Il-Malti Ilu Jistenniena Elf Sena

Dan huwa d-diskors li għamilt lill-kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja fis-6 ta’ Mejju 2025.

Qabelxejn nixtieq nirringrazzja lis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u lill-kollegi u ħbieb tiegħi Ann Marie Schembri u Claire Zerafa tal-istedina biex ningħaqad magħkom hawnhekk illum. Għalija huwa privileġġ li niltaqa’ magħkom l-edukaturi fl-iskola obbligatorja li wħud mit-tfal u ż-żgħażagħ li jgħaddu minn taħt idejkom niltaqa’ magħhom fil-klassijiet tal-Università. Hemmhekk niltaqa’ wkoll, fil-fatt, ma’ bosta għalliema li jkunu qegħdin jaġġornaw u jsaħħu l-formazzjoni akkademika tagħhom. 

Il-konferenza “Il-Malti f’Politika Lingwistika Nazzjonali,” is-Sibt, 3 ta’ Mejju 2025 (Ritratt ta’ Elisa von Brockdorff)

Lingwi Bnedmin

Meta f’Ottubru tal-1987 reġgħet infetħet il-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, dħalt b’ħerqa kbira fil-kors tal-Baċellerat Ġenerali fil-Malti u l-Ingliż, u wara ffukajt l-istudji tiegħi fuq il-letteratura Maltija. Minn dejjem kelli passjoni kbira għas-suġġetti umanistiċi u għal-lingwi. Bħal ħafna Maltin tal-ġenerazzjoni tiegħi, kelli t-Taljan bħala t-tielet lingwa tiegħi, kultant it-tieni, u maż-żmien bdejt nuża l-Franċiż regolarment minħabba l-interess tiegħi fil-Mediterran u l-kors tal-Malti li ngħallem fl-Inalco ta’ Pariġi, l-università ewlenija tal-lingwi fi Franza. Jiġifieri għalkemm illum nixtieq nitkellem fuq il-Malti, inħoss li għandi dan il-privileġġ, bħal ħafna minnkom, li f’ħajti għandi ħafna lingwi. Ilkoll bil-mod tagħhom isaħħruni, ilkoll ħbieb tal-qalb li nfittixhom il-ħin kollu u kultant iġebbduni ’l hawn u ’l hemm biex inqatta’ l-ħin tiegħi magħhom. Hija relazzjoni dinamika: Ġieli nkun qed nitkellem ma’ xi ħbieb bit-Taljan u l-kliem jibda ġej bil-Franċiż, jew bl-Ingliż, u ġieli nkun qed nitkellem bil-Franċiż u tibda toqmos ġo moħħi kelma bit-Taljan, jew bil-Malti. Meta niltaqa’ ma’ ħabib antik tiegħi Franċiż li jgħix Pariġi jkun irid li nitkellmu bit-Taljan: mill-bidu nett kellna ħbiberija bil-kadenzi u s-sensazzjonijiet tat-Taljan. 

Għax il-lingwi huma ħajjin, bħall-bnedmin, u għandhom il-karattru, u t-tbissima, u s-sensazzjonijiet differenti tagħhom. Kull kelma bniedma għaliha; kull kelma dinja għaliha. Naħseb li għalhekk m’għandhomx kwiet f’ġisimhom. U f’ġisimna. Għax dejjem għandhom xi ħaġa interessanti xi jgħidu u ebda kelma oħra, b’ebda lingwa oħra, ma tista’ tgħid eżattament dak li jkunu jridu jgħidu huma.

Għalhekk it-traduzzjoni, meta niffittaw u nfettqu, qatt ma tikkuntentana, għax ebda kelma mhi bħall-oħra, ebda lingwa mhi bħall-oħra. Tant hu veru li bejn il-lingwi hemm ukoll il-parentela qarrieqa: niftakar darba użajt il-kelma “banalisation” waqt taħdita Pariġi, mingħalija tfisser l-istess bħal “banalizzazzjoni” fil-Malti. Wara ħafna sirt naf li s-sens tagħha huwa differenti fil-Franċiż għax joqrob iżjed lejn ġeneralizzazzjoni, demokratizzazzjoni u popularizzazzjoni; jiġifieri qrib wisq tal-kelma bil-Malti imma mhux qrib biżżejjed. Irrealizzajt li dawn qraba qarrieqa.

