Il-Mergħat il-Ġodda tal-Malti

Waħda mill-ikbar sfidi għall-esejisti l-ġodda hija r-relazzjoni mal-lingwa. Mhux għax din mhix sfida ta’ kull awtriċi u awtur, dejjem u kullimkien, imma għax l-esej bil-Malti, fil-forma l-ġdida tiegħu, l-esej eċitanti li jistħarreġ l-esperjenza personali f’dinja kkumplikata mimlija lingwi u lingwaġġi, irid jitqabad ma’ suġġetti ġodda li sikwit jitolbu espressjoni ġdida, jew attitudni ġdida lejn l-użu tal-lingwa.

Territorju Ġdid

L-esej huwa territorju ġdid għal-letteratura Maltija għax iġib flimkien għadd ta’ elementi f’pakkett lingwistiku kreattiv mhux tas-soltu:

  • ir-rakkont personali fl-ewwel persuna singular
  • l-aneddotu, li kultant jista’ jinħass qisu tbegħid mis-suġġett, imma aktarx ma jkunx
  • il-varjetà fir-ritmu tar-rakkont jew narrazzjoni minħabba l-lingwaġġi differenti li joffri
  • ir-riflessjoni fuq il-kwistjonijiet kbar li jolqtuna bħala bnedmin, imma anki bħala ċittadini ta’ ħolqien ferm ikbar minna bħala bnedmin
  • ir-riferiment għal testi oħrajn, għall-kliem u l-frażijiet ta’ ħaddieħor li jgħinu lill-kittieba jsawru l-ħsieb tagħhom u jikxfu rkejjen ġodda
  • l-esplorazzjoni ta’ triq, ta’ rotta, waqt il-kitba nfisha, u għalhekk kitba li ssir, fil-qofol tagħha, mingħajr pjan fiss, li tfittex fejn sejra hi u tinkiteb
  • l-għażla ta’ diskors fl-ewwel persuna minn pożizzjoni ta’ vulnerabilità, jew saħansitra ta’ dgħufija
  • id-diskors dwar l-issa, l-immedjat, imqar jekk jitqiegħed fil-kuntest temporali ferm usa’ tiegħu
  • l-għarfien ta’ ġeneri differenti u s-sensibilitajiet li jġibu magħhom u li jarrikkixxu l-għarfien u l-esperjenza tal-qarrejja
  • il-possibbiltà li l-esej Malti bil-Malti jsir ukoll fenomenu orali, moqri, bil-varjetà kollha li dan iġib miegħu

Għalhekk l-esej bil-Malti jirrappreżenta vjaġġ letterarju u lingwistiku f’mergħat ġodda. Kitba li tħuf, biex nissellef verb li jħobb juża Omar N’Shea f’kuntest differenti (u mhux). Kitba li kontinwament tipprova tħares lejn illum u kuljum minn angoli oħra. Kitba li tgħarrex l-esperjenza tagħna f’Malta (u barra minn Malta) fil-kuntest ta’ realtà li qed tinbidel b’rata tant mgħaġġla li naħseb li qatt ma rajna bħalha.

Dawn l-isfidi ħarġu sew waqt id-diskussjoni bejn l-awturi quddiem l-udjenza li mliet is-sala żgħira u intima tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke fl-24 ta’ Jannar 2024, attività organizzata mil-librar, Rafel Grima. Waħda mit-temi rikorrenti, imma mhux daqshekk prominenti., fid-diskussjoni bejn Raylene Abdilla, Kurt Borg, Noah Fabri, u Omar N’Shea kienet il-lingwa. Il-kuraġġ tal-lingwa. Jew il-kuraġġ li tesperimenta bil-kliem, bil-frażijiet, bit-tifsiriet, bil-ħolqien ta’ kliem ġdid, bit-twessigħ semantiku ta’ kliem antik, bl-għoti ta’ tifsiriet ġodda lil dawk stabbiliti. Il-kuraġġ tal-avventura u l-iżball.

F’bosta waqtiet, il-kelliema rreferew għall-possibilitajiet differenti li qed jesploraw u jinqdew bihom l-esejisti l-ġodda. Bl-għajnuna tal-ftit noti li ħadt jien u nisma’ l-kelliema, nixtieq inħares lejn xi eżempji. Imma tistgħu tisimgħu ħafna mid-diskussjoni li saret hawnhekk.

