Komunità tal-Kelma

Waqt ir-raba’ Konferenza Annwali tal-Appuntamenti mar-Riċerka tad-Dipartiment tal-Malti ġiet ippreżentata l-ewwel ħarġa ta’ Qabelxejn – Riċerka Postgradwatorja fil-Malti bi studji fuq il-lingwa, il-letteratura u l-kultura orali ta’ David Aloisio, Joseph Buttigieg, Justine Somerville, Kirsty Azzopardi, u Yanika Schembri Fava. Kull studju għadda mill-proċess stabbilit ta’ evalwazzjoni akkademika u għandu sinteżi tal-artiklu bl-Ingliż.

Din ir-rivista akkademika, iddisinjata minn Kuluri, hija pubblikazzjoni tad-Dipartiment flimkien mal-Malta University Press, u sieħba ta’ rivista oħra tad-Dipartiment bl-isem ta’ Riċerkaturi li fiha studji mill-aħjar teżijiet tal-Baċellerat li jsiru kull sena mill-istudenti tal-Malti. Dawn iż-żewġ pubblikazzjoni jinsabu fil-portal tar-riċerka malti.mt u fis-sit tal-Librerija tal-Università ta’ Malta. Id-Dipartiment jemmen li r-riċerka importanti li ssir mill-istudenti għandha tinfetaħ għal kulħadd kemm f’verżjoni stampata kif ukoll elettronika.

L-inizjattiva biex tibda toħroġ ir-rivista akkademika Qabelxejn ħarġet mill-Appuntamenti mar-Riċerka, is-seminars ta’ kull xahar tal-istudenti tad-Dipartiment tal-Malti li qed jagħmlu Masters jew Dottorat, immexxija minn Justine Somerville u Kirsty Azzopardi. 

Id-daħla editorjali ta’ Adrian Grima, “Komunità tal=Kelma”

Fid-daħla “Komunità tal-Kelma,” Adrian Grima jgħid li l-ħames studji f’din l-ewwel ħarġa ta’ Qabelxejn “jagħtuna indikazzjoni tad-direzzjonijiet differenti li qed tieħu r-riċerka dwar il-lingwa, il-letteratura u l-kultura orali tagħna, indikazzjoni tat-temi li jinteressaw lir-riċerkaturi u l-perspettivi li minnhom qegħdin jaffrontawhom. Il-perspettiva fil-fatt tista’ tkun dik li tinteressahom l-aktar, għax minnha jistgħu jaraw affarijiet li għadna ma rajnihomx.”

L-istudji f’din l-ewwel ħarġa ta’ Qabelxejn huma dawn: “L-idea tal-kanonu letterarju: idea tajba?” ta’ David Aloisio; “‘Għidli ma’ min tagħmilha…’ Daqqa t’għajn lejn il-kollokazzjoni” ta’ Joseph Buttigieg; “Atti ta’ memorja f’Kulħadd Ħalla Isem Warajh” ta’ Justine Somerville; “Il-verbi fażiċi fis-sekwenza verbali tal-Malti” ta’ Kirsty Azzopardi; u “Il-funzjonijiet u l-motivazzjonijiet tal-ironija fil-versi popolari Maltin” ta’ Yanika Schembri Fava.

Il-bord editorjali ta’ Qabelxejn huwa magħmul minn Justine Somerville, il-koordinatriċi, Kirsty Azzopardi, Michael Spagnol, u Adrian Grima, ilkoll letturi fid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti.Hemm aktar informazzjoni fuq Qabelxejn, Riċerkaturi u pubblikazzjonijiet oħra fis-sit malti.mt.


Leave a comment