Illum il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju 2025 kelli l-opportunità nkellem lill-istudenti tat-tielet sena tas-sekondarja tas-Seminarju ta’ Għawdex dwar is-sehem tal-letteratura fil-ħajja tagħna llum u dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol għall-gradwati tal-Malti.
L-istedina min-naħa tas-Seminarju waslet bl-inizjattiva ta’ Luke Refalo, l-assistent URP tal-Għaqda tal-Malti u bl-għajnuna tal-għalliem, is-Sur Anthony Grech u l-kollegi tiegħu tal-Malti. Dun Charles Sultana, il-Kap tal-Iskola tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù kien preżenti wkoll għat-taħdita u għalaq b’messaġġ dwar l-importanza tal-Malti f’pajjiżna kemm illum u kemm fil-futur.
















Tħaddim Speċjali tal-Lingwa
Għalija l-letteratura hija mod speċjali kif nużaw il-lingwa, imma hija wkoll mod kif nirrakkontaw u niddiskutu l-ħajja u l-esperjenza tas-sabiħ. Għax jekk tneħħi l-esperjenza tas-sabiħ, l-esperjenza estetika, tkun neħħejt t-tip ta’ gost, it-tip ta’ pjaċir li nħossu, ngħidu aħna, meta nisimgħu kanzunetta sabiħa jew naraw film tajjeb.
Il-letteratura kapaċi tirrakkonta affarijiet ta’ kuljum, bħal tfajla tħares lejha nfisha fil-mera, jew toħloq avatar, bħal fis-silta mir-rumanz Magna Mater ta’ Loranne Vella li studjaw dawn l-istudenti din is-sena. L-importanti li dan tagħmlu b’użu speċjali tal-lingwa. Mhux kliem speċjali imma użu speċjali tal-kliem.
Meta tikteb il-letteratura tista’ żżur postijiet li qatt ma żort; tidħol f’relazzjonijiet li qatt ma kellek; tikkrea dinjiet li ma jeżistux; issir persuna li qatt ma kont u forsi qatt m’int se tkun, ngħidu aħna għaddas f’qiegħ l-oċean, footballer magħruf, bidwi fl-Arġentina, qattiel… Tista’ ġġarrab esperjenza li fil-ħajja reali jista’ jkun li ma tistax iġġarrabha.
Dan jgħodd iżjed u iżjed għall-esperjenza tagħna bħala qarrejja tal-lettteratura. Il-qari jiftaħ id-dinja tagħna beraħ. Il-letteratura teħodna postijiet li qatt ma żorna; tlaqqagħna ma’ nies li qatt ma ltqajna magħhom; iddaħħalna f’sitwazzjonijiet li qatt ma sibna ruħna fihom; tikxfilna ħsibijiet, emozzjonijiet u xewqat li hemm ġo fina wkoll imma qatt ma konna ndunajna bihom.
Il-Letteratura f’Epoka Ultramedjatika
Naħseb li llum, f’dinja tant medjatika, fejn isibuk kullimkien, jarawk u josservawk minn kif u meta jridu, u ma jħallukx bi kwietek, il-letteratura toffrilna libertà ġdida: il-libertà li naqraw kif u kemm u fejn irridu; il-libertà li nieqfu, naħsbu, nhewdnu, nixtarru, u mbagħad inkomplu naqraw meta jogħġobna. Il-qari jeħodna fejn irridu.
Screen jaħkmek, jikkapparrak, jiddominak, ma jħallilekx wisq spazju għal-libertà tiegħek; il-qari tal-letteratura jħallik timraħ fejn trid, bil-libertà kollha. U llum tant hawn x’taqra. Anki bil-Malti.
Il-letteratura tkellimna b’mod sabiħ u intelliġenti dwar il-ħajja; tkellimna b’mod sabiħ anki meta tirrakkontalna affarijiet koroh, bħal meta tibki waqt li tkun qed tara film u, wara, int u timsaħ id-dmugħ, tgħid lilek innifsek kemm kien sabiħ.