Għalhekk inħobbhom il-lingwi, għax kull waħda minnhom tiftaħ dinja oħra, dinja ta’ bnedmin tad-demm u l-laħam, mhux chatbots u avatars. Kieku nista’ noqgħod nistudja u nipprattika l-Ispanjol u l-Għarbi, għax meta mmiss magħhom jaffaxxinawni. Il-lingwi sbieħ minnhom infushom, imma nsibhom utli wkoll biex nifhem il-persuni u l-ġnus ta’ madwari, is-sentimenti, il-kulturi, l-artijiet. 

Biex Tgħaddi Mingħajr il-Malti

Ħafna mill-barranin f’Malta jgħidu li aktarx hawnhekk, fostna, mingħajr il-Malti jgħaddu. Imma jgħaddu biss, għax jibqgħu ma jħossuhomx għalkollox parti mill-komunità lokali u nazzjonali, minn dak li jkun qed iseħħ madwarhom. Naf li minn banda, ħafna Maltin qed jagħtu kas tal-lingwa li tkun qed tintuża qrib tagħhom u qed jisimgħu ħafna Ingliż; mill-banda l-oħra, il-barranin li ma jinqatgħux għalihom fid-dwejra tagħhom, madwarhom jisimgħu ħafna Malti. Għax kif juru l-istudji u l-istatistiċi, fosthom tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fost il-Maltin il-Malti huwa bil-qabda l-iktar lingwa li tintuża fit-taħdit.

Ilbieraħ filgħodu kelli laqgħa ma’ Ingliża ta’ nisel Malti li ilha tgħix Malta tmien xhur u ġa għandha ħakma tajba tal-Malti: kienet qed tgħidli li negozjanti barranin ħbieb tagħha li jgħixu hawn jgħidulha li jħossuhom maqtugħin mill-komunità Maltija għax ma jafux bil-Malti, għax madwarhom kontinwament jisimgħu l-Malti, anki waqt laqgħat formali li jibdew bl-Ingliż.

Dr Phyllisienne Vassallo Gauci waqt il-konferenza “Il-Malti f’Politika Lingwistika Nazzjonali,” fit-3 ta’ Mejju 2025 (Ritratt ta’ Elisa von Brockdorff)

Illum, il-lingwa ewlenija tal-Maltin hija l-Malti. Naf li ħafna għalliema u edukaturi qed jgħidu li fost it-tfal qed isseħħ rivoluzzjoni kulturali u lingwistika li qatt ma rajna bħalha għax it-tfal qed jilagħbu fil-bitħa u jiċċajtaw bejniethom bl-Ingliż. Fuq hekk għamlet studju kwalitattiv Marija Bellia li tkellmet f’konferenza dwar il-Malti f’politika lingwistika nazzjonali li għamilna s-Sibt li għadda; tkellmu wkoll kollegi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, uffiċjal edukattiv tal-Malti, u kollega mill-Fakultà tal-Edukazzjoni. Imma m’iniex se niffoka fuq hekk illum: se ngħid biss li l-Malti mhux qed imut għax it-tfal qegħdin joqtluh; jekk xejn qed jogħtor minħabba l-għażliet tagħna l-kbar, fosthom tagħna l-ġenituri u l-edukaturi, li l-effetti tagħhom narawhom imbagħad fl-għażliet li jagħmlu t-tfal. 

