Fil-ħarġa speċjali dwar Oliver Friggieri, Ħassieb u Kittieb ta’ Knisja 2000 (nru 153, Lulju – Settembru 2025), rivista ta’ “formazzjoni teoloġika li tittratta temi ta’ duttrina biblika, dommatika, morali u xjenzi umani” li toħroġ kull tliet xhur u l-editur tagħha huwa Fr Raymond Gatt O. P., hemm studju tiegħi fuq “Il-Paradoss tal-Istazzjon” fil-poeżija ta’ Oliver Friggieri. Dan l-istudju slittu mit-teżi tal-Masters fl-Arti dwar Il-Metafora tal-Vjaġġ fil-Poeżija Maltija: Dun Karm u Oliver Friggieri (1996).
“Fi wħud mill-iktar xogħlijiet liriċi u profondament personali, l-istazzjon huwa l-oikos tal-vjaġġ poetiku ta’ Oliver Friggieri, kemm l-istazzjon bħala spazju liminali u kemm bħala qagħda tar-ruħ li tinsab dejjem bejn, fi tranżizzjoni bla tmiem. Huwa l-punt tat-tluq, u għalhekk jimplika vjaġġ mibdi minn qabel, u l-punt tal-wasla parzjali, jew posposta. F’dan is-sens l-istazzjon jirrappreżenta vjaġġ li għadu ma ntemmx u li ma jistax jintemm għax dejjem jispiċċa, temporanjament, f’post li jimplika t-tkomplija. Il-vjaġġ jistabbilixxi u jbiddel in-natura tal-oikos fl-istess nifs. Mingħajr vjaġġ m’hemmx oikos; mingħajr oikos m’hemmx vjaġġ. Filwaqt li d-dar idealizzata tal-poeżija ta’ Dun Karm toffri ċerta stabbiltà, orjentament fid-diżorjentament ta’ realtà li tbiegħdet wisq mid-dar idealizzata tat-tfulija, is-sala tal-mistennija ta’ Friggieri tirrifletti l-instabbiltà tal-punt tat-tluq fil-kuxjenza tal-poeti tas-seklu għoxrin, seklu li mal-modernità ġab inċertezza u ansjetà ġdida.”
Fid-daħla editorjali tiegħu, Fr Raymond Gatt minn banda jikteb fuq l-esperjenza personali tiegħu meta ltaqa’ ma’ Oliver Friggieri u mill-banda l-oħra jfisser il-kontribut li ried jagħti b’din il-ħarġa: “Quddiem dan il-ġgant tal-letteratura u l-kultura Maltija xtaqna li nikkontribwixxu permezz ta’ din il-ħarġa tar-rivista, biex nuru rikonoxximent u ħajr tal-ħidma kollha li wettaq il-Prof. Friggieri għall-poplu tagħna.” L-editur jgħid li l-artikli “huma rifless tal-kobor ta’ Oliver Friggieri” u jawgura li “l-wirt li ħallielna jibqa’ ħaj
fostna.
Din il-ħarġa ta’ Knisja 2000 , li fiha għadd ta’ studji li jħarsu lejn naħat differenti tal-personalità letterarja ta’ Oliver Friggieri. għandha b’epilogu minn bintu Sara Brincat Friggieri.
“Għalija l-qofol ta’ missieri jinġabar fil-‘kelma’; il-kelma li meta użata b’mod tajjeb tista’ tħabbat u tmiss il-qlub. Jista’ jkun li xi drabi kien xi ftit idealist imma l-kelma kellha post suprem. Jibqa’ miegħi t-twemmin tiegħu li l-kelma kienet bħal tarbija li xejn ma jista’ jwaqqafha milli titwieled. Il-kelma hija bżonn naturali li bil-qawwa tagħha tagħmel dak kollu li tista’ biex toħroġ mill-qalb, mill-moħħ u mill-fomm. Għalih, il-kelma u l-kitba kienu bżonn u proċess ġewwieni. Il-kelma miktuba u l-kelma mitkellma kienu mħaddma għax hekk kien jesiġi. Ix-xewqa aħħarija ta’ kull awtur hija li ħsibijietu u kliemu joħorġu ’l barra mill-karta u xewqatu u l-ideali tiegħu kienu li b’dak li jikteb jista’ b’xi mod imiss qalb xi ħadd.”
Sara Brincat Friggieri
Il-kitbiet f’din il-ħarġa speċjali huma dawn:
Fr Raymond Gatt OP, Editorjal
Joseph P. Borg, Oliver Friggieri – bejn il-Fjuri u l-Pétali
Wayne Farrugia, Il-Kostruzzjoni tan-Nazzjon fil-Poeżija ta’ Oliver Friggieri
Romilda Pace, Il-figura politika fil-lirika ta’ Oliver Friggieri
Nicole Borg, In-normalizzazzjoni tal-inġustizzja fir-rumanz Fil-Parlament
ma Jikbrux Fjuri
David Aloisio, L-ispiritwalità ‘antiklerikali’ ta’ Karlu Manju
Adrian Grima, Il-paradoss tal-istazzjon
Lorraine Farrugia, Il-mara fir-rumanz ta’ Oliver Friggieri
André P. DeBattista, Oliver Friggieri u r-rwol tal-intellettwali
Patrick J. Sammut, Tieqa fuq il-kotba ta’ Oliver Friggieri bħala kritiku
teoriku u letterarju
Fr Raymond Gatt OP, L-Innijiet Reliġjużi ta’ Friggieri
Sara Brincat Friggieri, Epilogu

