Is-Seklu l-Ġdid tal-Esej Malti

It-tnedija tal-proġett Essays Beyond Borders, l-Erbgħa 6 ta’ Novembru 2024, Aula Magna, L-Università ta’ Malta, Valletta Campus 

Diskors ta’ Adrian Grima (Dipartiment tal-Malti, L-Università ta’ Malta)

Ftit tal-jiem ilu, mhux ’il bogħod minn fejn ninsabu llum, il-kollega tagħna Kurt Borg kien qed iniedi ġabra ta’ esejs bil-Malti. Esejs personali, filosofiċi, letterarji. Uħud min-nies li kienu hemm, fl-ispazji miftuħa ta-Valletta Contemporary qrib Victoria Gate, jinsabu hawn illum. Ħerqanin biex jaraw kif se jiżvolġi dan il-ġeneru ta’ kitba li għal ħafna żmien ma tqiesx bħala mezz biex nesprimu ruħna b’mod letterarju, b’mod inċiżiv. Ħerqanin biex jaraw kif jistgħu jinqdew bih, jagħġnuh, jimmanipulawh biex jirrakkonta dinja iktar kumplessa, dejjem iktar maqbuda fin-narrattivi li nimponu fuqha biex nippruvaw nagħtuha xi tip ta’ forma li tagħmel sens, xi tip ta’ loġika, xi tip ta’ ordni.

Adrian Grima waqt it-tnedija ta’ Essays Beyond Borders, Aula Magna, Valletta Campus

Dakinhar tat-tnedija ta’ Sens ta’ Ħarifa ta’ Kurt Borg, ġrat xi ħaġa li naħseb li tagħtina ħjiel tal-mument storiku li jinsab fih l-esej Malti. Matul il-lejla, il-ġens grammatikali tal-kelma “esej” inbidel kemm-il darba, minn maskil għal femminil, u lura għall-maskil. Id-dizzjunarju awtorevoli tal-Malti ta’ Ġużè Aquilina u d-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji ta’ Oliver Friggieri t-tnejn iqisu l-kelma “esej” bħala maskil; għal uħud minna, fosthom Kurt, “esej” aktarx huwa femminil. Fil-ktieb jagħtih il-ġens maskil, imma waqt it-tnedija beda jitkellem bil-qalb fuq l-esej fil-femminil. U ntbaħna li l-problema tal-ġeneru ta’ dan il-ġeneru fil-fatt nistgħu nħarsu lejha bħala opportunità biex ninterpretaw l-esej bħala kreatura b’identità fluwida, kultant raġel, kultant mara, kultant la mara u lanqas raġel, mhux binarja, kultant personali, kultant filosofika, kultant politika, dejjem letterarja.

Dr Kurt Borg, l-awtur ta’ Sens ta’ Ħarifa (KKM, 2024)

Imma l-identità tal-esej Malti, speċjalment l-esej bil-Malti, naħseb li hija fluwida għax hija identità li għadha qed tissawwar, identità li ma tistax tistrieħ fuq tradizzjoni, fuq storja qadima, fuq ġenealoġija sħiħa ta’ kitbiet li setgħu imponew, esej wara l-ieħor, l-identità kollettiva tagħhom. L-istorja tal-esej Malti hija storja ta’ nuqqas ta’ storja, ta’ storja li bdiet u ma komplietx, li bdiet, waqfet, u mbagħad, meta mingħalina kienet mietet għalkollox, bdiet mill-ġdid, minn jeddha, bil-ħila tagħha, mingħajr għodda, mingħajr majjistra.

