Id-Dizzjunarju Mitluf ta’ Salvatore Mamo

Diskors ta’ Adrian Grima, Kap tad-Dipartiment tal-Malti. waqt l-Iffirmar ta’ Ftehim bejn Malta Libraries u l-Università ta’ Malta fuq id-Dizzjunarju ta’ Salvatore Mamo | Il-Bibljoteka Nazzjonali, it-Tlieta 3 ta’ Diċembru 2024

F’isem id-Dipartiment tal-Malti nirringrazzja lil Malta Libraries tal-fiduċja li mill-ewwel urew fina meta bdew jaħdmu fuq dan il-proġett. Nirringrazzjahom li sitt xhur ilu, fl-eqqel ta’ Awwissu tipiku Malti, f’uffiċċju bl-arja kkundizzjonata tal-Librerija Pubblika Ċentrali tal-Furjana, firxu quddiemna dan il-ġmiel ta’ manuskritt ta’ Salvatore Mamo. Dan id-dizzjunarju mill-Malti għall-Ingliż u mill-Ingliż għall-Malti kien mingħalina li kien mitluf u issa, bħan-nagħġa l-mitlufa, instab mill-ġdid minn ragħaj attent u b’qalb kbira. 

Nittama li dan ix-xogħol ta’ studju u traskrizzjoni li fdawna bih Malta Libraries ma ndumux ma nlestuh biex id-dizzjunarju jkun disponibbli għal kulħadd f’Malta u barra minn Malta. Dan il-proġett se jmexxih Dwayne Ellul, bis-sehem ta’ Javier Degiorgio u Maria Simiana.

Dan kollu sar bl-inizjattiva ta’ Dr Steve Borg, ħabib kbir tagħna u tal-għarfien u l-istudju tal-kultura ħajja ta’ pajjiżna. Steve kien ilu jgħidli li jrid ikellimni għax kellu xi ħaġa x’juri lili u lil sħabi tad-Dipartiment. Aktarx beda jtarrafli xi ħaġa waqt konverżazzjoni x-xatt ta’ Wied il-Għajn, jew waqt xi attività marbuta mal-ilsien Malti. Meta jgħidlek xi ħaġa Steve la jinsa hu, u lanqas ma jħallik tinsa int. 

Waħda mill-konvinzjonijiet u l-missjonijiet il-kbar tiegħu u tad-Dipartiment tal-Malti, ikolli ngħid, hija proprju li ma ninsewx, li ma nħallux l-immedjat joħnoq jew saħansitra jibbanalizza l-istorja, dik li darba konna niktbuha b’esse kbira. Esse kbira mhux għax hija fissa, jew ma tinbidilx. Kull storja, tkun kemm tkun kbira l-esse tagħha, hija interpretabbli, u trid tiġi interpretata skont iċ-ċirkostanzi l-ġodda u l-għarfien il-ġdid. Ma ninsewx biex nilludux ruħna li kollox beda bina. Ma ninsewx għax l-imgħoddi jgħallimna kif insawru l-preżent u l-futur. 

Salvatore Mamo jgħallimna dwar ir-relazzjoni tagħna mal-kelma, mal-lingwa, mal-lingwi. Jgħallimna dwar il-ħtieġa li naħkmu u ninħakmu mill-kelma, li rridu nirrispettawha biex hi mbagħad tirrispettana, u jtafdana. Għax kif qalli jumejn ilu fl-ajruport ta’ Malta missier żagħżugħ poliglotta Marokkin-Belġjan aħna u nistennew il-bagalji ħerġin, hu u jħares lejn bintu ta’ sena u erba’ xhur, il-lingwi huma l-muftieħ ta’ kollox. Irrid ngħallimha l-lingwi kollha li nista’, qalli, u mbagħad f’idejha. Imbagħad għandha l-għodda kollha biex tiftaħ il-bibien tal-ħajja u tal-għarfien. Ix-xogħol ta’ Salvatore Mamo huwa ħolqa importanti f’din il-kuxjenza dwar il-kelma u r-relazzjonijiet kumplessi tagħha mad-dinja li jgħixu u jirrakkontaw il-bnedmin. 

Din il-kollaborazzjoni ma’ Malta Libraries tidħol kexxun fil-vokazzjoni tad-Dipartiment bħala punt ta’ riferiment għall-istudju tal-lingwa, il-letteratura u l-kultura orali tagħna, kemm fl-ambjent akkademiku, kif ukoll fil-komunità. Punt ta’ riferiment u fl-istess ħolqa bejn individwi u entitajiet li għandhom għal qalbhom l-għarfien fil-fond u l-iżvilupp kontinwu tal-ilsien nazzjonali tagħna. 

Minħabba li r-riżorsi f’nazzjon ċkejken bħal tagħna huma limitati, u fl-istess irridu inħaddmu l-istess ħiliet ta’ nazzjonijiet u komunitajiet ferm ikbar minn tagħna, irridu bilfors naħdmu kemm jista’ jkun flimkien. Irridu bilfors inlaqqgħu l-ħiliet u r-riżorsi tagħna biex noffru l-aħjar servizz lill-komunità. Din, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-missjoni ewlenija tagħna. 

Il-ħidma tad-Dipartiment tal-Malti ma’ Malta Libraries biex nagħtu ħajja ġdida lil dan il-manuskritt ta’ Salvatore Mamo hija inizjattiva oħra biex pajjiżna jagħti prijorità lill-kultura, lill-għarfien, lir-rispett lejn il-kelma. Għax meta nindukrawha, bil-kelma nistgħu nivvjaġġaw lejn ħafna postijiet li permezz tagħhom tistagħna l-umanità tagħna. U ma jkollniex bżonn inġorru bagalji magħna.

Ritratti ta’ James Moffett, L-Università ta’ Malta

_________________

Leave a comment