Għax hemm differenza, almenu fit-teorija, bejn dak li titkellem fuqu l-letteratura, u l-mod kif titkellem fuqu, bejn il-kontenut u l-forma. Il-letteratura hija mod memorabbli kif titkellem fuq il-ħajja: b’poeżija, kanzunetta, novella, rumanz.
Il-letteratura titkellem fuq il-ħajja, fuq il-ħajja tagħna wkoll, anki fuq is-sitwazzjonijiet diffiċli li lkoll ngħaddu minnhom: F’Magna Mater, ngħidu aħna, hemm din is-silta:
Ma setgħetx ma tinkwitax għal Jamie. Kienet taf kemm kienu jweġġgħuh minn ġewwa l-ġlidiet li kien ikollhom ommu u missieru d-dar ta’ spiss. Qatt ma kienet hemm meta kellhom xi jgħidu. Imma l-istampa ta’ ommu u missieru jgħajtu f’wiċċ xulxin bil-mibegħda tinbeżaq minn fommhom setgħet taraha ċara daqs il-kristall f’moħħha.
Minħabba r-rabta max-xogħol tal-iskola – li mnalla tkun hi, ħafna drabi, li tlaqqagħna magħha – il-letteratura sikwit inħarsu lejha bħala problema li trid issolvi, tisliba li trid timlieha.
Imma fil-letteratura hemm, qabelxejn, is-sabiħ. Il-gost li taqra xi ħaġa sabiħa. Mhux bilfors tifhimha, għax din mhix equation jew alġebra; imma xorta titpaxxa biha għax sabiħa; bħal meta tara ritratt qisu pittura, jew fotografija poetika f’film. Li tifhimha, kultant, mhix l-iktar ħaġa importanti. Kultant iktar importanti li titpaxxa biha, bir-ritmu, bix-xbihat, bil-ħsejjes, bir-rima, bid-deskrizzjoni, bid-diskors li jintqal, bl-ironija, bl-anafora u l-alliterazzjoni, bir-ripetizzjoni f’waqtha.
Il-poeżija “Bħal Minutiera” ta’ Lillian Sciberras titkellem fuq it-tfulija u għalhekk fuq iż-żmien li jgħaddi, fuq ix-xjuħija, fuq dak li iktar ma jgħaddi żmien minn fuqu iktar jinħass in-nuqqas tiegħu. F’dik il-poeżija, Sciberras jirnexxilha ssib il-kliem, il-frażijiet, ir-ritmu, ix-xbihat li jwasslulna l-emozzjonijiet li jqanqlu fiha t-tifkiriet kbar tat-tfulija, tifkiriet li iktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuqha iktar issir preżenti.
Il-Gost tal-Mument
Kultant nistaqsi lili nnifsi għaliex nara l-futbol, għaliex inqatta’ l-ħin nara logħbiet li se jintesew u li l-importanza tagħhom tisfuma mill-ewwel, mhux bħal rumanz jew poeżija tajba, li wara li naqrahom nibqa’ ngħożżhom, u jibqgħu importanti u relevanti.
Naħseb li nibqa’ nara l-futbol għax infittex storja tajba, emozzjonijiet, is-sabiħ, avolja naf li se jkunu importanti u speċjali għalija għal dawk id-disgħin minuta biss; il-letteratura għandha relevanza iktar fit-tul, imma fit-tnejn hemm it-tiftixa tal-emozzjonijiet, ta’ storja, tas-sabiħ.
Iktar ma tikkomplika ruħha l-ħajja, iktar ma jiġru warajna l-aħbarijiet, iktar għandna bżonn il-mezzi u l-ħin biex nassorbu u nixtarru dak li jkun qed jiġri madwarna u ġo fina, u għalhekk iktar għandna bżonn il-letteratura.
Adrian Grima