Veru, il-problema tal-preżenza imponenti, kultant prepotenti, ta’ ċertu tip ta’ Ingliż qed iħossuha numru ta’ pajjiżi; imma dan m’għandniex nużawh bħala skuża biex infarfru mir-responsabbiltà tagħna lkoll, bħala ġenituri u edukaturi, fi proċess li jidher li qed iċaħħad lil uliedna mill-ħakma tal-Malti, qabelxejn, u ta’ lingwi oħrajn. L-ippjanar tal-lingwa huwa meħtieġ. Dan proċess li jekk ma nippjanawx jista’ jwassalna għal monolingwiżmu għażżien u t-telfien tal-lingwa millennarja tagħna, lingwa li twieldet, trabbiet u kibret hawnhekk. Ejja ma ninħbewx wara subgħajna: jekk jiġri hekk, kif qed jiġri bl-ambjent naturali tagħna, ir-responsabbiltà mhux se tkun ta’ Lady Gaga, jew tal-influencers, jew tal-kummentarji tal-futbol bl-Ingliż, jew tar-riħ mit-Tramuntana forza tmienja, imma tagħna. Għax aħna għandna influwenza kbira ħafna fuq uliedna, fuq it-tfal u ż-żgħażagħ fl-iskejjel tagħna.

Il-Forza tal-Lingwa Hemm Barra

Fl-ewwel xogħol tiegħi bħala għalliem fl-1992 għallimt l-Ingliż fi skola ewlenija tas-snajja’ li kellna dak iż-żmien, l-Umberto Calosso. Imbagħad mort ngħallem is-Sixth Form ta’ Kordin, fejn illum hemm l-MCAST, u wara l-Junior College, fejn qattajt ħafna snin, u l-Università. Imma l-ikbar esperjenza bħala edukatur, bħala għalliem, naħseb li ħadtha fil-volontarjat, fix-xogħol li konna nagħmlu mat-tfal f’komunitajiet żvantaġġati fi bnadi differenti ta’ Malta u barra minn Malta. Naħseb li f’dawk l-erbatax-il sena ta’ volontarjat regolari f’Malta u kull sajf għal mill-inqas xahar f’pajjiżi u kontinenti differenti, tgħallimt ħafna mill-għalliema li kien ikun hemm magħna, fosthom kollegi li jinsabu hawnhekk illum. Il-lingwa dejjem kienet għodda fundamentali. Għax bil-kliem tisma’, tifhem, tistaqsi, tispjega, tibni ħbiberija, tifhem sitwazzjonijiet soċjali u kulturi. Iktar ma tkun taf il-lingwa u l-lingwaġġ, iktar hemm ċans li jqisuk ta’ ġewwa.

Naħseb li din il-ħila li nifhmu l-lingwa u nitkellmuha b’ċerta ħeffa qatt ma kienet kruċjali daqskemm hi llum. Għax illum imdawrin bil-lingwa. Insibuha ma’ wiċċna kullimkien. Fl-istejjer li jirrakkuntawlna fil-mezzi tax-xandir; fl-ispjegazzjonijiet u l-keded li jagħtuna fuq il-post tax-xogħol; fil-kuntatti kontinwi bil-kliem permezz ta’ firxa sħiħa ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni; fis-safar li nsiefru; fil-firxa kbira ta’ relazzjonijiet ta’ kull tip li nibnu; fis-servizzi u l-prodotti li nixtru; fil-kanzunetti, fl-istand up comedy u l-kummiedji li nsegwu; fil-films u s-sensiliet televiżivi li nikkunsmaw; fl-aħbarijiet li nisimgħu u naqraw. Veru li hemm is-sinjali, l-emojis, il-memes, il-clips, ir-reels, u l-filmati, imma veru wkoll li ninterpretaw u nifhmu l-kumplessità tad-dinja ta’ madwarna u ta’ ġo fina ħafna drabi permezz tal-lingwa tal-kliem. 