F’Marzu tal-1938, fl-artiklu “L-essay u l-letteratura tagħna,” dik li nistgħu nqisuha bħala l-ewwel stqarrija bil-miktub dwar l-esej bil-Malti fir-rivista tal-istudenti tal-Università, Leħen il-Malti, Ġużè Chetcuti jitkellem dwar dik li jaraha bħala l-ħtieġa li fil-letteratura Maltija tibda tinkiteb “din il-fergħa ġdida” tal-esej. L-awtur mill-ewwel jidentifika dan il-ġeneru ma’ kwalitajiet li jqishom bħala essenzjali fil-letteratura b’mod ġenerali, “l-oriġinalita fil-ħsieb u fl-istil,” u mbagħad speċifikament mal-umoriżmu, is-“sense of humour” li għalih huwa karatteristika essenzjali tal-esej Ingliż li kien qed jipproponi għal-letteratura Maltija. “Imma aħna,” jgħid Chetcuti, “ma rridux niktbu dak li jħossu l-Ingliżi: irridu niktbu dak li nħossu aħna. Irridu nogħġbu u ngħallmu Maltin bħalna. Mela niktbu dak li tħoss il-qalb Maltija.” Illum nitħassbu meta nisimgħu frażijiet bħal “il-qalb Maltija” għax għandna konċezzjoni inqas essenzjalista, iktar plurali u plurivokali tal-identitajiet kumplessi tagħna bħala bnedmin u bħala Maltin. Imma nafu li Chetcuti jemmen li l-esej Malti jrid jaddatta ruħu għar-realtajiet soċjali u kulturali tal-Maltin u għaċ-ċirkostanzi tal-kitba Maltija. U ma nistgħux ma naqblux miegħu.

L-intervent tal-Prorettur Simon Fabri

L-esej Malti, jgħid Chetcuti bl-impostazzjoni preskrittiva tiegħu, irid ifisser “bi stil persunali u magħqud, il-kotra ħsebijiet li jimlew moħħ il-bniedem. Mhemmx għalfejn tul wisq, lanqas toqol u taħwid. Żewġ ħwejjeġ jeħtieġ ukoll jimxu id f’id: qawwa u ħlewwa. Qawwa fil-ħsieb li għandu jinkiseb mill-ħajja li tiċċaqlaq madwarna, ħlewwa fil-kliem u fl-idjomi magħżula, ġodda bħalma hi ġdida x-xejra tal·ħsieb artistiku tal-essayist tajjeb.” Chetcuti jinsisti li “l-personalità” tal-kittieb jew tal-kittieba “hi l-iżjed meħtieġa, u għandha titwaħħad mal-ħsebijiet” li jfissru. F’dan il-punt jiddistingwi bejn l-esej u l-lirika, li għalih it-tnejn huma “tifsir il-personalità, imma l-lirka fiha tiġbor waqtiet qawwija ta’ qawmien il-qalb, ġibdiet, u mħabbiet qalila, waqt li l-essay jolqot ħafna lill-moħħ, is-sense of humour, u t-titwila ġdida” tal-kittieba “għal fuq il-ħajja.”

Mix-xellug, David Attard, Adrian Grima, Kathleen Vella, u Mario Aquilina

Fit-tradizzjoni tal-esej letterarju internazzjonali li qed tnebbaħ lill-esejisti Maltin tas-seklu wieħed u għoxrin hemm il-vuċi prominenti tal-esejista, “l-istil persunali u magħqud” li jirreferi għalih Chetcuti, u hemm ukoll “il-kotra ħsebijiet,” għax l-esej letterarju huwa spazju ta’ riflessjoni intellettwali. Imma fejn jidħlu t-“tul,” it-“toqol” u t-“taħwid,” l-esej il-ġdid qed jaqdef fid-direzzjoni opposta ta’ dik li jipproponi Chetcuti. U waqt li huwa xprunat “mill-ħajja li tiċċaqlaq madwarna,” kif jemmen li għandu jkun Chetcuti, l-esej il-ġdid qajla nistgħu nidentifikawh mal-“ħlewwa fil-kliem u fl-idjomi magħżula.” Hawn ukoll, l-esej il-ġdid qed jimbotta l-kliem u l-frażijiet biex joħloq spazji ġodda. Fl-aħħar nett, id-distinzjoni pjuttost netta bejn il-lirika u l-esej, il-ġeneru l-ġdid jidhirli li ma jridhiex u jfittixhiex: għalkemm mhuwiex poeżija u mhuwiex lirika, l-esej il-ġdid ma jeskludix l-esplorazzjoni ta’ “waqtiet qawwija ta’ qawmien il-qalb, ġibdiet, u mħabbiet qalila.” L-idea tal-esej bħala kitba pjuttost qasira, b’missjoni aktarx ċara, u bit-tip ta’ ton ta’ distakk emozzjonali li nassoċjaw mas-sens ta’ umoriżmu Ingliż, hija mbiegħda sew mill-idea tal-esej Malti l-ġdid.

