Nhar it-Tlieta 6 ta’ Mejju 2025 kelli l-opportunità nkellem lid-diriġenti ta’ għadd ta’ skejjel tal-Knisja dwar l-importanza tat-tagħlim tal-Malti u tal-lingwi b’mod ġenerali, speċjalment fid-dawl tal-fatt li ma teżistix politika lingwistika nazzjonali.
Fid-diskors tiegħi dwar “Il-Malti Li Ilu Jistenniena Elf Sena,” insistejt fuq ir-responsabbiltà li għandna aħna bħala edukaturi fit-trawwim tal-lingwa Maltija fost l-istudenti. Bil-ħidma u bil-konvinzjoni tagħna nistgħu nagħmlu ħafna ġid. Fuq kollox, bl-eżempju tagħna u bil-qafas li noħolqu nistgħu nagħtu lill-istudenti l-edukazzjoni lingwistika sħiħa li jistħoqqilhom u jixirqilhom f’dinja li fiha ħafna minn dak li jiġri madwarna jiddependi mill-kelma u l-ħila tagħna li nħaddmuha u ninterpretawha. F’Malta dan ifisser, qabelxejn, il-Malti, l-ilsien nazzjonali; imbagħad l-Ingliż, u kwalunkwe lingwa oħra li tgħinna biex ikollna ħajja aktar sħiħa u opportunijiet akbar ta’ xogħol.
Il-kwistjoni mhix il-Malti JEW l-Ingliż JEW it-Taljan JEW il-Franċiż JEW l-Għarbi, u l-bqija, imma l-għarfien tal-Malti U l-Ingliż u kull lingwa oħra. Iktar ma nkunu nafu lingwi mal-Malti u miegħu l-Ingliż iktar se jkollna edukazzjoni sħiħa li tagħmilna bnedmin u ċittadini kapaċi.
__
“Seminar dwar l-importanza tal-lingwa Maltija fl-iskejjel organizzat mill-grupp ta’ ħidma għall-Malti, is-Segretarjat u CSA. Ħarġu ħafna punti importanti u prattiċi tajbin biex inkomplu naħdmu flimkien għat-titjib tal-lingwa nattiva. Ġie wkoll imniedi proġett ta’ rikonoxximent għall-użu tal-Malti fl-iskejjel. Grazzi wkoll lill-Prof Adrian Grima tal-kontribuzzjoni tiegħu u lil St. Dorothy’s Senior School tal-ospitalità.”

One thought