Ħin minnhom, Noah Fabri użat l-aġġettiv “imġissem,” li normalment ifisser mibni, fih persuna, anki mmuskolat, qisu skolpit, u għalhekk sesswalment sabiħ u attraenti. Imma Noah użatu fil-kuntest tar-relazzjoni tagħna ma’ ġisimna, mal-mod kif l-esperjenzi tagħna huma marbutin ma’ ġisimna, kultant ikkundizzjonati minnu. F’dan is-sens, dan l-aġġettiv ingħata tifsira oħra, dimensjoni ġdida. Hija estensjoni naturali, loġika, tan-nom “ġisem,” tal-aġġettivi “imġissem,” “imġissma,” “imġissmin,” għall-għarfien tagħna tas-sehem ta’ ġisimna f’esperjenzi u perspettivi li qabel ma konniex nassoċjawhom jew nidentifikawhom miegħu. Esperjenza mgħixa bil-ġisem.

Naħseb li l-għażla li tingħata dimensjoni semantika ġdida lil aġġettiv nistgħu nqisuh kulturalment problematiku bħal “imġissem” hija interessanti għax bħallikieku tisfida l-fehma li l-ġisem huwa oġġett li tħares lejh qisu monument, priża, jew trofew. L-użu ta’ Noah tal-aġġettiv “imġissem” jagħti lura l-ġisem lill-persuna biex isewwi, ngħidu aħna, ir-relazzjoni bejn il-kuxjenza u l-ġisem, bejn il-ġisem u l-innifsi. (Kurt Borg jiddiskuti din il-kelma hawnhekk.)

Parentesi għall-Kirjanza

Raylene Abdilla ħarġet b’dik li għalija kienet l-isbaħ espressjoni tas-serata, “il-kirjanzi ta’ kuljum.” Jekk niftakar sew użatha fil-kuntest ta’ dak li jagħmel (tagħmel) l-esej. “Kirjanza” kelma sabiħa. Mhux biss għax naħseb li għadni mikrum wara l-ħoss tal-“k.” “Kirjanza” kelma magħrufa imma mhux kelma komuni. Bħal “mikrum,” minn “korom,” jiġifieri “ntilef wara; inkileb għal.” Hemm kollox sabiħ f’dik il-frażi ta’ Raylene Abdilla, “il-kirjanżi ta’ kuljum,” mill-prominenza tal-“k,“ sal-plural “kirjanzi” li jorbot sew mal-ispeċi ta’ plural li hemm mistur fil-kelma “kuljum.” Naħseb li s-singular “kirjanza” huwa ferm iktar komuni mill-plural. U għalhekk l-effett tal-mhux tas-soltu jinħass aktar.

Jien inħobb nuża l-espressjoni “Għall-kirjanza,” li kultant għandha funzjoni ftit negattiva, għax tużaha meta l-affarijiet isiru għad-dehra, “għall-kirjanza,” għall-bżonn, jew minħabba d-drawwa. Imma qabelxejn hemm it-tifsira: f’Il-Miklem Malti, Erin Serracino Inglott jiddefinixxi “kirjanza” bħala “mġiba tajba, sewwa, kif jixraq, ma’ ħaddieħor; drawwa xierqa quddiem in-nies fil-mod kif wieħed iġib ruħu; galbu; trattament (fil-kliem, fit-taħdit) ta’ ġabra, ta’ edukazjoni speċjalment fis-soċjeta.” Serracino Inglott kellu din il-ħabta jispjega kelma bil-kelmiet u l-frażijiet differenti li jiġuh f’rasu, u jdawwar id-dizzjunarju tiegħu f’teżawru, drawwa li lili ma tkiddni xejn, għax nisimgħu jkellimni fil-qrib mill-bogħod tal-miklem monumentali tiegħu.

Mad-definizzjoni l-lessikografu jagħti l-espressjoni “bla kirjanza,” jiġifieri “nuqqas ta’ mġiba xierqa; mġiba ta’ pastaż, ta’ wieħed ma jafx iġib ruħu sewwa; li mhux edukat, ma jafx kif imorru l-affarijiet man-nies.” Imbagħad jagħti wkoll “malkirjanza,” li jeħodha mid-dizzjunarju Ingliż-Malti ta’ Dun Karm Psaila u li tfisser “imġiba ħażina, nieqsa mill-edukazzjoni; pastażata; eż. Li tobżoq fejn ġie ġie hi malkirjanza kbira, l-aktar quddiem in-nies. “Kirjanza” ġejja mill-Isqalli “crianza,” edukazzjoni; l-affarijiet iridu jsiru bil-“crianza,” bl-edukazzjoni. “Bona crianza,” tfisser “Buona educazione;” “Mala crianza” ovvjament tfisser “Cattiva educazione,” u “I cosi s’ànn’a-ddiri cu bona crianza” tfisser “Le cose si dicono educatamente;” l-affarijiet, jgħidu l-Isqallin, trid tgħid bil-“crianza,” bl-edukazzjoni. Fil-Malti l-użu huwa simili, imma mhux l-istess. Ma tistax tgħid “Kellimha bil-kirjanza,” imma tgħid “Aħjar tgħidilha, għall-kirjanza,” kważi kważi biex turi r-rispett tiegħek lejha.