Il-Prof. Mario Aquilina, il-moħħ wara l-proġett Essays Beyond Borders

Għalhekk naħseb li hemm mhux biss baħar jaqsam imma epoka sħiħa bejn dan il-programm li jipproponi Chetcuti għall-esej bil-Malti, u l-esej il-ġdid li beda jidher fir-rivista letterarja Aphroconfuso f’nofs l-2023 immexxija minn Joe Gatt u Loranne Vella, bejn l-esejs tas-snin tletin u erbgħin ta’ Ġużè Aquilina, bħal “Meta Frar Tilef Rasu” (1936), u Ġużè Cassar Pullicino, bħal “It-Triq Tagħna” (1942), u l-esejs ta’ Omar N’Shea, bħal “Joey Tilbes, it-Tabù Tinża’,” jew dawk li beda jikteb waqt il-pandemija Kurt Borg u li hemm miġburin fil-ktieb tiegħu Sens ta’ Ħarifa.

L-esejisti l-ġodda, imnebbħin mhux minn tradizzjoni indiġena imma mil-lingwi u l-lingwaġġi tal-esej fl-Ewropa, l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina, u lil hinn, bdew jesperimentaw bil-kumplessità u l-isfumaturi tal-vuċi personali; bl-intensità tal-emozzjonijiet tagħhom u fl-istess ħin bid-distanza kuta u kkalkulata tal-ironija; bil-vjaġġ fil-mhux magħruf tal-moħħ u s-sensi u fit-territorju l-ġdid tal-ġisem; bil-politika tas-sesswalità u l-eteronormattività; bir-rivalutazzjoni tal-istorja personali tagħhom u l-istorja kollettiva tagħna;  bl-iskumdità tal-kolonjaliżmu u l-fdal tiegħu fil-banalità tal-partiġjaniżmu; u bl-influwenza sikwit sovversiva ta’ testi letterarji u intellettwali internazzjonali. L-esejisti l-ġodda aktarx bdew ifittxu l-vokabolarju u l-frażijiet, forsi anki inkonxjament, f’dik it-tradizzjoni letterarja qadima li riedet tniedi programm ta’ esejs ġodda bil-manifesti u l-kompetizzjonijiet fir-rivisti letterarji, imma bdew ukoll jimmanipulaw din l-idjoma rispettata biex taqdihom fid-dinja ipermedjatika tas-seklu tal-internet u l-mezzi soċjali. 

Il-poster iddisinjat minn Gabriel Izzo mill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Università ta’ Malta

Fil-workshops tal-kitba tal-esej li qed nagħmlu l-Università bl-isem ta’ “Ġisem. Ġrajja. Post.” bħala parti minn Essays Beyond Borders, qed nesperimentaw bil-konfini ta’ dan il-ġeneru, il-vuċi personali, ir-riflessjoni fuq il-waqt u fuq il-ħajja, l-aneddotu u n-narrattiva, id-diskors dirett u d-djalogu, l-influwenza diretta u indiretta ta’ testi oħrajn, l-osservazzjoni u l-lirika, is-sentiment u n-nostalġija. Qed naqraw lil George, Orwell, Jean Genet, Zadie Smith, Arundhati Roy, Christa Wolf, Andrej Blatnik, u lil Driss Ksikes. L-istorja tal-esej kif qed nifhmuh fil-proġett Essays Beyond Borders tmur lil hinn minn Malta taħt l-Ingliżi, qrib ħafna ta’ Victoria Gate. Forsi wara kollox dak li qed nagħmlu: imnebbħin minn ħafna vuċijiet u tradizzjonijiet, qed infittxu l-esej li jgħinna, li tgħinna nesploraw, ir-realtajiet u l-immaġinarji l-ġodda tagħna.


Leave a comment