Din mhix demokrazija


Moviment Graffitti
🔴 PEMBROKE MHEDDED

Produzzjoni tal-Moviment Graffitti

Adrian Grima jirrakkuntalna kif ir-residenti ta’ Pembroke ġew stmati mill-Awtorità tal-Ippjanar u mid-DB.

Jibża’ li bil-liġijiet il-ġodda tal-ippjanar, il-ħafna sabiħ li fadallu Pembroke se jintilef. Dawn l-istess nies li ġabu ruħhom daqshekk ħażin fil-kwistjoni tad-DB, se jiggwadanjaw poter bla qies fuq ħajjitna.

Iżda, flimkien, inwaqqfuhom.

🟠 Nhar is-Sibt, 4 ta’ Ottubru 2025, fl-10.00am, minn quddiem il-Qorti, Ġustizzja għal Artna: Irtirawhom Issa! – PROTESTA NAZZJONALI

Ħsara Llum, Ħsara għal Dejjem

Dawn iż-żewġ abbozzi ta’ liġi u t-tliet avviżi legali li qed jipproponi l-Gvern fil-qasam tal-Ippjanar se jkomplu jagħtu r-riħ lin-negozjanti tal-art u l-bini u jċaħħdu lilna r-residenti mill-ħarsien tad-drittijiet tagħna.

Għalhekk huwa dmir tagħna lejna nfusna, lejn uliedna, u lejn ulied uliedna li niġġieldu kontrihom bil-forza kollha tar-rieda u tar-raġuni.

Għax bihom se tikber sew is-saħħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, li effettivament hija l-Awtorità tal-Bini. Din hija awtorità li suppost tara li jkollna żvilupp sostenibbli, li jagħmel il-ġid lil pajjiżna, lis-setturi kollha tas-soċjetà u lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna, imma kulħadd jaf li mhix tagħmel hekk. 

Għal ħafna minna, l-Awtorità “tal-Ippjanar” dejjem taħdem favur in-negozjanti l-kbar, u dejjem timbotta l-interessi tagħhom.

Issa jekk din l-Awtorità se ttiżdied is-saħħa tagħha, lilna min se jipproteġina?

Hawnhekk f’Pembroke s’issa fittixna li nħarsu d-drittijiet tagħna kemm quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar infisha u kemm fil-Qorti. F’għajnejna, bil-limiti kollha tagħhom, kellna ħajt ta’ kenn.

Imma bil-liġiijiet 143 u 144 li qed jipproponi l-Gvern, u t-tliet avviżi legali mdendlin magħhom, il-Qorti ftit li xejn se jkollha saħħa fuq il-ftit nies magħżula fl-Awtorità tal-Ippjanar. Dik li suppost irridu niġġudikaw għandhiex raġun, jekk ħaditx deċiżjonjiet tajbin, se ssir hi stess l-Imħallef. Jiġifieri l-Awtorità tal-Ippjanar se ssir magna tal-bini bla rispett u bla rażan ħadd ma jista’ għaliha, la l-Qorti, la l-Parlament. 

Min se jgawdi? Se jgawdu n-negozjanti l-kbar tal-art u tal-bini u li għalina diġà għandhom saħħa sproporzjonata fl-Awtorità tal-Ippjanar. Għalina, minflok l-Awtorità tirregola lil dawn il-forzi l-kbar, huma jirregolaw lilha. Dawn il-liġijiet il-ġodda jirriflettu kelma b’kelma dak kollu li jridu n-negozjanti l-kbar.

Min se jbati? Aħna r-residenti komuni se nbatu. Iktar minn kemm diġà qed inbatu. Għax mhux se jkollna l-mezzi, lanqas jekk ningħaqdu ħafna nies u għaqdiet flimkien, biex inrażżnu s-saħħa bla limitu ta’ dawn in-negozjanti. Missieri kien jgħid li minħabba l-forza jagħmel il-liġi. Il-liġi li suppost trażżan il-forza spiċċat għodda f’idejn il-forza.

Aħna se nbatu, għax ġa qed ngħixu fi rħula fejn il-bini għaddej kontinwament u bla rażan, u qed jisirqulna l-mistrieħ tagħna, id-dawl, l-arja, il-kwiet, il-paċi, l-ispazju, it-toroq. Aħna ma rridux li s-sabiħ li fadal fl-irħula u l-ibliet tagħna jinsterqilna wkoll. 

Bil-bidliet li jrid idaħħal il-Gvern, is-saħħa esaġerata li ġa għandhom in-negozjanti l-kbar f’pajjiżna tagħhom se tikber tant li se jkunu iktar b’saħħithom mill-gvern stess magħżul minna ċ-ċittadini. Din ma tagħmilx sens.

U ma tagħmilx ġid: La għas-soċjetà, la għall-ambjent, la għall-kultura, u lanqas għall-ekonomija. Għax b’dal-bini kollu, b’dal-poter politiku esaġerat f’idejn ftit negozjanti kbar, qed inkerrħu pajjiżna, qed inwaħħlu t-traffiku kullimkien, qed indardru l-għajn li nixorbu minna.

Ħarsu lejn dak li qed jiġri hawnhekk, fejn qed jinbnew dawn il-blokki tad-db. Saħħet ir-residenti ħadet daqqa kbira. Kemm is-saħħa fiżika, bit-tribien, l-istorbju, id-dellijiet, il-ġenn, l-arja mniġġsa, u kemm is-saħħa mentali. Għax il-bnedmin mhux magni. Mhumiex oġġetti li tista’ tgħattanhom kemm trid f’kull ħin tal-ġurnata u tal-lejl. Bniedem kemm jiflaħ jieħu ġo fih? Imur id-dar wara ġurnata xogħol biex jistrieħ, u flok mistrieħ isib ruħu f’infern ta’ storbju u ġenn.

U dan waqt li l-proġett għadu qed jinbena. Aħseb u ara la jibdew joperaw is-supermarkets, il-lukandi, U dan waqt li l-proġett għadu qed jinbena. Aħseb u ara la jibdew joperaw is-supermarkets, il-lukanda, il-karozzi, iż-żgħażagħ fis-sakra, il-magni tal-coaches jiżvugaw l-exhaust ġod-djar tan-nies u taħt il-gallariji, in-night clubs. Dan x’ġenn hu? Min qed igawdi minn dan kollu?

Il-liġijiet il-ġodda li jrid idaħħal il-Gvern se jagħmlulna ħajjitna aħjar, jew mitt darba agħar, għax se jneħħulna l-ftit protezzjoni li fadlilna? Il-Pembroke li se nħallu warajna, il-Malta li se nħallu għal uliedna se jkunu aħjar?

Il-postijiet li fadal Pembroke se jipproteġuhom il-liġijiet il-ġodda, jew se jikkundannawhom għar-regħba tan-negozjanti l-kbar tal-art u l-bini? In-nies kollha li jiġu Pembroke biex ifittxu post fejn igawdu ftit kwiet u mistrieħ se jsibu aktar storbju u trab u dellijiet u exhaust u ġenn ma’ wiċċhom minħabba dawn il-liġijiet li jridu jbellgħulna minn ġo griżmejna?


Leave a comment