F’ċertu sens, lingwa hija dinja għaliha għax titwieled u titrabba f’dinja għaliha. Il-Malti nibet hawn, fil-gżejjer tagħna, aktarx f’nofs is-seklu ħdax, u ilu iktar minn elf sena jikber fil-ġeoloġija fiżika u umana ta’ din l-art, fil-ħamrija tagħha, fil-klima tagħha, fil-majjistral u l-grigal u x-xlokk ta’ din l-art. Il-Prof. Joseph M. Brincat, lingwista prinċipalment tat-Taljan, sejjaħ il-ktieb tiegħu fuq l-istorja ta’ lsienna, Il-Malti: Elf Sena ta’ Storja (PIN, 2000). Bilkemm tista’ timmaġinaha: lingwa li ilha aktar minn elf sena ttektek fuq in-nar tal-istorja, dejjem titħawwar b’ingredjenti ġodda, bi kliem, espressjonijiet, tifsiriet, sfumaturi, sentimenti, sensazzjonijiet, u assoċjazzjonijiet mentali ġodda. U aħna hawn, nieklu minn din ir-riċetta qadima u dejjem ġdida, u fl-istess ħin “insajru fiha” aħna wkoll, konsumaturi u kreaturi fl-istess  ħin. Dan privileġġ kbir. 

Meta twieldu wliedna, jien u l-mara tiegħi Nathalie ħlifna li rriduhom inkunu parti minn din l-istorja unika, u għalhekk kellimniehom dejjem bil-Malti u fl-istess ħin esponejniehom kemm flaħna għal lingwi oħrajn, fil-każ tagħna l-Ingliż, it-Taljan, il-Ġermaniż, u l-Għarbi, anki għax dawn kienu l-għażliet tagħhom. Imma qabelxejn il-Malti, u kont niddejjaq ħafna meta l-kbar kienu jkellmu lilna bil-Malti u lilhom, kważi awtomatikament, bl-Ingliż, ħjiel forsi ta’ paternaliżmu neokolonjali. Kellimniehom bil-Malti għax huwa wirt uniku, il-lingwa speċjali tagħna. Għalhekk ommijietna u missirijietna għamluha l-lingwa tan-nazzjon, l-unika lingwa nazzjonali. Mhux biex iwarrbu lingwi oħra, imma biex jagħtu l-ġieħ li jixraqlu lil ilsien li twieled hawn aktar minn elf sena ilu u issa ilu ferm iktar hawn minna. Ħdejn din il-lingwa għalliema, aħna trabi tad-dirgħajn, imsaħħrin b’din ix-xorti li missitna li hemm lingwa li ilha tistenniena nitwieldu elf sena, lingwa li nistgħu nagħtuha elf sena oħra ta’ nar bati u ħwawar.

Il-Malti jsawwarna bħala bnedmin bil-mod uniku tiegħu, anki fil-mod kif nifhmu l-ambjent naturali tagħna. Fl-artiklu tagħhom “Language matters for biodiversity” f’BioScience (Vol 74, no 5, May 2024) Robert D Fish et al jgħidu li l-lingwa għandha sehem fundamentali fil-proċess tal-konjizzjoni umana, “so it follows that language provides one essential basis from which reasoning and sense making about the natural world occurs. It is through language that people’s experiences of nature are processed and represented in thoughts, and knowledge of nature is constructed and communicated” (333). Jiġifieri r-relazzjoni tagħna mal-ħolqien f’Malta ssawret minn ilsienna, u dan ma jgħoddx biss għall-ismijiet tal-ħlejjaq imma huwa ħafna iktar mifrux minn hekk.

Fl-istess ħin, kemm jagħmel sens li l-verżjoni aġġornata bl-Ingliż tal-ktieb ta’ Joseph Brincat dwar l-istorja tal-Malti jisimha Maltese and other languages: a linguistic history of Malta (Midsea, 2011). Għax għalkemm il-Malti huwa l-uniku lsien li twieled u trabba hawn, f’dan l-ambjent naturali u uman, f’Malta minn dejjem kien hawn ilsna oħra, u r-rispett veru lejn ilsien, aktarx iqanqal rispett lejn ilsna oħra. L-għarfien profond ta’ lsien jgħinna biex napprezzaw u nifhmu ilsna oħra, għax kull ilsien ġej minn ilsna oħra u kontinwament jitħallat magħhom.

