Nhar il-Ħamis, 21 ta’ Novembru 2024 l-Akkademja tal-Malti se tfakkar lill-Prof. Oliver Friggieri fir-raba’ anniversarju minn mewtu (21.11.2020). Il-pubblikazzjoni tiġbor fiha l-atti tal-konferenza preżentati fil-Kunvent tal-Karmelitani fl-Imdina, li kienet ġiet organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Istitut Karmelitan fil-5 ta’ Marzu 2022.
F’din il-konferenza, bit-tema “Aħna ġejna mill-Ġenna” taw sehemhom seba’ kelliema li ħarsu mill-qrib lejn l-ispiritwalità fil-kitbiet tal-Prof. Friggieri u f’ħajtu.
Din is-serata mużiko-letterarja tinkludi qari ta’ poeżiji minn Mario, Nathalie u Diane Micallef flimkien ma’ interventi mużikali minn Vince Fabri u Marceline Galea. Rev. Dr Jonathan Farrugia se jagħmel kummentarju qasir dwar il-pubblikazzjoni msemmija hawn fuq minn.
Fi tmiem is-serata, wara d-diskors tal-President ta’ Malta, Dr George Farrugia, il-President tal-Akkademja, se jippreżenta kopja tal-ħarġa speċjali ta’ Il-Malti lill-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono.
Stqarrija tal-Akkademja tal-Malti (19 ta’ Novembru 2024)
F’din il-ħarġa speċjali, għadd XCVI, ta’ Il-Malti bl-atti tal-Konferenza “Aħna Ġejna mill-Ġenna – L-Ispiritwalità fil-Ħajja u l-Kitba ta’ Oliver Friggieri” hemm kontribut tiegħi bl-isem ta’ “Oliver Friggieri: Fraġilità, Dissens u Ikonizzazzjoni Nazzjonali” li jibda hekk:
Dan l-intervent tiegħi se jipproponi ħarsa għalkollox suġġettiva lejn il-figura ta’ Oliver Friggieri. Il-punt ta’ riferiment tiegħi se jkun waħda mill-poeżiji tiegħu, “Illum Jasal it-Tren,” li kiteb fl-1977 meta kellu tletin sena. “Illum Jasal it-Tren” dehret, fost l-oħrajn, fil-ġabra tal-poeżiji tiegħu li kien ħa ħsieb Toni Cortis, Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel (1988). Dil-ġabra ġibdet lil ħafna qarrejja bħali lejn il-forza ta’ poeta li għalija, student ta’ għoxrin sena fil-Fakultà tal-Arti li kienet għadha kemm reġgħet fetħet, kien il-leħen kolt u passjonali tad-dissens bla tlaqliq. Biex nieħdu idea tal-fażi poetika li kien jinsab fiha, fl-istess sena kiteb żewġ poeżiji oħrajn, “Wara din is-Sjesta” u “Innu lil Tribù b’Żewġ Bnadar,” u fis-sena ta’ qabel, l-1976, kiteb “Bil-Linka Indelibbli” u “Il-Formula tas-Suwiċida.”
L-1977 kienet is-sena tal-qtil ta’ Karin Grech, qtil bla ħniena li lil Oliver darbu profondament u s-sena ta’ wara kiteb “Werqa fl-Album ta’ Karen.” Jiġifieri “Illum Jasal it-Tren” inkitbet fi żmien meta Oliver kien qed jikteb kemm fuq id-disprament individwali u s-suwiċidju u kemm fuq it-traġedji kollettivi tagħna. Għalhekk xejn m’jien komdu bir-rappreżentazzjoni, kultant konvenjenti, tal-“Professur Friggieri” bħala “ġgant tal-letteratura Maltija” u iktar u iktar bħala “ikona nazzjonali”: għax għalija l-kobor tiegħu jinsab l-aktar fil-mod kif irrakkonta umanità fraġli, difettuża, kontradittorja, sikwit iddisprata. L-ikonizzazzjoni tiegħu twarrab dik is-sensittività u l-mogħdrija straordinarja li waqt li kapaċi tara lill-bnedmin fix-xifer tad-disprament, b’xi mod dejjem tarahom isibu l-forza, ġo fihom stess, il-konvinzjoni, il-fidi fil-ħajja u fl-umanità tagħhom, biex jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ, biex jirrifjutaw l-għarqa.
