesi, kitbet l-ewwel rumanz tagħha, Il-Familja de Valereux, jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk, ambjentat fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Dan ir-rumanz u ta’ warajh, Is-Saħħara Nerelis (1922), baqgħu misturin fil-pitazzi tal-iskola li fihom kitbithom. Dawn huma l-ewwel rumanzi bil-Malti miktubin minn mara li nafu bihom.

Adrian Grima

____

Interdisciplinary Conference on Concetta Brincat, the First Female Novelist

On Wednesday, 15 October 2025, at 5:30 p.m., in Pietru Pawl Saydon Hall (ALT) at the University of Malta, Tal-Qroqq, an interdisciplinary conference in Maltese will be held on the novel Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk by Concetta Brincat. This work, which will be published for the first time by Klabb Kotba Maltin and launched at the conference, was written in 1919, and is therefore the first original novel in Maltese written by a woman known to us—forty years before Nokkla Sewda by Mary Meylak. The conference is being organized by the Department of Maltese at the University of Malta in collaboration with Klabb Kotba Maltin and Heritage Malta.

Sala Pietru Pawl Saydon (ALT), L-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

Nine speakers from different fields will offer a variety of perspectives on this narrative, which carries the hallmarks of an early 20th-century popular serial novel, or rumanz tal-faxxiklu, but also has quite particular characteristics of its own. At a time when Maltese authors were translating or adapting Italian or French novels into Maltese, it seems that Concetta Brincat chose to write an original work, albeit within a familiar framework.

The events and characters narrated by Brincat follow established patterns, and dialogue plays a major role in this story of the struggle between good and evil. Yet within this framework of the serialized novel—with its stock characters, adventures, extraordinary coincidences, constant disguises, and heightened emotions—there are beautiful moments when female characters assert their personalities, when food creates relationships, when clothing tells of the social and cultural authority of the characters, or of their humility.

Moreover, although the story is entirely set in France and Belgium—especially in Paris during the French Revolution—the novel also seems to tell the story of a poor Maltese family, like the one Concetta Brincat, née Sciberras, grew up in, in Laqxija, Birkirkara, and later in the city of Constantine in French-colonized Algeria.

The speakers at the conference are Prof. Adrian Grima, the editor of the novel, who will speak about the textual evidence we have to show that this is not a translation or an adaptation of someone else’s work; Maria Simiana, who will discuss the process of transcribing the novel from the notebooks written by the author; historian Dr Simone Azzopardi, who will place the story in the context of the French Revolution and life in Malta in the first two decades of the 20th century; Dr Marilyn Mallia, who will examine this first Maltese novel by a woman in light of the conventions of popular European novels of the time; and Francesca Xuereb, who will speak about the development of female characters in the novel.

In the second part, Fr Ray Gatt OP, who will discuss the religious elements; Dr Noel Buttigieg, who will explore the food and drink culture that regularly enters the story; Caroline Tonna, who will analyze the significance of the many descriptions of the clothing of both nobles and common people; and Annamaria Gatt, from Heritage Malta, who will showcase some garments mentioned in the novel that form part of the national collection, including the kabozza. 

The conference will begin with an address by Prof. Carmen Sammut, Pro-Rector for Student and Staff Affairs and Outreach.

Admission to Conference Concetta Brincat: The First Female Novelist is free and open to all. Pietru Pawl Saydon Hall (ALT) is located next to the entrance of the Faculty of Arts, behind Temi Zammit Hall. More information is available on the Department of Maltese Facebook page.


One thought

Leave a comment