Minħabba d-dominanza ta’ ċertu tip ta’ Ingliż Amerikanizzat tal-mezzi soċjali, nibża’ li mexjin minn banda lejn monolingwiżmu Ingliż, u mill-banda l-oħra lejn il-banalizzazzjoni tal-lingwa, fis-sens Malti, naturalment. Skont il-lingwista Żvizzeru Balthasar Bickel ikkwotat minn Brigitte Blöchlinger f”Languages Benefit from Biodiversity” (UZH Magazin ta’ Universität Zürich, 2024), anki jekk l-Ingliż jinfirex ma’ kullimkien qisu “ħaxixa invażiva,” in-nies xorta se jfittxu rotot differenti biex ma jinbelgħux huma wkoll. Din il-ġibda biex anki l-Maltin ikunu differenti se teħodna lejn l-Ingliż-Malti biss? Il-verżjoni Maltija tal-Ingliż, leġittima kemm hi leġittima bħala varjetà lingwistika? Aħna dak li rridu għall-istudenti tagħna, għal uliedna, għal ulied uliedna? 

Il-lingwista Balthasar Bickel

Skont Bickel, jidher li l-ġibda lejn id-“diversifikazzjoni,” anki fejn tidħol il-lingwa, hija istintiva. “After all, when learning a language, young children pick up more than the language alone: they also acquire the specific worldview, communication rules and value systems inherent to their native tongue, which differ from those of other languages.” Għalhekk il-funzjoni tal-Malti fl-esperjenza tagħna bħala bnedmin hija unika. Mhux il-lingwa Maltija hija unika, imma anki l-esperjenza tad-dinja li tittrażmettilna.

Qabelxejn, Pjan għal-Lingwa

F’Malta tal-lum, però, fejn m’għandniex politika lingwistika nazzjonali, fejn għandna lsien nazzjonali u tliet ilsna uffiċjali imma ma nafux x’inhuma rwoli differenti tagħhom f’sitwazzjonijiet u mumenti differenti, jista’ jkollna konfużjoni, anki għaliex minbarra l-Malti, l-Ingliż u l-lingwa Maltija tas-sinjali għadna għexieren ta’ lingwi oħra. Is-Sibt li għadda għamilna konferenza nazzjonali fuq din il-problema nazzjonali u ħarġu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom minn dokumenti dwar il-lingwi fl-iskejjel tal-istat fis-snin bikrin u fil-primarja. Imma m’għandniex politika nazzjonali.

Il-konferenza “Il-Malti f’Politika Lingwistika Nazzjonali,” is-Sibt, 3 ta’ Mejju 2025 (Ritratt ta’ Elisa von Brockdorff)

Għaldaqstant, inħeġġiġkom biex tfasslu l-politika lingwistika tagħkom, biex f’din il-gżira żgħira u kburija, il-ħuta l-kbira ma tikolx iż-żgħira, biex il-lingwaġġi tal-imperi l-kbar ma tifqax l-essenza fil-flixkun iż-żgħir tagħna. Għax jekk inħassru elf sena ta’ storja, elf sena ta’ esperjenza tal-ħajja u tal-ambjent miġburin f’lingwa waħda, kif se nġibu lura r-rikkezza kulturali u prattika li nkunu tlifna?

