Diskors waqt Lejla tal-Esej f’St Martin’s College, il-Ħamis 16 ta’ Jannar 2025
Għeżież għalliema, studenti u ġenituri,
Nirringrazzja lill-kollegi tiegħi Dr Kathleen Vella u s-Sur Nikola Farrugia tal-istedina biex inkun magħkom hawnhekk illum. Din hija t-tielet żjara fi ftit ġimgħat. Qed jibda jsir vizzju.
Ħallew f’idejja biex nitkellem fuq is-suġġett li nixtieq jien u għalhekk biħsiebni nabbuża mill-qalb tajba tagħhom.
Imma qabelxejn nixtieq nifraħ lid-dipartimenti tal-Ingliż u tal-Malti ta’ dan il-kulleġġ tal-inizjattiva li ħadu fuq il-kitba tal-esej ispirata mill-proġett Essays Beyond Borders immexxi mill-kollega u ħabib tiegħi l-Prof. Mario Aquilina, mutur li qatt ma jieqaf. Inizjattivi bħal din jagħtu l-kelma lill-istudenti u l-għodda biex jużawha bl-iktar mod intelliġenti, effettiv u kreattiv. Għax bil-kelma tagħmel triq fil-baħar. Bil-ħakma tal-kelma għandek f’idejk l-għodda biex issir persuna iktar kapaċi, iktar umana, iktar sħiħa.
L-Edukazzjoni tal-Kelma
Għalhekk kuntent ħafna li ninsab magħkom hawnhekk illum biex niċċelebraw ix-xogħol li sar u l-enerġija kreattiva li nħolqot għax l-edukazzjoni katina. Ma nistax naħseb f’metafora aħjar. L-edukazzjoni katina, ħolqa waħda tidħol fl-oħra, u iktar ma jkun hemm ħoloq, iktar ma tkun b’saħħitha kull waħda minn dawk il-ħoloq indipendenti imma marbutin flimkien, mgħannqin flimkien, iktar tkun b’saħħitha l-katina. U iktar tasal fil-bogħod. Il-kindergarten, il-primarja, l-iskola medja, is-sekondarja, il-kulleġġ postsekondarju, l-università: katina waħda ta’ għarfien, ta’ esperjenzi, ta’ perspettivi differenti fuq il-ħajja, fuq id-dinja ċkejkna u kbira li ngħixu fiha. Perspettivi fuq il-mod kif nifhmu u ninterpretaw lilna nfusna, lil xulxin, il-ġrajjiet li jseħħu madwarna, il-ġrajjiet li jseħħu ’l bogħod. Dak li nitgħallmu fil-primarja u s-sekondarja, il-mod kif nitkellmu u nġibu ruħna ma’ xulxin; dak li mmissu b’idejna u bis-sensi differenti tagħna; dak kollu li nitgħallmu fl-iktar skola importanti ta’ ħajjitna, id-dar, il-familja: nieħdu kollox magħna l-Università. Anki dawk il-ħafna affarijiet li nitgħallmu u ninsew, jew mingħalina ninsew. Għax fil-fatt, irridu jew ma rridux, naħżnu kollox fil-cloud tagħna, u meta jkollna bżonn, intellgħu fir-RAM ta’ moħħna. RAM: Random-access memory, memorja li tista’ taqraha u tibdilha fi kwalunkwe ordni. Memorja li tista’ tħaddimha, tużaha kif trid, kemm trid, meta trid.
Dak kollu li nitgħallmu niħduh magħna għal-lectures, niħduh magħna fuq il-post tax-xogħol, nużawh fir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija, ta’ mħabba, ta’ negozju, ir-relazzjonijiet li nibnu meta nsiefru. Dak kollu li ninvestu fina nfusna kapaċi jagħmilna bnedmin aħjar, aktar intelliġenti, aktar kreattivi, aktar sensittivi lejn il-mumenti u s-sitwazzjonijiet ta’ ħaddieħor. Dak li nitgħallmu kapaċi jagħmilna bnedmin aktar kuntenti bil-kapaċitajiet tagħna u ħerqanin biex qatt ma nieqfu nitgħallmu. Jiena jaffaxxinawni n-nies li jinteressahom kollox, li kapaċi jaraw xi ħaġa interessanti f’kull post li jżuru, f’kull persuna li jiltaqgħu magħha. Dawn in-nies dejjem bit-tbissima. Mhux għax kollox sabiħ. Imma għax f’kollox hemm ħjiel ta’ sabiħ, ta’ interessanti, ta’ maġija. Kull fejn ikunu, kull fejn ikun hemm storja. Jiġfieri lingwa. Kliem. Kelma. Il-maġija inkredibbli tal-kelma.
F’din il-katina ta’ esperjenzi ta’ tagħlim, il-kelma hija ħolqa importanti. Iktar ma jkollna ħakma tal-kelma, iktar ma nkunu kapaċi nużawha, nilagħbu biha, nisiltuha u nħaddmuha mir-RAM kumpless tagħna, iktar inkunu kapaċi nifhmu u nfiehmu, nispjegaw u nikkonvinċu. Minn banda bil-kelma iktar inkunu nistgħu nidħlu fid-dinja u fir-raġunament tan-nies li jkollna quddiemna; mill-banda l-oħra, bil-kelma iktar inkunu nistgħu ndaħħluhom fid-dinja u fil-loġika tagħna, inġibuhom magħna. Il-kelma hija d-damma tal-Monopoly, il-password, “pass word,” il-kelma li biha tgħaddi minn kamra għal oħra, minn livell għal ieħor, minn esperjenza sempliċi għal esperjenza iktar impenjattiva; “password” bil-Malti nsejħulha “l-kelma tal-qaddis.” Il-kelma hija qaddisa, fil-fatt. Tiftaħ il-bibien. Tużaha b’rispett; imma tista’ tużaha wkoll biex tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb. Iktar ma tkun kapaċi tħaddem il-kelma, iktar tista’ tagħmel affarijiet fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, fil-professjoni tiegħek, mal-iktar nies għeżież għalik, man-nies li tiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol jew kumbinazzjoni. Il-kelma hija fundamentali biex tikkomunika mhux biss il-ħsieb imma anki attitudnijiet, emozzjonijiet, xewqiet.
