L-Iskola tal-Festa

M’għandekx bżonn timla applikazzjonijiet jew iġġib rakkomandazzjonijiet iffrmati. Ħadd mhu se jiflilek is-cv. Mhux se jkun hemm longlisting u shortlisting u blacklisting. M’hemmx għalfejn tħabbel rasek x’se tilbes għall-interview, jew tikteb ittra biex tispjega għaliex trid tidħol għal dan ix-xogħol. Mhux se jitolbuk tħejji powerpoint. Forsi jaraw x’kont qed titfa’ fuq is-siti soċjali tiegħek. Forsi. Imma aktarx ma jaraw xejn. Jekk jarawk tmidd idejk għax-xogħol biżżejjed. 

DAK LI JGĦALLEM

Il-ħidma fuq il-festi titlob għadd kbir ta’ ħiliet. Il-voluntiera jinvestu t-taħriġ professjonali li jġibu magħhom, is-snajja’, u l-kompetenzi differenti tagħhom f’dak kollu li jagħmlu matul is-sena biex il-ġimgħa tal-festa tirnexxi. Imma mill-esperjenza tagħhom jitgħallmu wkoll. Jitgħallmu mingħand xulxin. Jitgħallmu mill-ambjent u l-atmosfera li jkunu qed jaħdmu fihom. Jitgħallmu mir-reazzjoni tan-nies tal-lokal u “l-barranin” għal dak li jkunu ħejjew għall-festa. Imma l-iktar ħaġa li tgħallem hija r-rieda. Id-dedikazzjoni. Il-ħin li tkun lest jew lesta li tagħti. 

Dan it-tip ta’ volontarjat, li ħafna drabi jibqa’ għaddej matul is-sena kollha, u mhux biss fil-ġimgħat u l-jiem li jwasslu għall-festa, huwa skola kbira li toffri firxa sħiħa ta’ tagħlim u taħriġ. U forsi l-isbaħ ħaġa li hemm fih hija li x-xogħol isir b’mod volontarju: il-voluntiera jmiddu jdejhom minn jeddhom, għax iridu huma, bil-vantaġġi kollha li din ir-rieda u din il-konvinzjoni personali jġibu magħhom. 

M’hemmx karriera tistenniehom fl-aħħar tal-“iskola.” M’hemmx kompetizzjoni ma’ sħabhom stess għal ftit postijiet tax-xogħol. M’hemmx suspetti dwar ħbieb tal-ħbieb u qaddisin. Mhux għax ma jkunx hemm kunflitti u kontradizzjonijiet: dawn jeżistu kull fejn jeżistu l-bnedmin. Imma dawn ukoll huma parti mill-formazzjoni, mit-tagħlim. Kultant iħallu feriti li jdumu biex jagħlqu, jew ma jagħlqu qatt. Imma l-ħajja kollha feriti, u l-ħila tagħna li nagħlquhom jew nitgħallmu ngħixu bl-uġigħ tagħhom mingħajr ma nħalluhom jisolħuna minn ġewwa hija forsi l-ikbar tagħlima li nistgħu nieħdu. 

Fl-ambjent tal-ħidma għall-festa, hemm ċans tajjeb li nsibu fiex l-aħjar nagħtu s-sehem tagħna, ma’ min nieħdu gost naħdmu, kemm nistgħu ninvestu ħin, u sa fejn għandna naslu. Il-festa hija ħafna affarijiet, imma rridu napprezzaw li hija wkoll skola tal-ħajja. Nimmaġina li fl-ambjent varjat tal-ħidma għall-festa, il-voluntiera kapaċi jsiru jafu aħjar lilhom infushom, x’kapaċi jagħmlu u x’kapaċi jitgħallmu. Aktarx jispiċċaw jissorprendu lilhom infushom.

FUQ IL-PLANĊIER

Minn dejjem kont involut ħafna fil-volontarjat. Minn mindu kont żgħir. Imma qatt ma kont involut fil-festi. Smajt ħafna mingħand il-ħbieb u mingħand l-istudenti tagħna li anki kitbu teżijiet fuq il-volontarjat tal-festi. 

Għalhekk, fuq il-planċier battal mill-bandisti l-Ġimgħa tal-Festa ta’ Santa Marija Assunta taż-Żebbuġ, jien u noqmos mal-feature lli ħejjew il-voluntiera żgħażagħ dwar il-ħidma li ssir, ippruvajt nagħmel lista tal-ħiliet kollha li nimmaġina li titlob l-organizzazzjoni tal-festa: xogħol tal-injam, tal-ħadid, tal-ġebel, u xogħol fuq tagħmir mekkanizzat u kompjuterizzat; sewqan ta’ inġenji u xogħol bil-lifters u l-krejnijiet; fotografija, filming u editjar; qari tan-narrazzjoni; kompożizzjoni tal-mużika; kitba ta’ kliem għall-innijiet u l-poeżiji; kitba ta’ stqarrijiet għall-mezzi soċjali u għall-istampa; dokumentazzjoni u kitba tal-istorja; koordinazzjoni tal-programm u l-attivitajiet mal-voluntiera, mal-Knisja, mal-Kunsill Lokali; mal-pulizija, u ma’ awtoritajiet oħrajn; pubblikazzjoni tal-programm tal-festa, bir-riċerka, il-kitba, id-disinn, il-ġbir tar-reklami, il-koordinazzjoni mal-istamperija, u l-bqija. U mhux qed insemmi x-xogħol kollu li jsir fil-Knisja, l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet biex jinġabru l-flus għall-festa, il-ħidma bla waqfien tal-għaqda tan-nar, it-tmexxija tal-barijiet, u nistgħu nibqgħu sejrin. 

SKOLA, STUDJU, ESPERJENZA

Ma nistax naħseb f’qasam ieħor tal-volontarjat li jitlob u joffri varjetà ikbar ta’ ħiliet. Skola tal-ħajja fis-sens l-aktar radkali tal-kelma. F’Il-Miklem Malti, fit-tieni tifsira ta’ “skola” li jagħti, Erin Serracino Inglott jirreferi għat-“tagħlim inġenerali,” l-edukazzjoni li tieħu b’tagħlim minn dawk li jafu aktar minnek, “studju,” imma anki “esperjenza.”  

Kif tikkrea skola bħal din tal-festi? Liema suġġetti taqbad tgħallem? X’uniformi tilbes? Minn liema qiegħ tal-qiegħ ta’ moħħok u qalbek u ruħek iġġib il-motivazzjoni għat-tagħlim? Ma’ liema mużika toqmos?

Adrian Grima

Leave a comment