Il-punt kollu hu li biex ikollna l-lingwa internazzjonali tagħna, m’hemmx għalfejn noħonqu l-lingwa unika tagħna. Mhux Malti jew Ingliż, imma sempliċiment Malti u Ingliż, u magħhom il-lingwi l-oħra kollha li għandna x-xorti nilqgħu fostna. Kif se jgħixu flimkien f’dar waħda? Bil-ftehim. Bir-regoli. Bil-loġika li tpoġġi fuq quddiem nett id-dritt tal-istudenti li jkollhom il-mezzi kollha biex jilħqu l-milja tagħhom fil-ħajja, biex jifhmu u japprezzaw il-ħajja ta’ madwarhom, studenti li jgħixu f’Malta u Għawdex, mhux fi New York jew Youtube; li d-dinja reali tagħhom, tad-demm u l-laħam, hija qabelxejn Malta. Qabelxejn hawn. Qabelxejn fil-Malti. Mhux biss, ovvjament. Imma qabelxejn hawn.

Għalhekk l-edukazzjoni formali ta’ dawn l-istudenti tiddependi mill-edukaturi, minna, minnkom, mid-deċiżjonijiet li tieħdu. Mill-politika lingwistika li tfasslu għall-iskola tagħhom bi sħab mal-għalliema u b’widnejkom miftuħin għal dak li jgħidu l-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Imma qabelxejn, intom. Għax intom il-professjonisti. Intom l-edukaturi.

Fejn tidħol il-lingwa, naħseb li l-mistoqsija fundamentali li rridu nistaqsu hija din: l-edukazzjoni li nagħtu lill-istudenti se tkun aħjar jekk jitgħallmu sew il-Malti, u miegħu l-Ingliż u idealment lingwi oħra? Se jkunu bnedmin iktar “sħaħ,” se jkollhom opportunitajiet ikbar, se jirrispettaw aktar lill-art li jgħixu fiha u aktarx twieldu fiha? Se nkunu tajniehom edukazzjoni aħjar jekk nagħtuhom, qabelxejn, għarfien sħiħ tal-lingwa tagħhom? Se nfaqqru lilhom u lis-soċjetà li jgħixu fiha jekk inċaħħduhom mil-lingwa ta’ pajjiżhom, tal-pajjiż fejn jgħixu? Jekk mhux se jkollhom ħakma tajba tal-Malti, se jħossuhom bħal dawk il-barranin li jħossuhom maqtugħin mis-soċjetà li jgħixu fiha? Se jħossuhom qishom barranin f’pajjiżhom? Se jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn il-Maltin sħabhom jgħadduhom biż-żmien u lanqas ikunu jafu x’qed jagħmlulhom? Għax mhux biżżejjed tkun taf it-tifsira tad-dizzjunarju; trid tkun taf il-kelma jew l-espressjoni kif tintuża fil-ħajja ta’ kuljum, inkella jkollok għarfien limitat u fqir tal-lingwa. U jgħadduk biż-żmien. Jgħadduk minn għajn il-labra. Ipejpuk, jgħadduk bil-pipa, u lanqas ixxomm id-duħħan.

Jekk se jkollna studenti li m’għandhomx ħakma tajba tal-Malti, se jkollna soċjetà inqas magħquda, fejn in-nies mhux se jkunu jistgħu jitkellmu l-istess “lingwa”? Se jkollna aktar segregazzjoni bejn komunitajiet differenti? Mingħajr il-Malti se jkollna soċjetà aktar kburija bil-kultura tagħha, aktar kunfidenti, aktar mgħallma? Jew ġisem imċaħħad, letteralment, minn ilsienu stess? Il-messaġġi li se tibagħtu intom, bis-sinjali u l-avviżi li jidħru fil-klassijiet u fil-kuruturi tal-iskola, bil-lingwa li tużaw fl-assembly, fid-diskorsi ta’ Jum il-Premjijiet, fil-quddies, fl-attivitajiet sportivi, fil-kunċerti, fid-drammi, fuq il-palk, fil-laqgħat tagħkom mal-ġenituri, se jkunu ferm iktar b’saħħithom, u se jħallu ferm iktar effett fuq l-istudenti u l-ġenituri minn kull ħaġa li qed ngħid jiena llum.