Sabiħa wisq din tal-“kirjanzi ta’ kuljum.” Għalija huma l-affarijiet iż-żgħar li nagħmlu ta’ kuljum, jew aħjar il-ġesti, l-azzjonijiet iż-żgħar imma importanti li jimmarkaw il-ġranet tagħna, li jagħtuhom ċertu sinifikat, ċertu valur.

It-Teorija tal-Irdoss

Imbagħad kien hemm it-“teorija tal-irdoss.” Din tħabbatha sew mal-espressjoni li għadni kemm għoxejt biha. Jonqosha biss il-k. Hija t-teorija tal-intimità imma mhux proprja. Għal intimità mhix “irdoss.” Il-ħoss mhux l-istess. Is-sensazzjoni mhix l-istess. M’hemmx il-mess. Ma niftakarx sew għal xiex kienu qed jirreferu. Naħseb li kien Kurt Borg li qalha. Waħda minn dawk l-espressjonijiet sorprendenti li joħorġu bihom filosfi mikrumin wara l-kelma bħal Kurt Borg. Imma jaf ma kienx hu.

M’iniex se nisma’ r-recording tas-serata. Għax la rrid niffoka fuq min qalha u lanqas fuq it-tifsira. Għalissa jinteressa l-ħoss. Jinteressawni l-possibiltajiet li toħloq, il-konnotazzjonijiet, is-sensazzjonijiet, ir-rima li tħalli warajha. Hemm it-teorija tal-evoluzzjoni; it-teorija tar-relattività, u t-teorija ta’ kollox. U mbagħad hemm it-teorija tal-irdoss.

Jien nagħżel it-teorija tal-irdoss. Minħabba l-istramberija intima, minħabba l-ħoss.

Sorellanza

Din ħareġ biha fl-esejs tiegħu Omar N’Shea. Għal ħafna żmien kien hemm il-fratellanza. Imbagħad ġiet is-sorellanza. Ftit Femminista. Ftit Queer.

Is-sorellanza mhix xirka reliġjuża ta’ nisa flok rġiel f’isem qaddis fi ħdan knisja; mhix għaqda lajka u devota li, fost l-oħrajn, tieħu ħsieb id-devozzjoni lejn xi artal fi knisja, u takkumpanja taħt standard f’dak l-isem fil-purċissjonijiet, bħal fil-każ tal-Frattellanza tas-Santissimu Sagrament li takkumpanja s-Sagrament fil-Vjatki tal-Morda. Nistgħu forsi ngħidu li hija “xirka ta’ devoti,” imma mhux bilfors fis-sens reliġjuż tal-kelma.

La Erin Serracino Inglott u lanqas Ġużè Aquilina ma jagħtuni definizzjoni ta’ “sorellanza,” għax dak iż-żmien kienet għadha ma teżistix. Issa teżisti. Mhix biss is-solidarjetà bejn in-nisa, għax dik ilha teżisti, imma l-kelma li tiddefiniha. Se tkun fid-dizzjunarju l-ġdid tal-Malti tas-seklu wieħed u għoxrin. Fittxuha: “Sorellanza.”

U allura staqsejt lill-guru l-ġdid. Nammetti li r-risposta ssorprendietni u entużjażmatni.

Il-mistoqsija tiegħi kienet din: “X’taf tgħidli fuq il-kelma ‘sorellanza,’ jekk jogħġbok? Xi tfisser din il-kelma Maltija?”