Tafu fejn sejjer. Dawk fostna li għandhom il-ħakma tal-kelma, bil-Malti, l-ilsien nazzjonali tagħna, bl-Ingliż, l-ilsien internazzjonali, bit-Taljan, bil-Franċiż, bl-Għarbi, b’kull lingwa possibbli għandhom f’idejhom id-dinja. Il-kelma tiftaħ dinja sħiħa ta’ għarfien u ta’ esperjenzi. B’kelma waħda kapaċi tifhem il-persuna ta’ quddiemek. Kapaċi tibda ħbiberija. Bil-kelma t-tabiba kapaċi tispjega kundizzjoni lill-kollegi tagħna fis-sala tal-isptar, kapaċi tifhem it-tiġrib tal-pazjenti tagħha, kapaċi tispjegalhom is-sitwazzjoni, ir-riskji, il-kura. L-għażla tal-kelma tista’ tkun kruċjali. Minħabba kelma żejda, mgħaġġla, żbaljata, minħabba ton żbaljat, pazjenta kapaċi tagħmel għażla żbaljata.
Il-lingwa hija annimal kumpless ħafna. Annimal li jista’ jigdmek u jferik imma annimal li kapaċi jżiegħel bik u li dejjem tista’ żżiegħel bih, annimal li tista’ tgħallmu jagħmel affarijiet li m’intix kapaċi tagħmel waħdek. Il-kelma tkun taf kemm hija meħtieġa meta ma ssibhiex.
Tobba, Labar u Kliem
Naħseb li l-kwistjoni tal-professjonijiet u r-relazzjoni tagħhom mal-lingwa hija kwistjoni importanti li wasal iż-żmien li naqbduha. Ħa nieħdu professjoni li diġà semmejt. It-tobba żgur li jużaw il-kliem ħafna iktar milli jużaw il-labar u l-magni. Imma aħna nħarrġuhom fl-arti tal-labar u fit-tħaddim tal-magni, imma ftit li xejn ikollhom l-opportunità li jitħarrġu fl-arti, fis-sengħa tal-kliem. Jitgħallmu l-Malti u l-Ingliż u forsi xi lingwa oħra, ħafna snin qabel ma jibdew jaħdmu bħala tobba, u mbagħad daqshekk. Għalhekk kultant niltaqgħu ma’ tobba li ħadd m’għallimhom kif jispjegaw, kif jirraġunaw, kif jisimgħu lill-pazjenti u kollegi tagħhom. Nitolbuhom jagħmlu kuljum dak li ma nħarrġuhomx biex jagħmlu. U tista’ tgħid eżattament l-istess ħaġa għall-periti, l-avukati, l-assistenti soċjali, il-plumbers, l-electricians… semmi lil min trid. Mhux qed nitkellem fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ magna, ma’ screen. Qed nitkellem fuq il-komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ, jien u int. It-tip ta’ komunikazzjoni li kulma jmur qed issir dejjem iżjed importanti f’ġurnata ddominata, għal ħafna minna, mid-dija tal-iscreen.
Imma hemm dimensjoni oħra importantissima. Għax aħna l-bnedmin m’aħniex biss magni tax-xogħol, m’aħniex laptops li ma titfihomx, dejjem għaddejjin, anki billejl. Aħna bnedmin. Aħna nfittxu dak li jagħti sfumaturi oħra lil ħajjitna. U hemmhekk ukoll, il-ħakma tal-kelma għandha funzjoni fundamentali. Il-film li naraw (u nisimgħu); il-kliem u l-mużika; l-istejjer li naqraw u nisimgħu; l-istejjer li nirrakkontaw; l-aħbarijiet li nikkunsmaw; il-kelma li nfittxu fl-iktar mumenti importanti ta’ ħajjitna biex infissru l-imħabba, is-sogħba, il-mogħdrija; il-kelma ta’ wens f’mument ta’ tbatija jew telfa inspjegabbli: ħajjitna miżżewġa mal-kliem.
Dawk fostna li għandhom il-ħakma tal-Malti, tal-Ingliż, ta’ iktar miż-żewġ lingwi fundamentali tagħna, għandhom id-dinja f’idejhom. Għax bħala bnedmin nistgħu nużaw il-Gen AI u ċ-chatbots imma m’aħniex chatbots. M’aħniex Large Language Models. Aħna kapaċi nkunu ferm iżjed intelliġenti minn hekk.
Għalhekk nifraħ lill-għalliema u l-istudenti ta’ dan il-kulleġġ, lill-ġenituri, li qed jinvestu f’edukazzjoni li tirrispetta dejjem l-isfumaturi kollha, il-kisriet kollha, it-tifsiriet u l-konnotazzjonijiiet kollha, tal-kelma.
Adrian Grima, Kap, Dipartiment tal-Malti, L-Università ta’ Malta