“Il-Malti” ma’ aktar minn mitt lingwa oħra fuq ħajt fit-taraġ prinċipali tal-Inalco, Pariġi

F’idejkom għandkom il-futur tat-tfal u ż-żgħażagħ li l-edukazzjoni tagħhom fdawha f’idejkom. Il-messaġġi dwar l-importanza tal-Malti se jiħduhom mhux minn dak li tgħidu fuq il-Malti imma minn dak li tagħmlu intom bil-Malti. Se jaraw kemm hu importanti l-Malti minn kemm tagħtuh importanza intom bħala l-lingwa nazzjonali millennarja tagħna, minn kemm l-iskejjel tagħkom jużawh b’mod korrett u kreattiv, b’mod sabiħ imma anki mexxej, b’mod li jesprimi bl-aktar mod elokwenti l-ideat u l-esperjenza tagħna f’dawn il-gżejjer u lil hinn.

Mingħajr il-Malti bħala lingwa ewlenija l-edukazzjoni tal-istudenti se tkun aħjar jew agħar? Se nippreparawhom aktar jew anqas għall-ħajja t’hemm barra, lil hinn minn dawn il-klassijiet kennija.

The loss of a community’s own language has dramatic consequences. When a group is deprived of its language, it loses a large part of its identity, its sense of belonging to a place, and familiarity with its peers, Bickel says. “The loss of a community’s language has the potential to cause massive social and psychological damage,” the linguist continues, “because language is an essential part of human identity.”

Għalissa l-iskejjel tal-Knisja aktarx huma l-inqas li qed iħabbtu wiċċhom mar-realtaijiet kumplessi ta’ studenti barranin li ma jafux bil-Malti, jew li la jafu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż; għalissa aktarx mhux qed ikollkom studenti barranin li jidħlu f’nofs sena skolastika u jridu jaraw kif se jintegraw ruħhom fil-ħajja soċjali u skolastika, imma ’l quddiem l-affarijiet jaf jinbidlu. Jekk tħejju minn issa politika lingwistika kemm jista’ jkun komprensiva, kulħadd ikun jaf fejn hu u kif jimxu l-affarijiet. B’hekk l-istudenti u l-ġenituri jingħataw l-opportunijiet kollha possibbli u fl-istess ħin ħadd ma jħossu barrani f’soċjetà li fiha l-Malti, kif juri l-istħarriġ kollu li jsir, huwa l-lingwa ewlenija tal-pajjiż. Id-dmir tagħna mhuwiex li nsalvaw il-Malti – għax jekk imut ikun tort, qabelxejn, tal-għażliet tagħna bħala edukaturi; id-dmir tagħna huwa li naraw kif se jissaħħaħ biex l-istudenti tal-lum u l-adulti ta’ għada jkollhom l-aqwa għodda f’idejhom biex ikunu ċittadini responsabbli Maltin u fl-istess ħin ċittadini tad-dinja. 

Bickel jagħti importanza kbira lill-edukazzjoni formali fejn tidħol il-lingwa.

“The most important factor for a language to survive is school education.” This is because education is mainly conducted through language, and language is fundamental: without it, a range of different human traits and achievements wouldn’t develop at all, especially the awareness of personal identity.

Malta pajjiż żgħir. Minkejja li l-popolazzjoni dejjem qed tikber, naħseb li l-influwenza pożittiva li jista’ jkollna kull waħda u kull wieħed minna hija kbira, għax il-kelma tiġri malajr u l-eżempju jkaxkar iktar faċilment. Fl-istess ħin, l-għażliet it-tajbin jitfasslu u jitwettqu bil-mod, għax jibnu fuq is-sod, imma jekk ikun hemm min irid jeqridhom, jiġġarrfu malajr. Għalhekk ma nistgħu ninħbew wara ċ-ċokon individwali ta’ kull waħda u wieħed minna: ir-responsabbiltà individwali tagħna hija kbira. Il-Malti ilu jistenniena elf sena u fuqhom. Issa f’idejna.


Leave a comment