Ir-risposta ta’ ChatGPT, mingħajr tbagħbis editorjali ta’ xejn, mingħajr żidiet u korrezzjonijet (għajr għall-grassett), kienet din:

Il-kelma “sorellanza” bil-Malti tirreferi għar-relazzjoni ta’ ħbiberija, għaqda jew solidarjetà bejn nisa, speċjalment f’kuntest ta’ appoġġ reċiproku jew skop komuni. Tista’ tintuża biex tfisser rabta bejn aħwa bniet (aħwa nisa) jew bħala kunċett usa’ ta’ sororità, fejn in-nisa jingħaqdu flimkien f’għaqdiet jew movimenti soċjali, kulturali jew reliġjużi.
Pereżempju, tista’ tintuża f’kuntesti bħal:

  • Sorellanza reliġjuża – grupp ta’ nisa fi ħdan komunità reliġjuża.
  • Sorellanza femminista – għaqda jew appoġġ bejn in-nisa fil-ġlieda għal drittijiet u ugwaljanza.
  • Sorellanza soċjali – ħbiberija u għajnuna bejn nisa f’kuntesti differenti tas-soċjetà.
    Fil-qosor, hija kelma li tesprimi sens qawwi ta’ għaqda u appoġġ reċiproku bejn nisa.

Hemm il-kelma “sororità,” li qed nassumi li ChatGPT ħadha mit-Taljan imma fil-Malti ma teżistix, u xi ftit irqaqat fil-lingwa li kieku nirranġa. Mill-bqija m’hemmx wisq x’tibdel fejn jidħol il-kliem. Id-definizzjoni mhix radikali, mhix sovversiva. Imma kollox ma’ kollox taqbad il-qofol tas-sens ta’ “sorellanza” li naħseb li jrid iwassal Omar N’Shea li sa fejn naf jien kien dak li ħareġ biha. Is-solidarjetà bejn in-nisa li jqisu lil xulxin bħala aħwa u jiddefendu d-drittijiet u d-dinjità ta’ xulxin bħala nisa.

Aphroconfuso, Antoloġija 1

Fejn jidħol il-ħolqien ta’ diskors li jirrakkonta u janalizza l-esperjenza tagħna bħala Maltin u bħala bnedmin fit-tielet deċennju tas-seklu wieħed u għoxrin, naħseb li nistgħu nagħmlu pass ieħor, pass li diġà hemm indikazzjoni ċara li sar, kemm fid-diskors tal-erba’ esejisti waqt id-diskussjoni fuq “Ħbiberija, Ħrejjef, Komunità” fil-Librerija ta’ Pembroke u kemm fil-kitbiet ta’ Aphroconfuso.

Niesna

Kultant ikollna nitilqu mill-ħtieġa li nwasslu bil-Malti kunċett jew fenomenu, bħal “kinship,” li naqraw fuqu b’lingwa oħra, u bħal Kurt Borg nikkunsidraw il-kelma “nies” bil-pronom mehmuż, “niesna,” “niesek,” “nieshom,” li għalija tkun għażla interessanti ħafna; inkella nxaqilbu lejn l-estensjoni ta’ “familja,” jew espressjoni bħal “ta’ ġewwa.”

Kultant ikollna noħolqu, jew nagħżlu li noħolqu kelma ġdida, bħal “ħufar” ta’ Omar N’Shea.

Kultant nużaw il-kliem li għandna, u noħolqu frażijiet ġodda bih, bħalma għamlu l-kelliema bil-“kirjanzi ta’ kuljum” u t-“teorija tal-irdoss.”

Imma kultant naħseb li rridu nagħmlu xi ħaġa oħra: inħarsu lejn dak li diġà hemm fil-Malti, niskopru mill-ġdid lilu, nesploraw il-konnotazzjonijiet li tant nafuhom li m’aħniex konxji xi jfissru għalina, kif nużawhom, u kif nistgħu nużawhom. Inħarsu lejn kunċetti bħal “l-irġulija” (bħalma għamel l-antropologu Jean Paul Baldacchino), jew “ta’ ġewwa,” jew lejn ċerti verbi jew frażijiet verbali, u nomi bil-pronom mehmuż, bħal “niesna,” u naraw kif jaqduna u jirrakkontawna.

F’dan il-kuntest, il-letteratura bil-Malti l-antika bil-lingwaġġ idjomatiku li warrabna, aktarx għax inħossuha mbiegħda wisq mis-sensibilitajiet u l-preokkupazzjonijiet tagħna llum, inklużi l-esejs l-antiki, taf toffrilna opportunitajiet ġodda, kliem u frażijiet li jistgħu jagħtuna lemħiet oħra, perspettivi differenti u sorprendenti.

F’dinja intellettwali ddominata mid-diskors ta’ ħaddieħor b’lingwi oħra, naħseb li dan ikun dejjem il-pass l-ieħor. Il-pass li jmiss.

Kitba u ritratti ta’ Adrian Grima | 3 ta’ Frar 2025


Leave a comment